Jista' l-Ministru jgħid b'kollox kemm hemm ħaddiema assenjati fil-Gozo Sports Complex fir-Rabat, Għawdex inkluż dawk tal-iskemi jew tal-Community Work Scheme? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed minn dawn il-ħaddiema u xi grad għandhom dawn l-istess ħaddiema?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li fil-Gozo Sports Complex hemm 18-il ħaddiem fi gradi diversi u assenjati fuq funzjonijiet differenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rapport li fl-2016 pulizija kien inqabad bid-droga f’Għawdex u kien ittieħed id-Depot tal-Pulizija fil-Furjana għall-interrogazzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan l-pulizija nqabadx bid-droga waqt li kien ġo Bar/Ħanut f’Għawdex? Jista’ jgħid jekk kienx sar statement u għaliex ma nħassx li kellha tinħareġ stqarrija mill-Pulizija dwar dan il-każ ta’ droga relatat ma’ membru tal-Korp tal-Pulizija li huwa wkoll uffiċjal publiku? Jista’ jikkonferma wkoll li dan l-istess pulizija li kien stazzjonat għal xi żmien fl-Għassa tal-Mosta, għamel xi żmien on forced leave? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu mill-Korp mill-bidu ta’ dan il-każ sal-lum? Jista’ jgħid jekk iħossx li għandha ssir inkjesta dwar dan il-każ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Pulizija tikkonferma li f’Ġunju tal-2016 uffiċjal tal-Pulizija kien ġie arrestat Għawdex u kien interrogat in- konnesjoni ma’ użu ta’ droga. Meta ġie arrestat, hu ma kienx qiegħed ġo bar jew ġo ħanut ieħor f’Għawdex. Hu kien għamel stqarrija volontarja lill-Pulizija, irriżulta li f’okkażżjoni oħra kien fil-pussess sempliċi tar-raża tal-kannabis. Mal-arrest kienet saret inkjesta maġisterjali u eventwalment irriżulta li l-joint li kellu dak inhar ma kienx fih droga. Dan l-uffiċjal kien stazzjonat għal xi żmien l-Għassa tal-Mosta u meta ġie arrestat hu kien imġiegħel jibda l-forced leave pero` irreżenja minn jheddu erba’ t’ijiem wara. Eventwalment hu tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ġewwa Għawdex u kien akkużat fost l-oħrajn illi kien fil-pussess sempliċi tar-raża tal-cannabis u li kien ippermetta li jsir reat li hu kellu d-dover illi jippreveni. Il-proċeduri kienu konklużi u l-istess uffiċjal kien weħel penali ta’ mitejn Euro, u dan skont il-provedimenti tal-Kap 537 tal-Ligijiet ta’ Malta.
MCCAA – ingaġġ ta’ impjegati ġodda permezz ta’ sejħa interna
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30917 li kienet titlob lill-Ministru tgħid kemm huma, liema huma u xi gradi huma l-pożizzjonijiet fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li ġew mimlija permezz ta’ sejħa interna minn Jannar 2013 sal-lum, u biex f’kull każ, telenka l-kwalifiki ta’ kull persuna li qed tokkupa dawn il-karigi, tgħid mil-liema lokalità ġejjin l-individwi li mlew dawn il-karigi, u tgħid x’inhu l-pakkett tas-salarju u perkaċċi marbut ma’ kull pożizzjoni, tista’ l-Ministru tagħti din l-informazzjoni kollha mitluba inkluż il-lokalitajiet li ġejjin minnhom l-individwi li mlew il-karigi? Tista’ tgħid jekk hemmx xi diffikultà biex tagħti din l-informazzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn izjed xi nzid mal-mistoqsija parlamentari 30917.
B' referenza għall-aħħar żewġ sejħiet li ħarġu biex daħlu l-aħħar żewġ gruppi ta' inspectors fl- Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikanti wara kull sejħa u kemm għaddew f'kull call rispettivament? Kemm daħlu inspectors? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn l-inspectors u tista’ tgħid ukoll x’pakkett finanzjarju inkluż perkaċċi għandhom?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kap tas-Segretarjat tagħha li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux ukoll rwol uffiċjali fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista’ tgħid jekk ir-rwol ta’ dan l-individwu f din l-Awtorità hux b xi mod relatat mar-riżorsi umani u l-ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda mal-Awtorità? Jekk l-individwu m’għandu l-ebda rwol uffiċjali, tista’ tispjega l-iskop tal-preżenza spissa tiegħu fil-bini ta’ din l-Awtorità?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-persuna msemmija huwa l-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru. Ir-riżorsi umani u l-ingaġġ ta’ ħaddiema mal-Awtorità huma f’idejn ic-chairperson tal-Awtorità u l-istaff tagħha.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32364 u jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-wardens pajżana fuq ksur tal-liġijiet ambjentali fis-sentejn qabel ma' twaqqfet il-LESA, kif ukoll kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-wardens pajżana fuq ksur ta’ liġijiet minn mindu s-sistema ġiet iċċentralizzata bit-twaqqif tal-LESA sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Reġjuni — Flus miċ-Ċitazzjonijiet qabel ma twaqqfet il-LESA
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32365 u jgħid kemm ħadu flus ir-reġjuni miċ-ċitazzjonijiet fis-sentejn qabel ma twaqqfet il-LESA u kemm ħadu flus minn mindu saret ir-riforma tal-wardens taħt dan il-Gvern? Jista’ jgħid kemm qed tiswa flus il-LESA kull sena, bl-ispiża mqassma bejn salarji u spejjeż oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamenatari 32363 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ingħataw permessi f’Tas-Sliema li kienu jirrekjedu l-ħlas tal-Commuted Parking Payment Scheme(CPPS) bejn l-2014 u l-2017? Jista’ jingħata rendikont tal-ammont totali ta’ flus u n-numru ta’ karozzi, abbażi ta’ liema ġie kkalkulat is-CPPS għal kull sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 32798.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32362 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm sar xogħol ta’ rikostruzzjoni fuq toroq residenzjali mill-Gvern Ċentrali mill-2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex sar dan ix-xogħol u kemm sewa’ għal kull triq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 32797.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29602 u 31694 u jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar kif ser tkun qed titħallas u lil min ser ikun qed jitħallas il-finanzjament taħt Vot 29 Information Services għas-sena 2016? Jista’ jgħid kemm-il direct order sar u lil min saru taħt dan il-vot, u jekk kienx hemm pagament li sar b’proċess ta’ tender? Din il-mistoqsija qed issir b’referenza għall-informazzjoni li qed tidher taħt Vot 5 fl-Estimi Supplimentari.
Xiri ta’ proprjetajiet privati għal skopijiet pubbliċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29622 u 31688 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar proprjetajiet privati li ġew akkwistati mill-Gvern għall-skopijiet pubbliċi minn Marzu 2013 sa Diċembru 2013 u fl-2014, fl-2015 u fl-2016? Kemm ħallas il-Gvern għal dawn il-proprjetajiet privati għal skopijiet pubbliku? Lil min ħallas għal dawn il-proprjetajiet privati?
Għawdex – post fejn jinħadmu l-karrijiet tal-karnival
Question
B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25784, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex identifikat il-post fejn jistgħu jinbnew l-imħażen fejn ikunu jistgħu jinbnew il-karrijiet tal-Karnival f'Għawdex? Jekk iva, meta hu maħsub li jibda x-xogħol u f’liema sena hu ppjanat li d-dilettanti tal-Karnival f'Għawdex jibdew jutilizzaw dawn l-imħażen?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li dan il-proġett ser jinvolvi fil-konversjoni minn l-istat dilapidat u ta' telqa li jinsab fiha s-sit li qiegħed kantuniera u jmiss mat-tliet toroq - Triq Baqqari, Triq tal-Ħamrija u Triq l-Ibisku fix-Xewkija fi 33 garaxx li ser jiġu allokati għal small and medium enterprises u li 6 minnhom ser jingħataw lid-dilettanti tal-Karnival fejn fl-aħħar d-dilettanti Għawdxin ser ikollhom lok fejn jaħdmu u jippreservaw ix-xogħol artistiku tagħhom.
Jista’ l-Ministru jieħu passi biex il-mediċina bl-isem Mirabegron tiżdied mal-lista ta’ mediċini b’xejn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed fi proċess biex jevalwa liema mediċini ġodda ser idaħħal fuq il-formolarju tal-gvern fix-xhur li ġejjin.
B’referenza għall-bini ta’ rampa ġdida fiċ-Ċimiterju tal-Mosta, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment konċernat għamilx u ressaqx l-applikazzjoni għand l-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikazzjoni msemmija minnu se tkun sottomessa fil-jiem li ġejjin.
Awtorità tal-Ippjanar – Kunsill Lokali Mosta – applikazzjoni għall-fondi
Question
Jista’ l-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) jgħid fiex waslet l-applikazzjoni li l-Kunsill Lokali tal-Mosta kien għamel lill-istess awtorità sabiex jingħataw fondi mill-istess PA sabiex Triq il-Ġnejna tkun tista’ tingħata wiċċ ġdid kif jistipulaw ir-regoli tal-Mosta, li l-Kunsill Lokali jistgħu japplikaw għal fondi għand il-PA?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Gejt informat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar li l-istess Awtorita' ma għandix applikazzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Mosta għall-fondi għal xogħljiet fuq it-triq imsemmija.
Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku – wiċċ ġdid ta’ tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li skont il-Ministru għat-Trasport, Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta tingħata wiċċ ġdid ta’ tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħlijiet ta’ dan it-tip isiru abbażi ta’ prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist tax-xogħlijiet.