Jista’ l-Ministru jgħid x’irriżulta sal-lum mill-introduzzjoni tal-ġbir tal-borża organika fil-lokalitajiet li din is-sistema ġiet introdotta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-borża organika giet introdotta għal-ewwel darba fl-aħħar ta’ Ottubru 2015 f’ħames lokalitajiet f’Malta li mbagħad żdiedu b’erbgħa oħra fl-aħħar ta’ Jannar 2016. Il-lokalitajiet li qed jipparteċipaw f’din is-separazzjoni tal-iskart organiku sa llum huma tlieta w għoxrin, wara li l-proġett ġie estiż ma’ Għawdex kollu minn l-aħħar ta’ Settembru 2016.
Qabel kull estensjoni saret kampanja edukattiva bieb bieb f’dawn il-lokalitajiet kollha, fejn apparti informazzjoni fuq l-importanza u l-mod kif issir separazzjoni ta’ l-iskart, kull residenza ingħatat reċipjent għall-iskart organiku u boroż bojod ‘compostable’ b’xejn.
Dan l-eżerċizzju jidher li ħalla impatt pożittiv fuq l-iskart ġġenerat u sseparat fir-residenzi f’dawn it-23 lokalita’ kif turi l-istatistika miġbura mill-Wasteserv ppreżentati fit-tabelli hawn taħt.
Jirriżulta li f’dawn il-lokalitajiet waqt li żdied il-ġbir tal-borża l-bajda kif ukoll żdied il-ġbir tal-borża il-griża, fil-waqt li tnaqqas il-ġbir tal-borża s-sewda kif mistenni. Saħansitra naqas it-total tal-iskart li kien imur kollu fil-borza s-sewda kieku ma ġietx introdotta l-kollezzjoni tal-iskart organiku bi tnaqqis ta’ ftit inqas minn 6000 tunnellata fis-sena mid-disa’ lokalitajiet f’Malta u reġjun ta’ Għawdex kollu.
Barra minn hekk żdied ukoll b’mod notevoli l-iskart li intrema’ fil-borża tar-riċiklaġġ.
Fil-każ t’Għawdex fejn il-borża organika giet introdotta fuq bażi reġjonali, wieħed jista’ jara anke l-impatt fuq il-Bring In Sites, fejn jirriżulta li aktar materjal twassal lill-Wasteserv fil-perjodu meta ġiet introdotta l-borża organika meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Wieħed irid isemmi wkoll li l-Kampanja Nazzjonali ghall-Immaniġjar tal-Iskart kompliet issostni l-messaġġi li ingħataw fil-Kampanja bieb bieb u seta’ kellha wkoll influwenza fuq il-parteċipazzjoni tar-residenti fis-separazzjoni tal-iskart.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’aktar informazzjoni dettaljata dwar il-volum ta’ skart miġbur mid-disa’ lokalitajiet kemm ġewwa Malta kif ukoll ġewwa reġjun ta’ Għawdex.
Wasteserv – inizjattivi dwar is-separazzjoni tal-iskart
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi qed jittieħdu mill-Wasteserv sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar is-separazzjoni tal-iskart?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li f’April 2016 il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima beda kampanja ta’ kommunikazzjoni ta’ tliet snin dwar l-immaniġġjar tal-iskart li jisimha “Taħlix L-Iskart” jew “Don’t Waste Waste” bl-Ingliż.
- Il-kampanja qed tkun mmexxija mill-Ministeru b’kollaborazzjoni mal-Wasteserv u appoġgjata mill-Environment and Resources Authority.
- L-għan prinċipali tal-kampanja hu li jinkoraġġixxi lill-pubbliku ġenerali li jikkontribwixxi fit-tnaqqis, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart.
- Hemm preżenza kontinwa tal-kampanja fil-mezzi tax-xandir kollha – kemm dawk stampati, kif ukoll fuq it-televixin, radju, medja soċjali, u anke dawk online. Varjetà ta’ inizjattivi u attivitajiet qed jiġu organizzati wkoll sabiex il-pubbliku jintlaħaq minn diversi modi.
- Il-Kampanja għandha sit elettroniku (http://www.dontwastewaste.gov.mt) informattiv u mobile application li din il-ġimgħa se tinħareġ għall-pubbliku. Barra minn hekk hemm preżenza fuq Facebook, Twitter, Instagram, Pinterest u YouTube. Dawn jiġu aġġornati kontinwament b’informazzjoni u pariri fuq l-immaniġjar tal-iskart.
Fl-istess waqt il-Wasteserv għaddejja b’inizjattivi indipendenti sabiex twassal il-messaġġ tagħha lil diversi udjenzi. Dawn l-inizjattivi jinkludu:
- Preżentazzjonijiet edukattivi fl-iskejjel primarji, sekondarji, post-sekondarji, MCAST u ITS;
- Preżentazzjonijiet fi skejjel li fihom jattendu studenti barranin;
- Kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u parteċipazzjoni f’attivitajiet li jiġu mtella’ f’lokalitajiet diversi;
- Open Days u żjarat ohra għall-gruppi organizzati fl-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala, l-impjant tal-Malta North fil-Kumpless Ambjentali tal-Magħtab, kif ukoll l-faċilita’ f’Tal-Kus Għawdex;
- Attivitajiet fi Djar tal-Anzjani, Day Centres u Ċentri għal persuni b’diżabilita’;
- Laqgħat ta’ informazzjoni f’kumpaniji privati, lukandi, sptarijiet u NGOs interessati jibdew jisseparaw l-iskart jew itejbu s-sistema tagħhom f’dan ir-rigward;
- Preżenza regolari fuq TV u Radji f’diskussjonijiet b’messaġġi edukattivi fuq is-separazzjoni tal-iskart;
- Kampanja bieb bieb fil-lokalitajiet li fihom ġie introdott il-ġbir tal-Borża Organika, kif ukoll moniteraġġ waqt dan il-ġbir;
- L-Koordinazzjoni tal-European Week for Waste Reduction (EWWR) fejn tinkoraġġixxi lil skejjel, settur pubbliku, negozji, NGOs u anke individwi sabiex jieħdu inizzjattivi speċifici li jikkomunikawhom lil udjenza ikbar;
- L-Organizzazzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards fejn jingħata rikonoxximent lil dawk l-entitajiet, individwi, u Kunsilli Lokali li jkunu ppartecipaw f’inizzjattivi xprunati mill-Wasteserv, fosthom l-EWWR u l-Progett Pilota għal ġbir ta’ l-Iskart Organiku;
- Kampanji sabiex jinġabar skart speċifiku bħal Kampanja Iġbor u Irbaħ fejn biljetti tal-lotterija jingħataw lil kull min jiehu fliexken tal-plastik u bozoz fic-Centri ghall-Iskart Goff;
- Il-Kampanja fl-iskejjel sabiex jinġabru l-batteriji użati li issa ġiet fi tmiemha fl-aħħar tas-sena 2016;
- Servizz ta’ freephone offrut mill-Customer Care Unit fejn wieħed jista jindirizza d-diffikultajiet tiegħu u jingħata aktar informazzjoni speċifika;
- Il-Kumpanija għandha wkoll sit elettroniku (http://www.wasteservmalta.com) kif ukoll prezenza fuq Facebook, Twitter u Youtube.
Tneħħija tal-eko-kontribuzzjoni minn fuq il-batteriji
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li tneħħiet l-eko-kontribuzzjoni minn fuq il-batteriji? Jekk iva, x’inhuma l-passi li jmiss?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nikkonferma li fl-aħħar budget twettqet azzjoni oħra mill-wegħdiet li għamel dan il-Gvern u tneħħiet l-eko-kontribuzzjoni minn fuq il-batteriji. Mis-sena 2017, produtturi jew importaturi ta’ batteriji ser ikunu obbligati li jirkupraw min fuq is-suq persentaġġ ta’ batteriji wżati kif stabbilit bil-liġi. Dan jista’ jsir jew billi jissieħbu f’skema awtorizzata jew billi jkunu self compliant.
Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29149, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li minkejja l-fatt li fil-21 t’April 2015, il-Qorti Kostituzzjonali kienet diġà ddikjarat numru ta’ artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jmorru kontra il-Kostituzzjoni, fit-8 ta’ Ġunju 2015 id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) impona multa amministrattiva ta’ €2,000 minħabba nuqqas ta’ notifika ta’ konċentrazzjoni abbażi għall-Artikolu 21 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li huwa wieħed minn dawk l-artikoli ddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni? Tista’ tgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jirrifondi lura l-flus mħallsa wara li fl-appell il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat li dawn l-artikoli kienu kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u allura din il-multa amministrattiva qatt ma setgħet tiġi mposta ab initio?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li d-deċiżjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tirrigwarda kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li huma differenti mis-sentenza hawn fuq imsemmija. Filwaqt li s-sentenza hawn fuq imsemmija kienet tirrigwarda l-impożizzjoni ta’ multa marbuta mal-ħrug ta’ stqarrija ta’ oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ allegat ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, il-multa ta’ €2000 ġiet imposta fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni taħt ir-regolamenti dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet .
Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29149, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn kellhom jgħaddu iktar minn disa’ xhur biex id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jimponi multa amministrattiva ta’ €2,000 rigward notifika li saret l-Uffiċċju ghall-Kompetizzjoni f’Awwissu 2014 ai termini tar-Regolamenti tal-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet fejn tali notifika kellha ssir fil-2011?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-konċentrazzjoni daħlet fis-seħħ fl-2011. Dan sar bi ksur tar-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet peress li ma ġewx segwiti il-proċeduri kif stipulat fil-liġi. L-ebda passi ma ttieħdu mill-Uffiċċju fl-2011 u l-passi ttieħdu snin wara. Irrispettivament mid-data tan-notifika xorta jibqa l-fatt li n-notifika ma ġietx ippresentat fiz-żmien ta’ meta seħħet il-konċentrazzjoni u għalhekk id-Direttur Ġenerali ikkunsidra li kellu jimponi multa.
MCCAA – Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – multi amministrattivi
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27947 fejn intqal li ġiet imposta multa amministrattiva ta’ €1,000 fuq intrapriża fis-settur tal-edukazzjoni li xekklet l-investigazzjoni tal-Uffiċċju billi damet ma pprovdiet l-informazzjoni mitluba, tista’ l-Ministru tgħid meta din il-multa ġiet imposta u abbażi ta' liema artikolu tal-Att dwar il-Kompetizzjoni din il-multa ġiet imposta?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-multa ġiet imposta nhar it-13 ta’ Lulju 2015 skont l-artiklu 21 (6) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ftehim pendenti ma’ pajjiżi Ewropej?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm ħmistax-il ftehim pendenti ma' pajjiżi Ewropej.
Minn dawn, ftehim ma' Monako mistenni jkun iffirmat dalwaqt u ftheim mar-Rumanija u ieħor mal-Polonja mistennija jkunu ffirmati x-xahar id-dieħel. Ftehim mas-Slovakkja mistenni jkun iffirmat aktar tard din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kellu l-Ministeru tiegħu għal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti bejn Lulju u Diċembru 2016?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ dokumenti li ġew illegalizzati bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Dicembru 2016 kien ta’ 18,102.
F’dawn is-sitt xhur gew 5,610 persuna biex jinqdew fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Direttur Ġenerali Affarijiet tal-Konsumatur – Delayed Screening of Premier League Matches
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30463, tista’ l-Ministru tikkonferma li fil-każ ta’ Delayed Screening of Premier League Matches, id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma avviċinax awtoritajiet regolatorji oħra tal-konsumatur fiż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jikkonferma l-kontenut ta’ dak indikat fl-ittra mingħand il-FA Premier League mgħoddija lilu tramite l-operatur lokali? Tista’ l-Ministru tikkonferma wkoll li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma ħassx li kellu jqabbel dak li kien qed iseħħ f’Malta ma prattiċi f’pajjiżi oħra membri taż-Żona Ekonomika Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fil-każ ta’ Delayed Screening of Premier League Matches, id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma avviċinax awtoritajiet regolatorji oħra tal-konsumatur fiż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jikkonferma l-kontenut ta’ dak indikat fl-ittra mingħand il-FA Premier League mgħoddija lilu tramite l-operatur lokali u ma setax iqabbel dak li kien qed iseħħ f’Malta ma prattiċi f’pajjiżi oħra membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u dan anki fid-dawl tal-konfidenzjalita’ tal-korrispondenza in kwistjoni. Saret riċerka estensiva mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u rriżulta li l-kontenut tal-ittra tal-FA Premier League ikkonferma d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Każ Nru C-403/08, Football Association Premier League Ltd vs. QC Leisure.
B’referenza għall-każ rigward id Delayed Screening of Premier League matches tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ikkoordinax il-ħidma tiegħu mad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) u mal-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni? Tista’ tgħid li fil-laqgħat li saru mal-operatur lokali dawn iż-żewġ entitajiet ġewx involuti fil-laqgħat?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret laqgħa mal-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni għall-koordinament tal-ħidma bejn iż-żewġ entitajiet għal liema laqgħa ma kienx preżenti l-operatur lokali. Fil-każ in eżami ma kienx hemm il-ħtieġa li ssir laqgħa mad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) peress li l-każ ma kienx jikkonċerna lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni.
Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu xi kors fl-ITS, sena sena, kors kors? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar minn liema lokalitajiet ġejjjin dawn l-istess studenti, (f'numru differenti għal kull lokalità)?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Università jew l-MCAST – studenti sponsorjati mill-Ministeru jew l-MTA
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew l-MTA humiex qed ikunu sponsors ta' xi studenti fl-Università jew fl-MCAST? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' tali studenti sponsorjati, u f'numri totali, kemm hu n-numru ta' studenti għal kull kors?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, preżentement, m’hemm l-ebda student illi qed jiġi sponsorjat mill-Ministeru għat-Turiżmu jew mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema bliet barranin l-MTA għandha uffiċċji permanenti biex jirrappreżentaw lill-istess MTA? Kemm hemm persuni li qegħdin hekk jirrappreżentaw lill-MTA f'kull uffiċċju li għandha barra minn Malta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha l-uffiċini permanenti tagħha fi Frankfurt, Ruma, Londra, Pariġi, Zurich u Vjenna fejn dawn huma mmexxija minn Maltin u persuni mill-pajjiżi rispettivi.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha l-uffiċini tagħha fi Frankfurt, Ruma, Londra u Pariġi fejn f’kull belt imsemmija hemm uffiċċju mmexxi minn direttur Malti mgħejjun minn impjegati mill-pajjiż rispettiv.
Apparti l-uffiċini permanenti, l-Awtorita’ għandha rappreżentati tagħħa fi Brussel, Amsterdam, Stokkolma, Madrid, Varsavja, Budapest, Praga, Dubai, New York, Moska u Tokjo.
Skont l-aħħar statistika ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika insibu li meta nikkomparaw l-2016 ma l-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti, esperjenzajna żieda fenomenali fis-swieq turistiċi kważi kollha. Jekk nagħtu daqqa t’għajn lejn il-figuri naraw li fl-2016 meta mqabbel mal-2012, is-suq Svizzeru żdied bi kważi 57%, is-swieq Taljan u Belġjan kibru b’aktar minn nofs, u s-swieq ta’ Franza u l-Olanda b’aktar minn 34%. Insibu wkoll li s-swieq ta’ l-Iskandinavja u tar-Renju Unit kibru b’aktar minn 27%, is-suq Awstrijak kiber bi 23%, filwaqt li s-suq Irlandiż u dak Ġermaniż żdiedu b’20% u b’14% rispettivament. Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw li qed ikollna riżultati pozittivi mhux biss fi swieq tradizzjonali u Ewropej imma wkoll fi swieq bħal dak Amerikan li mill-2012 ‘il hawn kiber kważi bin-nofs. Is-suq Spanjol irkupra ferm tajjeb fl-2016 meta laħaq u għadda iċ-ċifri reġistrati fl-2013.
Is-Suq Ċiniż jibqa dejjem jikklassifika bħala s-suq Ażjatiku l-aktar attrajenti u mfittex mill-pajjiżi Ewropej. Il-ħidma ta’ dan il-gvern sabiex jisfrutta aktar dan is-suq qed dejjem tintensifika ruħha. Fl-aħħar xhur, saret ħidma mill-Gvern li ssarfet fi żvilupp importanti fil-qasam tat-turiżmu li ser iwassal biex jattira turisti f’pajjiżna ta’ ċertu livell fejn Malta tiġi rreklamata bħala high end destination. Permezz tal-koperazzjoni mal-Bank of China u Caissa International Travel Services, mistenni li sa l-2017 ser inkabbru is-suq turistiku Ċiniż b’darbtejn u nofs aktar hekk kif mistennija li nattiraw aktar minn 10,000 turist Ċiniż ta’ klassi għolja lejn Malta. Dan in-numru mistenni jikber għal 50,000 sal-2020.
Jista’ l-Ministru jara li Triq Santa Marija f’Ħal Tarxien (speċjalment fil-parti ta’ quddiem il-Miracle Foods sal-ġnien pubbliku) tiġi asfaltata suret in-nies mill-iktar fis, peress li issa żviluppaw wisq ħofor fondi, li huma ta’ periklu serju għal kulħadd?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Assistent Ġudizzjarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament se jieqaf minn ħidmietu f’Ġunju li ġej? Meta jieqaf dan l-individwu, kemm se jkun hemm Assistenti Ġudizzjarji? Jekk huwa minnu li dan l-individwu se jieqaf fis-sajf li ġej, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex jiġi evitat li x-xogħol fil-Qorti tal-Familja jieqaf ġaladarba ma jkunx hemm iktar Assistenti Ġudizzjarji, kif ikkumentat minn fuq it-Tribuna dan l-aħħar, Imħallef partikolari?
Response (BONNICI, OWEN)
L-Assistent Ġudizzjarju imsemmi ser jispiċċa f’Ottubru ta’ din is-sena. Fil-preżent hemm erbgħa (4) Assistenti Ġudizzjarji full time u għaxra (10) Assistenti Ġudizzjari part time. Bħalissa l-Amministrazzjoni għaddejja bil-proċedura ħalli jiġu ngaġġati Assistenti Ġudizzjarji fuq bażi “part time”.