Ministeru għall-Finanzi — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif li talab għalih jinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għas-Saħħa — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni miġbura s’issa mhix kompluta u lest li nagħti l-informazzjoni mitluba fil-jiem li ġejjin.
Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Il-Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi ġie mwaqqaf fid-29 ta' April 2016, għalhekk l-informazzjoni miġbura hija minn April sa Diċembru 2016:
Kiri ta' Karozzi 2016
Xiri 2016
MCDMS
€ 21,362.30
€ 21,344
Freeport
€ 29,670
Nil
Gaming Malta
Nil
Nil
MGA
€ 7,476
€ 35,175
MMA
Nil
€ 9,989
MCA
Nil
€17,500*
MITA
€ 44,882.58
Nil
*Il-prezz tal-vettura kien €24,000 imma flus nħarġu €17,500 peress li sar part-exchange li kellu valur ta' €6,500
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali
Question
Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’qiegħed jagħmel biex l-istrateġija nazzjonali tal-biodiversità li ħarġet fl-2012, tiġi implimentata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, tikkordina x-xogħol bejn is-setturi biex tiżgura l-integrazzjoni relevanti li hemm bżonn jitwettqu biex jiġu implimentati l-miżuri tal-Istrateġija Nazzjonali tal-bijodiversità (NBSAP).
L-Istrateġija Nazzjonali hija mfassla fuq il-miri internazzjonali stipulati mill-Ġnus Magħquda u għandha wkoll 80 miżura biex jimplimentaw dawn il-miri.
L-ERA rrevediet il-progress lejn il-kisba tal-miri internazzjonali u l-implimentazzjoni tal-miżuri fl-NBSAP. Malta kisbet progress f'95% tal-miri internazzjonali stipulati mill-Ġnus Magħquda u kien hemm progress f’76% tal-miżuri. Ta’ min jinnota li l-progress ma setax jiġi meqjus għal madwar 18% tal-miżuri, peress li ż-żmien stipulat biex dawn il-miżuri jibdew jiġu implimentati kien għadu ma bediex meta saret l-analiżi.
Jista’ l-Ministru jindika x’qiegħed isir min-naħa tal-Gvern sabiex jiġu mħarsa l-Pjanta, is-Siġra u l-Għasfur Nazzjonali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-għasfur, il-pjanta u s-siġra nazzjonali huma kollha mħarsa bil-liġi u kollha kemm huma għandhom trend stabbli, għalkemm fil-każ tal-merill jidher li hemm żieda fil-popolazzjoni bejn is-75% sal-85% mill-2001.
L-ERA qiegħda bħalissa taħdem fuq qafas legali dwar Speċi Nazzjonali, kif issaħħaħ iktar il-ħarsien tagħhom.
Dwar l-Għasfur Nazzjonali, il-merill, huwa tip ta’ malvizz protett legalment permezz tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (SL 549.42). Huwa wkoll suġġett ta’ miżuri ta’ monitoraġġ u konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000; fil-fatt, l-irdumijiet madwar il-kosta, u l-gżejjer Maltin iż-żgħar li jikber fihom għandhom fis-seħħ miżuri ta’ tmexxija li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ dan il-malvizz u l-popolazzjoni tiegħu, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjenti naturali fejn instab. F’dan ir-rigward, l-għasfur nazzjonali żied fil-popolazzjoni tiegħu bejn 75% għal 85% mill-2001, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima fl-2013.
Il-Pjanti Nazzjonali, widnet il baħar, hija wkoll imħarsa permezz tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali (SL 549.44) u hija wkoll suġġetta għal miżuri ta’ monitoraġġ u konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000, b'miżuri ta’ tmexxija fis-seħħ li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ dan l-arbuxxell u l-popolazzjonijiet tiegħu, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjenti naturali fejn instab. Din l-ispeċi, li hi ornamentali, hija wkoll mkabbra ortikulturalment u hija wkoll użata fil-ġonna pubbliċi, urbani u inħawi rurali. Il-pjanta hija rari fis-selvaġġ u għalhekk għandha stat ta’ konservazzjoni inadegwat, però t-trend fil-qagħda ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi hija waħda stabbli meta wieħed jara l-aħħar għaxar snin, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) fl-2013.
Is-Siġra Nazzjonali, l-għargħar hija wkoll legalment imħarsa permezz tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali (SL 549.44) u Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar (SL 549.64). L-ambjent naturali fejn tinsab huwa wkoll suġġett għal monitoraġġ u miżuri ta’ konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000, b'miżuri ta’ tmexxija fis-seħħ li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ l-inħawi fejn tinstab is-siġra u l-istruttura u l-funzjonijiet tal-ambjent naturali ta’ din l-ispeċi. Diġà ttieħdu azzjonijiet biex jitneħħa l-iskart u speċi eżotiċi invażivi li setgħu affettwaw waħda mill-popolazzjonijiet il-kbar ta’ din l-ispeċi bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-bdiewa taż-żona. Barra minn hekk, numru ta’ siti ġodda li fihom instabet din is-siġra bħala parti mill-monitoraġġ ġew dikjarati bħala ‘Tree Protection Areas’. L-ispeċi hija wkoll użata dejjem aktar fil-landscaping. L-imsaġar tal-għargħar huma rari fis-selvaġġ u għalhekk għandhom stat ta’ konservazzjoni inadegwat, però t-trend fil-qagħda ta’ konservazzjoni hija waħda stabbli meta wieħed jara l-aħħar għaxar snin, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) fl-2013.
Jista’ l-Ministru jgħid b’kemm żdiedu l-abbonati tal-fixed broadband f’pajjiżna bejn Settembru 2015 u Settembru 2016?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Skont figuri ppubblikati mill-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-għadd ta' abbonati tal-fixed broadband żdied bi ftit aktar minn 8,000 (b'5.1%) fi tnax-il xahar sal-aħħar ta' Settembru li għadda. In-numru ta' termini ta' infiltrazzjoni ta' dan is-servizz tela' minn 37.3% tal-popolazzjoni fl-aħħar ta' Settembru 2015 għall-38.9% fl-aħħar ta' Settembru li għadda.
Dawn ix-xejriet pożittivi jkomplu jibnu fuq dak li ħdimna għalih matul l-aħħar snin. Tajjeb jingħadd li n-numru ta' abbonati bejn l-aħħar ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Settembru li għadda żdied bi 32,452 f'termini assoluti.
F'dik li hija infiltrazzjoni ta' fixed broadband f'Malta - abbażi ta' popolazzjoni mqabbla ma' dak li qiegħed jiġri fuq livell Ewropew - Malta qiegħda titjieb fil-klassifikazzjoni tal-medja Ewropea. L-infiltrazzjoni tal-fixed broadband reġistrata għal Malta fl-aħħar ta' Ġunju 2016 kienet ta' 38.%, ogħla mill-medja ta' 32.7% għall-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jagħti stampa tax-xejriet fil-konsum ta’ fixed broadband għal dak li jirrigwarda high-speed, kif definit fl-eEurope 2020, jiġifieri 30 mbps jew ogħla?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Matul l-aħħar snin rajna xejriet pożittivi f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri ta' abbonamenti fixed broadband, li jagħtu faċilità ta' download speed ta' 30Mbps jew aktar. Illum, dawn it-tip ta' prodotti huma l-iktar popolari fis-suq, b'59.4% tal-abbonati għas-servizz li jagħmlu użu minnhom. Bejn Settembru 2015 u Settembru 2016, in-numru ta' abbonati li għandhom fixed broadband ta' download speed ta' 30Mbps jew aktar żdied bi ftit aktar minn 4,000; minn total ta' 96,096 għal madwar 100.360.
Sinifikanti ukoll hija ż-żieda li rajna fit-teħid ta' prodotti fixed broadband li jifilħu download speed ta' 100Mbps jew aktar. Hawnhekk, in-numru ta' abbonati ttripla u f'termini assoluti, in-numru żdied minn 2,213 fl-aħħar ta' Settembru 2015 għall-7,252, fl-aħħar ta' Settembru li għadda.
Dawn ix-xejriet pożittivi qegħdin ikunu riflessi ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-klassifikazzjoni ta' Malta fil-kuntest tal-Aġenda Diġital 2020. Il-perċentwali ta' abbonati Maltin b'konnessjoni ta' fixed broadband ta' download speed ta' 30Mbps jew aktar kien irraġurtat 59.4% fl-aħħar ta' Ġunju 2016, ogħla mill-medja ta' 36.9% għall-Unjoni Ewropea. Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin inkomplu naraw titjib ukoll f'dak li hu perċentwali ta' abbonamenti f'Malta li jifilħu download speed ta' 100Mbps jew aktar, anke meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ abbonati tat-telefonija mowbajl f’pajjiżna fl-aħħar ta’ Settembru li għadda u jekk dawn żdiedux meta mqabbel man-numru ta’ abbonati reġistrati fl-aħħar ta’ Settembru 2015? Jekk kien hemm żieda, xi tfisser din f’termini ta’ infiltrazzjoni (penetration rate)?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Skont figuri ppubblikati mill-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-għadd ta' abbonati tat-telefonija mowbajl, żdied b'madwar 18,533 (bi 3.3%) fi 12-il xahar sal-aħħar ta' Settembru li għadda. F'termini ta' infiltrazzjoni ta' dan is-servizz abbażi ta' popolazzjoni, il-perċentwal żdied minn 131.1% tal-popolazzjoni fl-aħħar ta' Settembru 2015 għal 133.9% fl-aħħar ta' Settembru li għadda.
Dawn ix-xejriet pożittivi jkomplu jibnu fuq dak li seħħ fis-suq tul l-aħħar ħames snin fejn, f'termini assoluti, in-numru ta' abbonati tat-telefonija tal-mowbajl bejn l-aħħar ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Settembru li għadda żdied bi kważi 45,000.
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm-il ordni ta’ tħaris ħareġ id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ma nħargitx ordni ta’ tħaris fiż-żmien in kwistjoni.
Direttur Ġenerali — ilmenti minn entitajiet kwalifikati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, kemm-il ilment irċieva d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn entitajiet kwalifikati?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li minn Marzu 2013 id-Direttur Ġenerali ma irċieva l-ebda ilment minn entitajiet kwalifikati.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – analiżi dwar is-suq tal-proprjetà
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur huwiex qed jagħmel analiżi dwar is-suq tal-proprjetà mikrija f’Malta u l-impatt tagħha fuq il-konsumaturi?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li preżentament l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur mhuwiex jagħmel analiżi ta’ dan is-suq jew fuq l-impatt tiegħu fuq il-konsumaturi.
Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – Artikolu 25(3) – infurzar tad-deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienu dawk il-konsumaturi li kellhom jużaw il-proċedura msemmija f’Artikolu 25(3) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex jenforzaw id-deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur? F’dan ir-rigward kemm kien hemm konsumaturi li kellhom suċċess wara li ntużat din il-miżura?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li filwaqt li l-konsumaturi kkonċernati għandhom id-dritt li jesegwixxu d-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi, huma ma għandhom l-ebda obbligu li jinformaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar tali għażla tagħhom u għalhekk l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari mhijiex disponibbli. Inoltre tali azzjoni eżekuttiva da parti tal-konsumaturi hija kompletament independenti u awtonoma mill-funzjonijiet ta’ dan l-Uffiċċju.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – standard operating procedures
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30458 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29148, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedures li jsegwi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur f’investigazzjonijiet ta’ prattiċi fis-suq?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li kif spjegat fit-tweġiba parlamentari 29148, meta ma jintlaħaqx rimedju jew ftehim amikevoli, jinbdew proċeduri amministrattivi jew kriminali, skont il-leġislazzjoni miksura. Proċeduri amministrattivi jiġu implimentati fejn hemm ksur tal-Att għall-Affarijiet tal-Konsumatur (Kapitlu 378) u l-leġislazzjonijiet sussidjarji li jaqgħu taħtu, ħlief għall-leġislazzjoni sussidjarja rigward prezzijiet indikati fejn il-proċeduri huma kriminali.
Direttur Ġenerali – deċiżjonijiet li mhumiex skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni – ħruġ ta’ request for information mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30455 tista’ l-Ministru tispjega l-għala fir-rigward ta’ 26 każ riferuti fit-tweġiba ma ntbagħtu l-ebda request for information? Liema swieq dawn kienu jikkonċernaw?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li r-raġuni għalfejn ma tkun intbgħatet l-ebda request for information hija għax jew tkun saret laqgħa jew il-fatti tal-każ kienu tali li ma kienux jeħtieġ li tintbgħat request for information.
Dawn kienu jikkonċernaw is-swieq tal-enerġija, transport, parkeġġ, ambjent, benessere tal-persuna, edukazzjoni u
stationery
.
Tista’ l-Ministru tgħid meta s-sentenza tal-Kummissarju tad-Data tal-21 ta’ Lulju 2016 kontra l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġiet notifikata lilha?
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – varjazzjonijiet bejn it-tender u l-pagamenti finali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30685 u jgħid kemm-il darba kien hemm varjazzjoni bejn it-tender jew kwotazzjoni inizjali u l-pagament finali fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) bejn l-2001 u Marzu 2013? Jista’ jgħid minn kienu dawn il-kumpaniji jew individwi u l-ammonti tal-kwotazzjoni u l-pagament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.