Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni tad-Diżabilità – persuni li kienu għadhom jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa tmiem l-2016, kemm hemm persuni jieħdu l-Pensjoni ta’ Diżabilità u jaħdmu, u allura mhux qed jitnaqqsilhom xejn mill-pensjoni tagħhom kif kien jiġri taħt l-amministrazzjoni preċedenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar tas-sena 2016, kien hemm 755 persuna li jirċievu l-Pensjoni tad-Diżabilità li kienu jaħdmu u madanakollu ma tnaqqsilhom xejn mill-pensjoni dovuta minkejja d-dħul mix-xogħol.

Ftehim ma’ pajjiżi terzi – familji — adozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar matul din is-sena fir-rigward ta’ ftehim u komunikazzjoni ma’ pajjiżi terzi sabiex ngħinu lil dawk il-familji li jixtiequ jadottaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward ta’ ftehim ma’ pajji¿i terzi sabiex jiġu mgħejuna dawk il-familji li jixtiequ jadottaw, l-Awtorita’ Ċentrali Maltija bħalissa tinsab f’diskussjonijiet maċ-Ċili u l-Polonja. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ komunikazzjoni ma’ pajji¿i terzi, dan l-aħħar bdejna b’diskussjonijiet preliminarji mal-Latvja u r-Repubblika Ċeka.

Tfal fl-Istitut — fostering

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna tfal fostered ma’ familji u kemm għandna tfal fl-istituti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, fil-preżent, in-numru ta’ tfal fostered huwa ta’ 217, u n-numru ta’ tfal ġewwa djar reżidenzjali huwa ta’ 206.

Ċentru għall-Anzjanità Attiva – trasport għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ġurnata twaqqaf is-servizz tat-trasport għall-anzjani lejn iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ tas-Sliema? Jista’ jgħid jekk huwiex qed jipprovdi trasport alternattiv fil-frattemp sakemm jiġi evalwat u mogħti t-tender li nħareġ għal dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, it-tender għas-servizz ta’ trasport se jingħata fil-ġranet li ġejjin, u dan biex ikollna transport li jkun konformi mar-regoli u proċeduri applikabbli.

Ħamrun — Kunsill Lokali - proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti kollha li saru mill-Kunsill Lokali Ħamrun fis-sena 2016? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-proġetti li ser ikun qed iwettaq dan il-Kunsill matul din is-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li matul is-sena 2016, il-Kunsill temm il-proġett ta’ resurfacing fi Triq Kanonku Bonnici u r-restawr tal-Kappella ta’ Porto Salvo magħrufa bħala Santunuzzu. Intant jien infurmat li matul l-2017 mistenni li jsiru dawn il-proġetti: · Bankina Ġdida quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Immakulata Kunċizzjoni; · Rijabilitazzjoni tal-lattrina pubblika fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh; · Tisbiħ ta’ Pjazza Kappillan Muscat; · Tisbiħ ta’ Triq il-Franġiskani; · Tisbiħ quddiem il-Kappella tad-Duluri fi Triq Joe Abela Scolaro; · Traffic Management adegwat fi Triq Joe Abela Scolaro; · Traffic Management adegwat fi Triq Oscar Zammit; u · Resurfacing ta’ Triq Karmenu Abela, parti minn Triq Giovanni Barbara u parti minn Triq il-Kbira San Ġużepp.

Marsa — Kunsill Lokali - proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti kollha li saru mill-Kunsill Lokali Marsa fis-sena 2016? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-proġetti li ser ikun qed iwettaq dan il-Kunsill matul din is-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Marsa li matul is-sena 2016, il-Kunsill temm il-proġett ta’ resurfacing fi Triq is-Sajjieda u biddel diversi bankini. Intant jien infurmat li matul l-2017 mistenni li jsiru dawn il-proġetti: · Resurfacing ta’ Triq it-Tiġrija, Triq Giuseppe Zammit f’Albertown u parti min Triq is-Salib; · Tisbiħ taż-zona ta’ Triq Ħal Qormi u Triq Isouard b’funtana u reservoir; · Bdil tat-taraġ li jgħaqqad Triq Diċembru Tlettax ma’ Pont San Tumas.

Santa Venera – Kunsill Lokali — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti kollha li saru mill-Kunsill Lokali Santa Venera fis-sena 2016? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-proġetti li ser ikun qed iwettaq dan il-Kunsill matul din is-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera li matul is-sena 2016 il-Kunsill bena mill-ġdid Triq Misraħ il-Barrieri u Triq iż-Żonqor. Intant jien infurmat li matul l-2017 mistenni li jsir proġett ta’ bandli u open gym fiż-żona tal-Palazz l-Aħmar kif ukoll resurfacing ta’ toroq oħrajn.

Floriana – Kunsill Lokali — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti kollha li saru mill-Kunsill Lokali Floriana fis-sena 2016? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-proġetti li ser ikun qed iwettaq dan il-Kunsill matul din is-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li matul is-sena 2016, il-Kunsill għamel bankini ġodda fi Triq P Floriani bejn Triq Sant’ Anna u San Franġisk, tul Triq il-Konservatorju, u mad-dawra ta’ Binja Vilhena, rampa li twassal għall-polverista, u CCTV cameras fi Pjazza San Publiju u fi Triq F.S. Fenech. Intant jien infurmat li matul l-2017 mistenni li ssir it-tiswija ta’ mains tal-ilma fl-inħawi ta’ wara l-Istitut Kattoliku u wara dawn l-istess toroq jingħataw it-tarmak.

Kunsilli Lokali – għajnuna għal tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li ngħatat għajnuna lill-kunsilli lokali fejn jidħol tindif fl-2016? Fiex kienet tikkonsisti din l-għajnuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li matul is-sena 2016, id-Direttorat għat-Tindif assista u għen lil diversi Kunsilli Lokali. Din l-għajnuna hi stmata li ġiet tiswa €1,472,736. Din l-għajnuna kienet tikkonsisti f'diversi żoni ta’ tindif, provediment ta’ kontenituri tal-iskart u ġbir ta’ annimali mejta.

CSD – ammont ta’ skart miġbur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart matul l-2016 mill-ħaddiema tal-Cleansing Service Directorate (CSD)? Kif jikkompara dan l-ammont mas-snin preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar sa Diċembru 2016, id-Direttorat għat-Tindif ġabar 15,700 tunellata ta’ skart minn diversi żoni madwar il-pajjiż. Dan huwa 5% iktar mill-iskart li nġabar matul l-2015. Dan juri biċ-ċar l-impenn tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, li jkompli jnaddaf diversi żoni madwar il-pajjiż li kienu abbandunati għal diversi snin.

Foss ta’ Ħaż-Żabbar — tindif

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26939 jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol fil-parti ta’ isfel tal-Foss ta’ Ħaż-Żabbar, tlestiex? Kemm inġabar skart minn din il-parti tal-Foss?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif tal-parti ta’ isfel tal-Foss f’ Ħaż-Żabbar tnaddfet ukoll matul is-sena 2016, hekk kif kien imwiegħed. Tneħħew 129 trakk b’ materjal ta’ kull tip, li kienu jammontaw għal 1.4 miljun kilo.

Imrieħel – żona industrijali — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ tindif qed isir fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ftit tal-ġimgħat ilu sar ftehim u pjan ta’ tindif mal-Fondazzjoni li tieħu ħsieb iż-Żona Industrijali tal-Imrieħel. Dan il-ftehim jikkonsisti fi ġbir ta’ skart u knis ta’ toroq, skont skeda miftehma bejn iż-żewġ partijiet. L-iskart qiegħed jiġi miġbur separatament, u nista’ ngħid li diġa’ ġie reġistrat progress fejn tidħol l-indafa fiż-żona industrijali. Ta’ min jgħid li din hi l-ewwel darba li qed isir ġbir ta’ skart u tindif organizzat fiż-żona insemmija.

Direttorat għat-Tindif – infrastruttura ta’ slielem li jitwaħħlu fuq il-bajjiet — ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm hu l-valur ta’ ħsarat li sofra d-Direttorat għat-Tindif fl-infrastruttura ta’ slielem li jitwaħħlu fil-bajjiet matul ix-xahar ta’ Ottubru 2016? Xi ħsibijiet hemm sabiex din l-infrastruttura terġa’ ssir mill-ġdid ladarba kien hemm xi ħsarat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istima ta’ ħsarat li sofriet l-infrastruttura ta’ għamara tal-baħar jammonta għal madwar €25,000. Kawża tal-maltemp, tul il-kosta kollha madwar Malta, huwa stmat li ntilfu madwar 100 sellum, pontoons kif ukoll bridge li kollha qed jiġu manifatturati mill-ġdid mill-ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif stess. Bħalissa, ix-xogħol jinsab fi stat avvanzat ħafna u huwa ppjanat li x-xogħol ikun lest kollu fil-ħin, sabiex il-pubbliku jkun offrut bis-servizzi li kellu fis-snin preċedenti.

Rimi ta’ skart illegalment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li nqabdu jarmu rimi ta’ skart illegalment fl-aħħar 4 xhur tas-sena 2016? Kif sar dan it-tip ta’ infurzar tal-liġi? F’liema lokalitajiet saru dawn l-ispjezzjonijiet u kemm-il persuna nqabdet f’kull lokalità msemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu imsemmi, ġew imħarrka 152 persuna li nqabdu jarmu skart illegali wara spezzjonijiet li twettqu mid-Direttorat għat-Tindif. Dawn l-ispezzjonijiet saru wara inizjattiva li ħa l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, wara li ġie nnutat li kien hawn żieda fl-abbużi ta’ rimi ta’ skart f'diversi żoni madwar il-pajjiż. Dan il-proġett sar konġuntament mal-Pulizija, li ħarġu t-taħrikiet minn naħa tagħhom, wara li dawn kienu akkumpanjati minn uffiċjali tal-istess Direttorat għat-Tindif. Din l-inizjattiva inħossu li kienet suċċess u qiegħda tiġi estiża ukoll anke għal matul din is-sena.

Enforcement dwar regolamenti għall-ftuħ ta’ ħwienet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema kriterji, u x’informazzjoni għandha l-pulizija biex tagħmel l-enforcement dwar regolamenti dwar il-ftuħ ta’ ħwienet nhar ta’ Ħadd li jkunu qed jirrispettaw l-istess regolamenti li jirregolaw il-ftuħ ta’ ħwienet nhar ta’ Ħadd? Jista’ jgħid s’issa x’enforcement qed isir mill-pulizija f’dan ir-rigward ta’ regolament dwar il-ftuħ ta’ ħwienet nhar ta’ Ħadd?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li wara li tneħħa l-obligu legali għall- ħtieġa tal-liċenzja tan-negozju għall-ħwienet, kif dejjem kienet il-prassi, il-Pulizija tibqa’ tagħmel ir-ronda kif ukoll spezzjonijiet, biex tara li l-liġijiet ikunu osservati u fin-nuqqas jittieħdu passi kif stipulat mill-istess liġi.

Programm Leader – Proġetti minn Fondi Ewropej – ex/post on-site inspection

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29355 fejn intqal li mill-2013 sal-lum saru tliet kontrolli ex-post fuq il-proġett taħt il-programm Leader, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawn il-proġetti, il-ġurnata ta’ meta saret it-talba, fuq liema senjalazzjoni saret l-ispezzjoni u x’kienu l-konklużjonijiet ta’ dawn l-ispezzjonijiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Laqgħat mal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31286 u jagħti tagħrif dwar jekk hux normali li l-Ministru, inkluż il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali, jiltaqa’ mal-gruppi politiċi differenti fil-kunsilli lokali (flok mal-kunsill jew rappreżentanti uffiċjali tiegħu)? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk f'tali laqgħat jinżammux minuti tal-laqgħat li jsiru? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kellu laqgħat (inkluż is-Segretarju Parlamentari) mal-gruppi politiċi differenti, u minn liema lokalitajiet kienu l-gruppi li ltaqa' magħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm laqgħat ta’ din ix-xorta min-naħa tiegħi. Informat ukoll mingħand is-Segretarju Parlamentari li min-naħa tiegħu ma kellux laqgħat ta’ din ix-xorta.

Skema community work – ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi tibdiliet għal dak li jikkonċerna l-postijiet tax-xogħol ta' dawk il-ħaddiema li kienu fl-iskema tal-community work, u li matul l-aħħar xhur kienu qed jaħdmu kemm mal-kunsilli lokali kif ukoll f'postijiet oħra governattivi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt l-istess ħaddiema għadhomx qed jaħdmu mal-kumpanija li kienet qed tħaddimhom matul ix-xhur li għaddew? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-ħaddiema li kienu assenjati mal-kunsilli lokali hux ser jiġu assenjati f'postijiet oħra, għaliex qed jingħad li ser jibdew iwettqu xogħlijiet għall-postijiet tal-gvern, u li fil-fatt ser jitneħħew mill-post li qegħdin fih preżentement?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li la kien hemm u lanqas hemm il-ħsieb ta’ xi ċaqlieq tal-ħaddiema msemmija mill-Onorevoli interpellant.

Service boxes

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31275, billi jirriżulta li f'San Pawl il-Baħar hemm 372 service boxes, marbutin mat-telekomunikazzjonijiet, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'koordinazzjoni ssir bejn Transport Malta u s-sidien (operaturi) ta' dawn l-istess boxes, peress li jirriżulta li numru minnhom jinsabu fi stat ħażin (uħud ħażin ħafna) biex jiġi assigurat li dawn l-istess boxes ma jkunux ta' periklu għal min jgħaddi minn fuqhom, b'mod partikulari bil-vettturi? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess entitajiet jirranġaw dawn il-boxes fejn hu meħtieġ?

Response (MIZZI, JOE)

Nassigura lill-Onor. Interpellant, li kif Transport Malta tirċievi lment ta’ din ix-xorta, tibgħat uffiċjal apposta sabiex jivverifika l-każ, u jekk ikun il-każ li hemm xogħlijiet fejn hemm bżonn isir intervent, l-operatur responsabbli jiġi notifikat b’dan ħalli jagħmel it-tiswijiet meħtieġa minnufih. Il-każ ma jingħalaqx qabel l-uffiċjal ta’Transport Malta jerġa' jivverifika fuq il-post u jiċċertifika li x-xogħol sar sew u ma jkunx hemm aktar periklu.

Persuna b’diżabilità –Problema bil-kera

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li hi persuna b’diżabilità u għandha problema bil-kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kera hija maħduma skont il-policies tal-kera soċjali preżenti.