Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #31063 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Operazzjoni ma ssirx għax ma jkunx fl-aħjar interess tal-pazjent

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma l-istorja li dehret nhar it-12 ta' Frar 2017 fuq Newsbook u jgħid jekk hux minnu li f'ċertu ċirkostanzi l-parir tal-anestetista biex operazzjoni ma ssirx għax ma jkunx fl-aħjar interess tal-pazjent, qed jiġi injorat? Jikkonferma jekk operazzjoni ssirx, f'każ li pazjent ma jkunx f'qagħda li jagħmilha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni jekk issirx jew le operazzjoni fuq pazjent hija dejjem waħda klinika, meħuda mit-team kliniku responsabbli mill-kura tal-pazjent. Meta pazjent jinstab li mhux f’kundizzjoni li jiflaħ għall-intervent, waqt li l-intervent jiġi postpost jittieħdu miżuri korrettivi biex saħħet il-pazjent titjieb kemm jista’ jkun sakemm ikun jista’ jsir l-intervent.
Leg 12 PQ #31064 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Pazjenti li qed jinħbew fis-swali tal-operazzjonijiet u fl-ITU

Question

Jista l-Ministru jikkonferma l-istorja li dehret nhar it-8 ta' Frar 2017 fuq Newsbook u jgħid jekk hux minnu li pazjenti qed jinħbew fis-swali tal-operazzjonijiet u tal-ITU biex ma jidhrux pazjenti, jistennew fil-kurituri u fl-emerġenza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda pazjenti moħbija la fit-teatri tal-operazzjonijiet u lanqas f’ebda parti oħra tal-isptar Mater Dei. Fil-fatt huwa fiżikament impossibli li jinħeba xi ħadd f'sala tal-operazzjonijiet. Imqabbel ma' Jannar tal-2012, f'Jannar ta' din is-sena n-numru ta' pazjenti fil-kurituri naqsu b'92%. Dan huwa riżultat ta’ investiment bi pjan ċar, organizzazzjoni aħjar u billi nimmassimizzaw ir-riżorsi tagħna.
Leg 12 PQ #31065 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – paediatric surgeons li joperaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm paediatric surgeons joperaw fl-Isptar Mater Dei u jgħid x'jisimhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dipartiment tal-Kirurġija tat-tfal f’Mater Dei hemm jaħdmu Mr John Cauchi, Mr Colin Mizzi, kif ukoll tobba trainees. Wara li ftit taż-żmien ilu spiċċa l-kuntratt ta’ Kirurgu ieħor Dr Basil Brown, din il-gimgħa stess ser jiġi Malta biex jingħaqad ma dan id-dipartiment Kirurgu tat-tfal ieħor Mr Mohammed Shoukry.
Leg 12 PQ #31066 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Pazjenti li ħadu trattament permezz tal-mediċina Capecitabine

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti li ħadu trattament permezz tal-mediċina Capecitabine f’Malta u f’Għawdex fl-2016? Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-fatt din mhijiex mediċina ġdida fil-formolarju, imma nbidel il-protocol (31) tagħha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm total ta’ 66 pazjent li nħarġilhom permess għal-mediċina Capecitabine fl-2016 wara li ġiet introdotta minn din l-amministrazzjoni fl-2015. Sa xahar ilu din il-mediċina kienet tingħata mingħajr ħlas lill-pazjenti b'kanċer tal-musrana l-kbira. Minn Frar ta' din is-sena l- Capecitabine bdiet tingħata mingħajr ħlas ukoll lil pazjenti b'kanċer tal-istonku, tal-fwied, tal-frixa u tas-sider. Dan ifisser illi vicin il-200 pazjent ġdid fis-sena se jibbenifika minn din il-mediċina ġdida mingħajr ħlas- pazjenti li sa ftit ilu kien ikollhom iħallsu eluf ta' ewro minn buthom sabiex jieħdu din il-kura tal-kanċer.
Leg 12 PQ #31067 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Pazjenti li ħadu trattament permezz tal-mediċina Mitomycin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti li ħadu trattament permezz tal-mediċina Mitomycin f’Malta u f’Għawdex fl-2016? Jista’ jikkonferma li fil-fatt din mhijiex mediċina ġdida fil-formolarju u ilha fil-formolarju tal-mediċini fis-sezzjoni tal-mediċini li jintużaw fl-isptar biss? Jista’ l-Ministru jikkonferma wkoll li fil-fatt sad-9 ta’ Frar 2017, ġimgħa wara li l-Ministru ħabbar li l-Mitomycin se tkun waħda mill-mediċini l-ġodda tal-kanċer (meta nkitbet din il-mistoqsija) kien għadu ma nbidel xejn mill-formolarju fir-rigward ta’ din il-mediċina?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-ġimgħat li ġejjin ser tidhol sistema ġdida biex jiġi trattat il-kanċer tal-Urinary Bladder. Din is-sistema l-ġdida tinvolvi l-użu ta’ Mitomycin C f’doża ġdida għal-formularju tal-gvern, kif ukoll apparat u aċċessorji ġodda. Ladarba din il-mediċina ġdida tidħol fil-formolarju tal-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin, huwa smat li madwar 300 pazjent ġdid fis-sena ser jibbenefika minnha mingħajr ħlas.
Leg 12 PQ #31101 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Dar il-Mediterran għall-Konferenzi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pajjiżna qed kull ma jmur ikabbar il-popolarità tagħhu bħala attrazzjoni għall-konvenzjonijiet u konferenzi internazzjonali. Bejn Jannar u Dicembru 2016, waslu Malta kważi 136,770 viżitatur fuq skop ta’ negozju li jinkludu laqgħat fuq livell għoli u konferenzi. Dawn il-viżitaturi żdiedu b’7.8% aktar minn dak reġistrat is-sena ta’ qabel. Dan it-tkabbir f’din in-niċċa turistika jixpruna aktar ħidma biex inkomplu ngħollu l-livell u l-kwalità tal-prodott. Il-Gvern qed jaħdem fuq diversi proġetti bil-għan li jippreserva l-edifiċju, itejjeb is-servizz u jiġġenera iktar dħul għaċ-Ċentru tal-Mediterran ghall-Konferenzi. Dan sabiex Malta tkun ppreparata għal żieda f’din in-niċċa tal-konvenzjonijiet u konferenzi u tesponi lilha nnifisha bħala destinazzjoni ewlenija fil-Mediterran fl-organizzazzjoni ta’ konvenzjonijiet, laqgħat ta’ livell għola u konferenzi. Il-proġetti u x-xogħlijiet illi għaddejjin bħalissa jinkludu: 1. Main Switchboard – L-għan ta’ dan il-proġett hu sabiex l-MCC ikun jista’ jlaħħaq ma’ domada li dejjem qed tiżdied għall-elettriku; 2. Ristruttar ta’ sala magħrufa bħala tank room – L-għan ta’ dan il-proġett hu li jiġi mnehdi spazju ġdid li jtejjeb il-qlieqħ taċ-Ċentru sabiex b’hekk ikun jista’ jiġi investit fiċ-Ċentru stess; 3. Installazzjoni ta’ arja kundizzjonata f’Republic Hall – L-għan hu li ntejbu s-servizz għall-pubbliku u nnaqsu l-inkonvenjent għall-ġirien; 4. Roof Project - L-ghan ta dan il-progett hu li jigi mnehdi spazju ġdid; 5. Ristrutturar tal-Kappella Perellos u ftuħ tax-Xelters – L-għan ta’ dawn il-proġetti hu li jiġi ppreservart il-wirt kulturali; 6. Ristrutturar fis-Sala tal-Iskjavi– L-għan ta’ dan il-proġett hu li jiġi mnehdi spazju ġdid li jtejjeb il-qlieqħ taċ-Ċentru sabiex b’hekk ikun jista’ jiġi investit fiċ-Ċentru stess; 7. Embellishment Restrooms – L-għan hu li ntejbu s-servizz għall-pubbliku u għall-klijenti; 8. Proġett b’ Holographic Technology u Augmented Reality - It-tnehdija ta’ teknoloġija innovattiva li ser tirrakonta l-istorja ta’ Malta b’enfasi fuq ġrajjiet li seħħew fiċ-Ċentru u l-madwar. B’hekk ser jitfetħu aktar il-bibien ta’ din il-binja meravijluża. Uħud minn dawn il-proġetti ser jiġu ko-finanzjati mill-UE kif ukoll minn fondi taċ-Ċentru u tal-Gvern Ċentrali.
Leg 12 PQ #31102 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Dar il-Mediterran għall-Konferenzi — profit

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għamlitx profitt fl-2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bħala entita’ illi tikkompeti ma’ kumpaniji u entitajiet oħra li joperaw fl-istess settur, għandi l-pjaċir intenni illi, għal sena oħra konsekuttiva, kellna prestazzjoni pożittiva ħafna. Hekk kif qed nesperjenzaw xgħira posittiva fejn is-settur tal-konferenzi qed jikber, il-Bord u t-tim ta’ ġestjoni tal-MCC qed jaħtaf kull opportunita’ sabiex jitjieb is-servizz u jiġi ġġenerat iktar dħul. Dan filwaqt illi jiġu kkontrollati l-ispejjez sabiex l-entita’ tkun self-sustainable . Infakkar illi l-prestazzjoni finanzjarja tal-entita’ nbidlet minn waħda ta’ telf ta’ €95,000 fl-2013, għal waħda ta’ prattikament breakeven fis-sena 2014 u profitt konsiderevoli fl-2015. Għas-sena 2016 ukoll, fuq l-istess binarji tal-2015, ġie rreġistrat qliegħ fil-kotba ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Leg 12 PQ #31103 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Dar il-Mediterran għall-Konferenzi – management – tnaqqis ta’ tniġġiż tal-ħsejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu mill-management ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi biex jiġi mmitigat l-inkonvenjent għar-residenti, speċjalment dak ta’ tniġġiż tal-ħsejjes?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt illi l-Bord u t-tim ta’ ġestjoni ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) qed jaħdem qatigħ sabiex dan il-post joffri dak kollu li hu mitlub biex jittellgħu u jiġu organizzati konferenzi, laqgħat, seminars u attrazzjonijiet kulturali, teatrali u mużikali, u esibizzjonijiet b’mod professjonali fuq livell internazzjonali. Flimkien ma’ proġetti illi qed isiru bi skop illi joffru esperjenza unika għall-viżitaturi, l-MCC nhieda sensiela ta’ progetti sabiex l-inkonvenjent fuq ir-residenti jigi mitigatat, kif ġej: 1. Proġett ta’ sistema Soundproofing bejn is-Sala La Valette u s-sala Repubblika bil-għan ewlieni li jiġu akkomodati żewġ attivitajiet f’daqqa bl-inqas inkonvenjent għall-klijenti u għall-ġirien; kif ukoll 2. Inbeda proċess ta’ immodernizzar tas-sistemi tal-arja kundizzjonata tal-MCC sabiex sistemi li sal-ġurnata tal-lum kienu ta’ inkonvenjent fuq il-ġirien, ma jibqgħux ikunu ta’ inkonvenjent minħabba li dawn jitħaddmu b’teknologija moderna u silenzjuża
Leg 12 PQ #31104 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – Recognition for Prior Learning — preparamenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ fiex waslu l-preparamenti għall-eżerċizzju ta’ Recognition for Prior Learning tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Jista’ jgħid kif dan l-eżerċizzju qed jiġi milqugħ mill-industrija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-preparamenti għall-eżerċizzju ta’ Recognition for Prior Learning, illi mistenni jiġi imniedi uffiċjalment fiż-żmien qarib, jinsabu fi stadju avvanzat ħafna. Dan l-eżerċizzju ser iwassal biex l-Istitut għall-Istudji Turistiċi isir aktar aċċessibli għal dawk li jixtiequ jkomplu jitħarrġu f’dan is settur, fil- livelli varji ta’ edukazzjoni li l-istess Istitut qiegħed, u ser ikun qiegħed joffri. Fil-frattemp, qed isir taħrig estensiv mill-Universita’ Finlandiza Haage Helia, lill-membri ta’ l-istaff akkademiku f’dan ir-rigward. Il-bżonn għal dan l-eżerċizzju ilu jinħass minħabba l-fatt illi hemm numru sostnazjali ta’ nies illi jaħdmu fis-settur u m’humiex koperti b’ċertifikazzjoni akkreditata u għalhekk isibuha aktar diffiċli illi jerġgħu jidħlu fid-dinja tal-edukazzjoni. Permezz tar-Recognition for Prior Learning ser inkunu qegħdin niffaċilitaw din it-tranżizzjoni. Dan l-eżerċizzju qed jiġi milqugħ tajjeb ħafna mill-industrija u jidher illi ser ikun hemm rispons tajjeb meta jibdew jintlaqghu l-applikazzjonijiet.
Leg 12 PQ #31105 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — tagħlim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi sabiex jiġi żgurat li dak li qed jiġi mgħallem huwa konformi ma’ dak li l-industrija trid minn gradwati futuri?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Istitut għall-Istudji Turistiċi waqqaf Kumitat Xjentifiku magħmul minn Entitajiet u Assoċċjazjonijiet fis-settur tat-Turiżmu u dan sabiex ikun żgurat li dak li qed jiġi mgħallem huwa konformi ma’ dak li l-Industrija trid minn gradwati futuri. Oltre dan, matul din is-sena akkademika, tnediet konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha li b’xi mod huma involuti fl-industrija sabiex jsir konsultazzjoni fuq il-mod ta’ tagħlim li qed jiġi mgħallem fil-kurrikulu eżistenti. Dan il-proċess intemm b’konferenza bejn l-Industria u l-Istitut fejn ġie diskuss u maqbul it-tibdil li hemm bżonn sabiex jkun konformi mall-esiġenzi tas-settur għaż-żmien tal-lum. Dan l-eżerċizzju kien wieħed ta’ suċċess tant illi ġie deċiż li jibda jsir kull sena. Fost dawn it-tibdiliet fil-kurrikulu, hemm aktar enfasi fuq il-motivazzjoni u l-attitudni lejn dan ix-xogħol, kif ukoll enfasi fuq kif studenti għandhom jiġu mħarrġa biex jippreżentaw lilhom infushom aħjar mhux biss fid-dinja tax-xogħol imma wkoll fl-istanzi meta jkunu qed jaffaċċjaw lill-klijent. Tibdil ieħor huwa f’dak li jirrigwarda l-bżonn ta’ aktar teamwork – ħila illi hija essenzjali f’dan is-settur. Ingħatat ukoll importanza lil setturi aktar speċjalizzati bħal korsijiet f’Revenue Management fejn ser ikun hemm iktar iffukar fejn jiġu mgħallma international marketing u financial management.
Leg 12 PQ #31106 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Air Traffic Service Ltd — valur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur tal-kumpanija Malta Air Traffic Services Limited fl-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista (jiġifieri fl-2012) u kemm kien il-valur fl-aħħar ta’ Diċembru 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-valur tal-kumpanija Malta Air Traffic Services Limited fl-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista fl-2012, kien ta’ €5,119,404 filwaqt illi għall-aħħar tas-sena 2016, il-valur tal-istess kumpanija kien ta’ €33,342,000. Tajjeb infakkar illi l-kumpanija Malta Air Traffic Services mhu qegħda tirċievi l-ebda subvenzjoni mingħand il-Gvern. Is-suċċess ta’ din il-kumpanija huwa sinjal ċar tal-għaqal li qiegħda titmexxa bih taħt din l-amministrazzjoni.
Leg 12 PQ #31124 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – Knee Replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru interventi ta’ knee replacement fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2015? Kemm minn dawn kien ilhom jistennew aktar minn sena? Kemm minn dawn kien ilhom jistennew aktar minn sitt xhur? Kemm minn dawn kien ilhom jistennew anqas minn sitt xhur? Kemm minn dawn kien ilhom jistennew anqas minn tliet xhur?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2015 saru 587 knee replacements fosthom 373 fuq pazjenti li kienu ilhom jistennew aktar minn sena.
Leg 12 PQ #31125 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – Knee Replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru interventi ta’ knee replacement fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2016? Kemm minn dawn kien ilhom jistennew aktar minn sena? Kemm minn dawn kien ilhom jistennew aktar minn sitt xhur? Kemm minn dawn kien ilhom jistennew anqas minn sitt xhur? Kemm minn dawn kien ilhom jistennew anqas minn tliet xhur?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2016 in-numru ta’ operazzjonijiet ta’ knee replacements kompla jzid. Apparti li komplew isiru knee replacements f’Mater Dei, dan il-gvern għamel arrangament ma’ sptarijiet privati sabiex minn April tal-istess sena, pazjenti tagħna tkun tista’ issirilhom l-operazzjoni f’dawn l-isptarijiet. B’kollox matul is-sena li għaddiet saru 821 knee replacements fosthom 403 pazjenti li kien ilhom jistennew aktar minn sena.

Sptar ta’ Għawdex – apparat mixtri b’fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Invista tal-fatt li l-Isptar ta’ Għawdex għandu diversi apparat mixtri b’fondi tal-Unjoni Ewropea, issa li l-isptar ġie pprivatizzat, jista' d-Deputat Prim Ministru, jgħid jekk humiex qed jitħarrsu l-obbligi u l-kundizzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea għall-imsemmija fondi li ngħataw biex seta’ jinxtara dan l-apparat? Jista' jgħid jekk tali apparat mixtri b' kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea jistax jintuża minn kumpaniji privati u taħt liema kundizzjonijiet jista' jintuża?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-privatizzazjoni ta' l-isptar t'Għawdex ma kellha ebda impatt fuq l-użu tal-apparat kif propost oriġinarjament. Nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi t-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 12 PQ #31127 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar t’Għawdex – ħlas għall-pazjenti Maltin mill-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed iħallas għall-pazjenti Maltin li qed jintbagħtu mill-Isptar Mater Dei fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex biex jagħmlu użu mill-apparat tar-radjoloġija li nġab b' kofinanzjament Ewropew fil-leġiżlatura l-oħra, issa li l-Isptar ta' Għawdex għadda għand il-privat? Dawn qed jitħallsu mill-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid x'arranġamenti hemm bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare dwar il-ħlas ta' tali investigazzjonijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz imsemmi minnu huwa inkluż fil- Health Services Delivery Agreement bejn il-Gvern u l-VGH.
Leg 12 PQ #31128 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – fond tal-NGOs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-fond tal-NGOs fil-Ministeru tiegħu fis-snin 2014, 2015 u 2016? Jista' jgħid kemm ser ikun fis-sena kurrenti (2017)? Jista' jgħid fis-snin 2014, 2015 u 2016 liema NGO's ibbenefikaw minn dan il-fond, kemm kien l-ammont li ngħata kull NGO u għal liema skop? Kif tqassmu l-fondi f'kull każ - wara sejħa jew b' diskrezzjoni ta' uffiċċjali tal-Ministeru?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Applikazzjoni għaċ-Ċittadinanza – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni ta’ ċittadinanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz ta’ Telecare – każ ta’ anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni għal servizz ta’ telecare għall-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-każ imsemmi nminnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Advisory Board tal-fostering

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30797 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-inkjesta li kienet intalbet mill-Ministru għall-Familja u Soliderjetà Soċjali waqt li kien għamel referenza għal diskors li sar minni fil-21 ta' Ottubru 2015 waqt seduta parlamentari b'rabta mal-ħidma tal-Advisory Board tal-fostering tlestietx? Jekk fil-fatt tlestiet, jista’ jpoġġi r-rapport ta' din l-istess inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Liċenzja ta’ parker – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li jixtieq li l-liċenzja ta’ parker tinqaleb fuq it-tifel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi t-talba tal-Onor. Interpellant ma tistax tkun ikkunsidrata minħabba li skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament 65(4)(a) tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur, liċenzja ta’ car park attendant hija personali u mhux trasferibbli.