Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Malti għall-Arti – fondi mqassma

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-fondi li qassam il-Kunsill Malti għall-Arti fis-sena 2016 u kif tqassmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti matul is-sena 2016 qassam €1,052,217.7. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni dwar kif ġew mqassma dawn il-Fondi.

Postijiet artistiċi/kulturali li huma mmexxija mill-Gvern – avvenimenti kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ittellgħu avvenimenti kulturali fil-postijiet artistiċi/kulturali li huma mmexxija mill-Gvern matul l-2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Siti storiċi mmexxija mill-Gvern – open days

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nies żaru siti storiċi mmexxija mill-Gvern fl-open days li saru fl-2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li madwar 58,000 ruh daħlu fil-mużewijiet u siti mingħajr ħlas waqt open days organizzati minn Heritage Malta matul l-2016.

Awtorità tax-Xandir – programmi segwiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar programmi segwiti u fuq liema stazzjon, skont l-istudji li wettqet l-Awtorità tax-Xandir?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li għalkemm l-Awtorità tax-Xandir tagħmel riċerka regolari dwar l-udjenzi tar-radju u tat-televizjoni mhix il-prassi u lanqas il-mansjoni tal-Awtorità li tiddikjara liema huma l-iktar programmi segwiti u fuq liema stazzjon. Dan minħabba li din id-data hija ta’ natura kummerċjali u dan jaffettwa ħafna ir-reklamar tal-istazzjonijiet. Barra minn hekk, l-istazzjonijiet ixandru programmi ta’ ġeneri differenti indirizzati lejn sezzjonijiet tal-poplu differenti matul il-ġurnata. Għalhekk l-Awtorità tippubblika estimi tal-udjenzi għal kull nofs siegha tal-ġurnata u għal kull ġurnata tal-ġimgħa.

Programmi li għandhom l-iktar udjenzi fuq PBS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar programmi li għandhom udjenzi fuq PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li skont l-aħħar stħarriġ tal-udjenza mil-Awtorità tax-Xandir fix-xahar ta’ Ottubru 2016 l-aktar programmi li għandhom udjenza fuq TVM huma: TVM News 98,558 Strada Stretta 73,781 Xarabank 63,393 La Thobbnix 44,609 Manwela 34,320 Skjetti 33,346 Hbieb u Ghedewwa 23,328 Xtra 19,050 Ta’ That Fuq 18,972 Twelve To Three 14,005 Ir-riżultat komplut ta’ dan l-istħarriġ huwa aċċessibli għall-pubbliku minn fuq il-website tal-Awtorità http://ba-malta.org/audience-assessments

Siġġiewi – Għassa tal-Pulizija – nuqqas ta’ riżorsi umani

Question

Fid-dawl tal-mewġa ta’ serq u kriminalità li għaddejja bħalissa u l-ilmenti tal-pulizija li m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex jaħdmu, jista’ l-Ministru jgħid x’nuqqas ta’ riżorsi umani hemm fl-għassa tas-Siġġiewi u kif qed jaħseb li jirrimedja dan in-nuqqas? Jista’ jikkonferma li l-Għassa tas-Siġġiewi kważi dejjem mingħajr Surġent? Jista’ jgħid għaliex l-Għassa tas-Siġġiewi hija ttrattata bħal tat-tieni diviżjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà infurmajt lil din il-Kamra, m’hemm l-ebda bażi konkreta għall-allegazzjoni li qed jagħmel, fir-rigward ta’ xi “mewġa ta’ serq u kriminalità”. Fir-rigward tar-riżorsi umani, dawn huma bbażati skont l-esiġenzi f’kull lokalità u fil-fatt żdiedu żewġ surġenti fid-Distrett numru 2 ‘D’ Siġġiewi. Nassigura lill-Onor. Interpellant li kuntrarjament għal dak li qal, l-ebda Għassa jew xi Sezzjoni tal-Korp qatt ma ġew jew jiġu trattati bħala “tat-tieni diviżjoni”.

Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija li għaddew mill-istadji kollha meħtieġa u jonqoshom biss il-firma tiegħu? Jista’ jgħid kemm minnhom saret l-applikazzjoni għalihom fis-sena 2015 jew qabel u ta' liema sena hi l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Xejn.

Awtorità tax-Xandir — binja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema binja qed topera sal-lum l-Awtorità tax-Xandir? Min hu s-sid ta’ din il-proprjetà? Jista’ jgħid ukoll hux minnu li l-Awtorità tax-Xandir se tiċċaqlaq minn dan il-bini u x’inhi r-raġuni? Jista’ jgħid min ta l-approvazzjoni għal dan iċ-ċaqlieq?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tax-Xandir — operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed tippjana li tibda topera l-Awtorità tax-Xandir? B’liema kundizzjonijiet u b’liema valur qed jinxtara jew jinkera l-post il-ġdid li se tibda topera minnu l-Awtorità tax-Xandir? Xi proċess sar biex din ix-xirja jew kirja sseħħ? Saret sejħa pubblika? Kif ġie assigurat li jkun hemm proċess trasparenti u mingħajr kunflitti ta’ interess? X’inhuma l-istimi li saru biex jiġi rranġat il-post il-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tax-Xandir – lista ta’ tenders u kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ tenders u kuntratti ta’ xiri u kiri li ngħataw mill-Awtorità tax-Xandir? X’inxtara u x’inkera? Liema minnhom ingħataw b’direct order? Kemm kien il-valur ta’ kull tender li ngħata?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema perijodu qed jirreferi.

Awtorità tax-Xandir — ħaddiema

Question

Wara li ġie rrapurtat li ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir qalet li l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir huma żejda, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jagħti piż lil din id-dikjarazzjoni u jekk hux se jaġixxi fuq din id-dikjarazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tax-Xandir — impjegati

Question

Wara li l-impjegati tal-Awtorità tax-Xandir kitbu lill-Prim Ministru dwar intimidazzjoni u bullying fuqhom miċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir u wara li qed iqumu dubji serji dwar il-kompetenzi tal-persuna maħtura biex tmexxi din l-Awtorità, jista’ l-Ministru jgħid x’laqgħat saru mal-ħaddiema dwar dan il-każ? X’passi se jittieħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Heritage Malta – Bighi — overtime

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27928, jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-2015, Heritage Malta rrikorriet għal numru kbir ta' sigħat overtime għall-inawgurazzjoni tal-Forti Sant’Anġlu ladarba dan infetaħ għall-pubbliku fl-1 ta' Novembru 2016? Ma jaħsibx li kien ikun iktar għaqli jekk ix-xogħol tqassam aħjar jew jekk is-sit infetaħ uffiċjalment din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar f’Sant Anġlu fl-2015 kien marbut mal-ħtiġijiet tax-xogħlijiet tal-proġett ko-finanzjat mill-ERDF, u għalhekk ma setax jigi mqassam mod ieħor.

Heritage Malta – overtime

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27928, jista' l-Ministru jgħid għaliex f'dawn l-aħħar ftit snin, Heritage Malta dejjem ikollha tirrikorri għall-ħin ta' wara x-xogħol sabiex jispiċċaw ċertu proġetti ta' importanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ proġetti kbar bl-iskadenzi stretti li tamministra Heritage Malta kontemporanjament jgħamluha inevitabbli li wieħed jirrikorri għas-sahra. Nerġa nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-lista ta’ proġetti mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27928 sabiex ikun jista’ japprezza dan kollu. Infakkru wkoll li ma’ dawk il-progetti Heritage Malta trid tamministra wkoll il-mużewijiet u s-siti l-oħrajn kollha bil-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum.

Heritage Malta – expression of interest għal Senior Clerk

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27849, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jingħata taħriġ fuq il-proċeduri ta' reklutaġġ lill-ħaddiema ta' Heritage Malta li huma responsabbli minn dan il-qasam?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali ta’ Heritage Malta imsemmija huma mħarrġa sew fuq proċeduri ta’ reklutaġġ. Il-ħaddiema jingħataw kull taħrieġ meħtieġ skont il-bżonn.

Heritage Malta – siti u mużewijiet — WiFi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk is-siti u l-mużewijiet ta' Heritage Malta li hemm WiFi għall-użu tal-pubbliku? Jista' jgħid meta ħa jsir il-WiFi fis-siti u l-mużewijiet l-oħra li ma għandhomx?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 27846. Ma’ dik il-lista wieħed irid iżid ukoll l-uffiċċji ta’ Bighi. Dan il-proġett għadu għaddej.

Heritage Malta – HR Capacity Building – curatorial support

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27840, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-HR capacity building għas-sena 2017-2018 relatat mas-sezzjoni tal-kuratorjat ta' Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-immedjat m’hemmx pjanijiet li jiżdied l-istaff kuratorjali fl-2017 u 2018.

Sit arkejoloġiku tas-Silġ — ilqugħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ġew meħuda tul is-sena li għaddiet dwar is-sit arkeoloġiku magħruf bħala Tas-Silġ ġewwa Marsaxlokk? Jista’ jara li l-ilqugħ li kien sar temporanjament, jiġi rimedjat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għax-xibka ħadra li kienet qed tgħatti parti mill-fdalijiet. Ninsab infurmat li din tneħħiet minħabba li bċejjeċ minnha kienu qed jidħlu fis-saffi arkeoloġiċi. Dan kien qed jikkawża ħsara meta jitneħħa. Barra minn hekk, l-istess xibka kienet qed tkun ta’ lqugħ għal ħaxix selvaġġ, li kien qed jikkawża iktar ħsara. Għal dawn ir-raġunijiet ix-xibka tneħħiet.