Legislature:
Category:
Reset
Active:

Policy dwar il-parkeġġi

Question

Billi xi xhur ilu, f'risposta parlamentari kien ingħad li l-policy dwar il-parkeġġi kienet qed tiġi diskussa f'kumitat interministerjali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar din il-policy? Meta saru l-aħħar laqgħat ta' dan l-istess kumitat u meta hu mistenni li jiġi ppubblikat ir-rapport dwar din l-istess policy?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet fuq din il-policy għadhom ma ġewx konklużi.

Transport Malta – policy aġġornata dwar l-ispeed cameras

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta fasslitx il-policy aġġornata taghha dwar l-ispeed cameras? Meta saru l-aħħar laqgħat dwar dan is-suġġett? Min ħa sehem fid-diskussjonijiet li kienu qed iseħħu dwar din il-policy, u meta hu mistenni li l-istess policy tiġi ppubblikata? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk, minkejja li l-policy konċernata għadha ma ġietx ippubblikata, fil-fatt kienx hemm każi fejn ġew stallati cameras? Jekk iva fejn ġew stallati u min approva l-istallazzjoni tagħhom? Liema policy ġiet applikata biex jiġu stallati dawn il-cameras?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi talbiet għal Speed Cameras jiġu pproċessati mill-LESA skont il-proċedura stabbilita’. Installazjonijiet isiru mill-LESA.
Leg 12 PQ #31743 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid u jippreżenta x’donazzjonijiet iddikjara l-Partit Nazzjonalista mal-Kummissjoni Elettorali mill-2004 sal-lum u jgħid mingħand min ġew dawn id-donazzjonijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat mill-Kummissjoni Elettorali li l-Partit Nazzjonalista, bħall-kumplament tal-partiti politiċi l-oħra li huma rreġistrati mal-Kummissjoni Elettorali, kien obbligat jirraporta d-donazzjonijiet riċevuti matul is-sena 2016, sal-1 ta’ Marzu, 2017. Dan skont Artikoli 38 u 39 tal-Att dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi (Kap. 544) li ġie fis-seħħ fl-01/01/2016. Il-Kummissjoni Elettorali tista’ tagħmel tali rapporti pubbliċi biss skont Artikolu 43 tal-istess Kapitlu.
Leg 12 PQ #31744 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

L-Imsida – Kamra ħdejn il-monument tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li ħdejn il-Monument tal-Ħaddiema fl-Imsida, qed tinbena kamra għal dak li qed jingħad li se jkun apparat għall-pompa tad-drenaġġ? Jekk huwa minnu, jista' jikkonferma jekk il-kunsill kienx infurmat, peress li hemm furur kbir mir-residenti li din se tkerrah il-pjazza?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-Klabb tal-Boċċi ingħata l-permess mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar biex ikabbar il-binja tal-klabb. B’konsegwenza t’hekk l-installazzjoni eżistenti tal-elettriku kellha titneħħa. Il-Korporazzjoni kienet f’kuntatt kontinwu mas-Sindku tal-Kunsill u mal-Kumitat tal-Klabb tal-Boċċi sabiex tkun tista’ tiġi mibnija kamra li fiha jitpoġġa l-apparat tal-elettriku u l-ġeneratur biex jissupplixxu d-dawl lill-pompi tad-drenaġġ fis-sentina li hemm taħt l-art biswit il-monument. Ġie deċiż li l-inqas impatt possibbli jkun jekk il-kamra tinbena fiż-żona tal-parkeġġ. Il-kamra inbniet wara li l-Awtorita’ tal-Ippjanar ħarġet il-permessi meħtieġa.

Awtorità tad-Djar – Spezzjonijiet – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għadha qed tistenna sabiex ssirilha spezzjoni mill-Awtorità tad-Djar sabiex jaraw il-ħsarat li hemm fil-post u ssir il-manutenzjoni meħtieġa? Jista’ jara li din l-ispezzjoni ssir mill-aktar fis possibbli sabiex ma jkunx hemm aktar ħsarat u inkonvenjent?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ tal-persuna msemmija qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Taxxa fuq dħul mill-pensjoni – rata ta’ single

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna, b’rata ta’ single, qed ikollha tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul mill-pensjoni tagħha fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni b’rata ta’ pensjoni single li qed titnaqqsilhom it-taxxa mill-pensjoni għas-sena 2017 jammonta għal 12,739.

Taxxa fuq dħul mill-pensjoni – rata ta’ miżżewġin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna b’rata ta’ miżżewġin qed ikollha tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul mill-pensjoni tagħha fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni b’rata ta’ pensjoni ta’ miżżewġin, li qed titnaqqsilhom it-taxxa mill-pensjoni għas-sena 2017 jammona għal 3,585.
Leg 12 PQ #31749 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Rimborż tat-Taxxa – Miżuri tal-Baġit 2017

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skont l-Avviż Legali 42 tal-2017 dwar Rimborż tat-Taxxa (Pensjonanti), it-taxxa li se tiġi ffrankata fuq il-pensjoni kif imħabbra fil-miżuri tal-Baġit 2017, hijiex se titnaqqas mill-pensjoni ma’ kull pagament li jsir lill-pensjonanti kull 28 ġurnata u allura jekk din it-taxxa hijiex se tkun qed titnaqqas at source jew jekk dan l-ammont ta’ taxxa hekk frankat huwiex se jkun disponibbli biss wara li jintbagħtu u jiġu pproċessati l-formoli tat-taxxa għas-sena ta’ qabel?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-taxxa li se tiġi ffrankata fuq il-pensjoni kif imħabbra fil-miżuri tal-Baġit 2017 se tkun riflessa fil-pensjoni ma’ kull pagament li jsir lill-pensjonanti kull 28 ġurnata mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali.

Bonus għal min ħallas il-kontribuzzjonijiet – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma tirċeviex il-bonus li qed jitħallas lil min ħallas il-kontribuzzjonijiet iżda ma jkunx jikkwalifika għall-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu ġie mistħarreġ u l-persuna kkonċernata ġiet infurmata bl-eżitu.

Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31509 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija li għaddew mill-istadji kollha meħtieġa u jonqoshom biss il-firma tiegħu? Jista’ jgħid kemm minnhom saret l-applikazzjoni għalihom fis-sena 2015 jew qabel u ta' liema sena hi l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 8616 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 494, nhar it-Tlieta 14 ta' Marzu 2017)

Correctional Officers — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’overtime l-Correctional Officers fix-xahar ta’ Jannar 2017 u fix-xahar ta’ Frar 2017, kif ukoll kemm tħallas overtime fix-xahar ta’ Jannar 2016 u Frar 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ħlas tal-overtime kien kif ġej; Jannar Frar 2016 €131,264.36 €153,823.32 2017 €155,830.72 €157,560.82

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi assigurat mill-awtoritajiet tal-ħabs li l-overtime fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jinqasam b’mod ekwu u kulħadd jingħata l-opportunità li jaħdem is-sigħat ta’ overtime daqs ħaddieħor?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-overtime jingħata skont il-ħtieġa tas-servizz u tat-taqsima partikolari fejn ikun hemm il-ħtieġa jew it-talba biex jsir. L-awtoritajiet tal-Faċilità jaraw dejjem illi l-overtime jinqasam b’mod ekwu u fil-fatt kulħadd jingħata l-opportunità li jaħdem sigħat ta’ overtime daqs ħaddieħor, dejjem skont it-taqsima relattiva.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – sistema ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-ħabs tinbidel is-sistema preżenti ta’ xogħol day in day out għal sistema ta’ tliet shifts?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’hemm l-ebda ħsieb li tinbidel is-sistema preżenti. Inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant illi grazzi għall-amministrazzjoni preżenti, kull tip ta’ bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tkun diskussa mal-Union.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – pulizija stazzjonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sal-lum kemm għad hemm pulizija li huma stazzjonati fil-Ħabs u jgħid x’inhu speċifikament ix-xogħol ta’ dawn il-pulizija u għaliex dan ix-xogħol ma jistax isir minn gwardjani tal-ħabs minflok?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent hemm stazzjonati 10 membri tal-Korp tal-Pulizja. Dawn jagħmlu xogħol illi jvarja minn xogħol ta’ drivers, spezzjonijet fuq inmates li jkunu fuq prison leave, xogħol fil-Gate House, fit-taqsima magħrufa bħala Debituri, fil-Gym tal-Inmates, Il-Forensic Unit u trades. Il-prassi li jkun hemm numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija jagħqdu doveri fil-Facilita` ila ġejja minn ħafna snin u s’issa għadha tinħass il-ħtieġa ta’ dawn l-uffiċjali.

Correctional Officers — allowances

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Correctional Officers li jitħallsu xi forma ta’ allowances għall-ħidma li jwettqu? Jista’ jgħid liema huma l-units tal-Correctional Officers li jirċievu allowance għall-ħidma tagħhom? Jista’ jgħid kemm tħallsu f'allowances il-Correctional Officers fis-sena kollha 2016? Jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji li jintużaw sabiex jiġi stabbilit li Correctional Officers li jkunu qed jaħdmu f'division jingħataw allowance u oħrajn li jaħdmu f'divisions oħra ma jitħallsux allowance fosthom divisons li jilqgħu fihom anke 60 priġunier?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li l-Uffiċċjali Korrettivi, kollha jieħdu Allowance jekk jaħdmu l-Ħdud u Festi Pubbliċi. Hemm numru ta’ uffiċjali li jieħdu forma ta’ Allowance ieħor kif ġej; Deputising Allowace 4 uffiċjali Qualification Allowance 3 uffiċjali Special Duty Allowance 66 uffiċjal Il-Units illi jieħdu Special Duty Allowance huma, Special Response Team, Prisoners’ Escort, Officers i/c Workshops(inkluż il-kċina u l-bakery), Officers teaching Special Trades or Subjects, Officers on duty at the Special or Maximum Security divisions u Officers performing ‘Duty Officer’. L-ammont ta’ Allowance li tħallas għas-sena 2016 huwa kif ġej; Ħdud u Festi Pubbliċi €790,227.21 Deputising €3818.07 Qualification €1746.94 Special Duty €111,211.09 Il-Kriterji biex jitħallsu l-allowances joħorġu mill-ftehim tal-1994 dwar is-salarji u l-kundizzjonijiet tas-servizz tal-klassi tas-servizzi korrettivi.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati tal-gvern – mobile u fixed line imħallsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi impjegati tal-Gvern, inkluż fis-segretarjat tal-Ministru, li għandhom iktar minn mobile wieħed u aktar minn fixed line wieħed imħallas mill-Gvern? Min huma dawn il-persuni u x'inhu l-ammont li tħallas kull xahar minn April 2013 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda impjegat tal-Gvern fis-segretarjat tiegħi u fid-direttorati u dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li għandu iktar minn mobile wieħed u aktar minn fixed line wieħed imħallas mill-Gvern.

Skejjel – Capital Funds – xiri ta’ affarijiet marbuta ma’ Health and Safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ġew utilizzati l-fondi allokati għal xiri ta' affarijiet marbutin mal-health and safety mill-capital fund allokat għal kull skola tal-Istat minn April 2013 sal-lum, skola bi skola u sena b'sena? Jista' jelenka l-oġġetti li nxtraw, skola bi skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-nefqa mill-Capital Funds fuq affarijiet marbuta mal-health and safety fl-iskejjel tal-Istat fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Mejju 2013 u l-31 ta' Diċembru 2016. Health and Safety Equipment fosthom jinkludi CCTV, fire extinguishers, fire alarms, intercom u insectocutors. Ninforma lill-Onor. interpellant li biex tiġi elenkata lista tal-oġġetti kollha li nxtraw, skola bi skola, fuq medda ta' erba' snin tinħtieġ ħafna xogħol biex tinġabar. Għalhekk, jekk hemm xi skola partikolari jew l-Onor. interpellant għandu bżonn xi informazzjoni speċifika, nitolbu jindika fejn meħtieġ.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ħlas ta’ fuels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru, dipartimenti, dekasteri/korporazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt l-Ministeru minn April 2013 sal-lum rispettivament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Foundation for Tomorrow’s Schools — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Foundation for Tomorrow’s Schools f’Malta u Għawdex separatament kull sena minn Jannar 2008 sal-lum? Fuqiex kienet kull nefqa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Kindergarten, Primarja u Sekondarja — assenteiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li ma marrux l-iskola matul is-sena skolastika attwali u f’dik ta’ qabilha fil-livell ta' kindergarten, primarja, sekondarja eċċ.? Jista' jgħid kemm ġranet dawn it-tfal ma marrux skola u r-raġuni li taw għan-nuqqas tagħhom? X'kienu r-raġunijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment għas-Servizzi għall-Istudent li t-tagħrif rikjest dwar in-numru ta’ studenti, kemm fil-livell primarju, kif ukoll fil-livell sekondarju, li ma attendewx l-iskola, matul is-sena skolastika attwali sal-aħħar ta’ Frar 2017 u f’dik ta’ qabilha (2015-16) hu kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni tkopri każijiet ta’ assenza minħabba mard, każijiet mhux ġustifikati u oħrajn fejn l-assenza kienet ġustifikata. Rigward ir-raġunijiet li jingħataw skont l- Addressing Attendance in Schools Procedures li tnedew f’Ottubru 2014 il-ġenituri obbligati jċemplu u jibagħtu nota lill-Kap tal-iSkola bi spjegazzjoni biex jiġġustifikaw l-assenza tat-tfal mill-iskola. Ir-raġunijiet li jingħataw huma varji u jinkludu: raġunijiet ta’ saħħa fil-familja, mard ta’ anqas minn 3 ijiem, imwiet ta’ membri tal-familja u funerali. Huwa l-Kap tal-iskola li jiddeċiedi jekk ir-raġuni li jipprovdu l-ġenituri hija ġustifikabbli jew le. Meta t-tfal ifallu l-iskola għal aktar minn tlett ijiem minħabba mard, il-ġenituri huma mitluba jipprovdu ċertifikat mediku.