Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #31237 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju Elettorali – taħriġ għall-istaff

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31022 u jgħid x'taħriġ għall-istaff qiegħed isir ġewwa l-Uffiċċju Elettorali? Jista' l-Prim Ministru jgħid ġietx ingaġġata kumpanija privata biex tipprovdi dan it-taħriġ u b'liema mod sar dan l-ingaġġ? X'inhu l-ħlas li l-Uffiċċju Elettorali mistenni jagħmel għal dan is-servizz mingħand din il-kumpanija privata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat mill-Kummissjoni Elettorali li hi mhix awtoritá jew entitá li taqa’ taħt xi Ministeru għaldaqstant tweġiba f’isem il-Kummissjoni Elettorali mhix indikata.
Leg 12 PQ #31238 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – każijiet ta’ permuta ta’ art

Question

Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-każijiet kollha ta' permuta ta' art li saru mid-Dipartiment tal-Artijiet fl-2016 u fl-2017 s'issa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #31311 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — każijiet ta' inġustizzja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ l-Prim Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Jista’ jelenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tiegħu li qed jinvestiga l-inġustizzji?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Deputat Prim Ministru u Minsitru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — każijiet ta’ inġustizzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ l-Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Jista’ jelenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tiegħu li qed jinvestiga l-inġustizzji?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda entità li taqta’ taħt dan il-Ministeru.

Għawdex — Materjal/pubblikazzjonijiet maħruġa mis-Segretarjat responsabbli mill-Anzjanità Attivà u Persuni b'Diżabilità

Question

Filwaqt li l-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31265 għamel referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31264 u peress li l-Ministru naqas li jpoġġi l-materjal rikjest fuq il-Mejda tal-Kamra għall-istess mistoqsija, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-materjal/pubblikazzjonijiet (b’kollox 14-il pubblikazzjoni) li għalihom għamel referenza fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31264?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-materjal li għamilt referenza għalihom f’mistoqsijiet parlamentari numru 31264 u 31265.

Attivitajiet kulturali mmexxija mill-Gvern li saru barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna x’attivitajiet kulturali, immexxija mill-Gvern, saru barra minn Malta matul l-2016 sa issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Espressjoni ħielsa u hatespeech

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar sabiex ikun hawn espressjoni aktar ħielsa fl-istess waqt li jiġi miġġieled aktar il-hate speech?

Response (BONNICI, OWEN)

Dan il-Gvern mill-ewwel imbarka fuq programm ta’ liberalizzazzjoni mhux biss ta’ liġijiet iżda wkoll ta’ attitudini favur iżjed tolleranza u iżjed liberta’ tal-espressjoni. Id-diversi liġijiet fil-qasam tal-ugwaljanza huma xhieda ewlenija ta’ dan kif huma wkoll l-attitudini liberali fil-qasam tal-liberta’ artistika. B’mod partikolari għandhom jissemmew il-miżuri meħuda permezz tal-Att XXXVII tal-2016 li filwaqt li neħħa r-reat antikwat tal-vilipendju tar-reliġjon saħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82A tal-Kodiċi Kriminali kontra t-tixrid tal-mibgħeda reliġjuża filwaqt li wkoll introduċa reġim iżjed liberali f’dak li għandu x’jaqsam l-offiżi għall-moralita’ pubblika. L-istess Att introduċa l-Artikolu 208E tal-Kodiċi Kriminali li jistabbilixxi reat speċifiku għal min jiżvela ritratti privati ta’ persuna oħra b’kontenut sesswali. Hemm ukoll id-diversi miżuri meħuda bl-Att XXIV tal-2014 illi saħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali dwar il-“hate crimes” u saħħaħ ukoll il-liġijiet dwar il-fastidju (harrassment) u introduċa r-reati ġodda ta’ “stalking” u ta’ “stalking” li jinvolvi biża ta’ vjolenza jew li jikkaġuna allarm. L-aktar miżura reċenti fil-qasam tal-liberta’ tal-espresjoni huwa l-Abbozz ta’ liġi dwar il-Midja u l-Malafama illi jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-ġurnalisti u jaġġorna l-liġi dwar l-istampa.

Bejgħ ta’ proprjetà miżmumin inkomun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati kien hemm wara l-emendi li ffaċilitaw il-bejgħ ta’ proprjetà miżmumin inkomun?

Response (BONNICI, OWEN)

L-emendi li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huma l-emendi legali introdotti bl-Att tal-2016 li jemenda Diversi Liġijiet (Riforma tal-Ġustizzja) (Proċedura Ċivili) (Att IV tal-2016). Permezz ta’ dan l-Att kull min kellu proprjetà immobbli in komun ma’ ħaddieħor għal aktar minn 3 snin (qabel kienet 10 snin), seta’ b’rikors fil-qorti jitlob l-awtorizzazzjoni sabiex ikun jista’ jbiegħ dik il-proprjetà wara li l-maġġoranza tas-sidien tal-ishma f’dik il-proprjetà jkunu sabu bejgħ tal-istess proprjetà. Fl-2016 jidher li n-numru ta’ sidien ta’ proprjetà għoġobhom li jieħdu azzjoni sabiex ibiegħu proprjetà immobbli in komun ma ħaddiehor żdied. Qiegħed nirriproduċi hawn taħt tabella (A) li turi ammont ta’ rikorsi ta’ dan it-tip li ġew ippreżentati fil-Qorti Ċivili ta’ Malta mill-2010 sat-23 ta’ Frar, 2017 u Tabella (B) li turi ammont ta’ rikorsi ta’ dan it-tip li ġew ippreżentati fil-Qorti ta’ Għawdex, mill-2010 sat-23 ta’ Frar, 2017: Tabella A 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 10 7 5 5 8 14 24 1 Tabella B 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2 3 1 1 0 3 4 1

Revoki ta’ prokuri

Question

Jista’ l-Ministru jfisser x’inhu l-benefiċċju tal-emendi fejn jidħlu revoki ta’ prokuri?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli membru huwa nfurmat illi l-benefiċċju prinċipali tal-emendi huwa ili l-individwi li jkunu jridu jirrevokaw prokura ma jkollhomx jinkorru ħafna spejjeż li sa qabel ir-riforma kienu jammontaw ghal eluf ta' Ewro. Is-Sistema l-gdida taghti wkoll iktar certezza.

Twessiegħ tal-patteġġament fl-awli kriminal kollha

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’feedback kien hemm wara t-twessiegħ tal-patteġġament fl-awli kriminal kollha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-miżura li biha l-patteġġjament ġie estiż ukoll għal kawżi kriminali quddiem il-Qrati tal-Maġistrati kienet waħda mill-miżuri meħuda biex il-kawżi ma jitwalux bla bżonn. Min mindu ġiet introdotta din il-miżura kien hemm numru ta’ kawżi fejn il-piena ġiet patteġġjata b’dan il-mod.

Kawżi tad-droga – appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-effett tal-emendi li bihom jista’ jsir appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li mindu daħlet fis-seħħ l-emenda legali li permezz taghħa seta’ jsir appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga, fi stadju meta l-kawżi kienu ghadhom fi stat ta’ kumpilazzjoni, kien hemm ħmistax (15)-ir rikors mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, minn dawn tlieta (3) ġew milqugħa, erbgħa (4) ġew miċħuda u tmienja (8) ġew irtirati F’każijiet meta sar rikors wara li nħareġ Att ta’ Akkuża kien hemm dsatax (19)- il talba li minnhom tnejn (2) ġew milqugħa, tnax (12) ġew miċħuda u ħamsa (5) għadhom pendenti.

Liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għall-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30476, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn se jkunu ttieħdu kważi sentejn u nofs sabiex id-Direttiva 2014/104/UE tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea tkun inkorporata fil-liġi Maltija? Tista’ tispjega għalfejn kien hemm dan id-dewmien?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fil-proċess tal-abbozzar tar-regolamenti kellha ssir bosta riċerka, tiġi kkonsultata l-Kummissjoni Ewropea diversi drabi, ssir konsultazzjoni pubblika u evalwazzjoni tal-impatt tar-regolamenti f’Malta. Hekk kif jitlesta dan ix-xogħol kollu tkun inkorporata fil-liġi Maltija.

Uffiċċju tal-Konsumatur — Il-Każ Federation of Estate Agents – laqgħat ma’ rappreżentanti tal-għaqdiet tal-konsumaturi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30475 fejn il-Ministru konfermat li ma saru ebda laqgħat ma’ rappreżentanti tal-għaqdiet tal-konsumaturi u dawk tan-negozju dwar is-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fit-3 ta’ Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents kontra d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et, u peress li jien ukoll staqsejt dwar ir-raġuni għalfejn s’issa ma sarux dawn il-laqgħat, tista’ l-Ministru tirrispondi għal din il-parti tal-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tgħid meta se jsiru dawn il-laqgħat sabiex l-organizzazzjonijiet imsemmija jiġu infurmati?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma sarux laqgħat mar-rappreżentanti msemmija għax ma inhasx il-bzonn li dan issir ghax dawn l-organizzazzjonijiet għandhom fi hdanhom persuni li jafu jinterpretaw u jifhmu din id-deċizjoni. Madanakollu kieku saret xi talba lill-Uffiċċju biex issir laqgħa, l-Ufficcju kien jiltaqa’ maghhom.

Il-Każ Federation of Estate Agents — miżuri

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30474, tista’ l-Ministru tgħid kemm qed jinvestiga każijiet bħalissa l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u liema setturi dawn jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju qed jinvestiga 17 il-każ. Dawn jikkonċernaw is-setturi tas-servizzi finanzjarji, komunikazzjoni, transport, enerġija, divertiment, lotteriji, sports, tax-xorb u uniformijiet tal-iskola.

Il-każ tal-Federation of Estate Agents — evalwazzjoni tas-sentenza mid-Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30472 u tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) wara s-sentenza meħuda fil-każ Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et mill-Qorti Kostituzzjonali fit-3 ta’ Mejju 2016, li kkonfermat dik tal-21 t’April 2015, kienx għamel evalwazzjoni tal-impatt ta’ din is-sentenza fuq il-liġi tal-Kompetizzjoni u r-rimedji li għandhom jittieħdu? Jekk iva, tista’ tgħid meta dan sar u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk dan ma sarx, tista’ tispjega l-għala dan ma sarx?

Response (DALLI, HELENA)

Mhux korrett meta l-Onor. Interpellant qed jgħid li s-sentenza ġiet ikkonfermata għax fil-fatt il-Qorti Kostituzzjonali ma qablitx ma’ parti mis-sentenza dik li l-proċeduri kkontemplati fl-Att imorru kontra l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kif kienet iddeċidiet l-ewwel Qorti. Ninforma lill-Onor Membru li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni kien ħejja position paper bl-analiżi tiegħu tas-sentenza fil-11 ta’ Mejju. Peress li l-analiżi tirrigwarda proċeduri li huma pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), l-Uffiċċju m'huwiex f’pożizzjoni li jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-analiżi peress li il-każ huwa sub judice .

Il-każ tal-Federation of Estate Agents

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30471 u tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) wara s-sentenza meħuda fil-każ tal-Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et mill-Qorti Kostituzzjonali fil-21 t’ April 2015 kienx għamel evalwazzjoni tal-impatt ta’ din is-sentenza fuq il-liġi tal-Kompetizzjoni u x’rimedji ssuġġerixxa? Jekk iva, tista’ tgħid meta dan sar u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk dan ma sarx tista’ tispjega għaliex?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li s-sentenza ġiet diskussa internament u fuq parir tal-Avukat Ġenerali ġie deċiż li s-sentenza tiġi appellata. Ta’ din l-istess opinjoni kien il-Bord tal Gvernaturi.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – bord ta’ Governanza – każ tal-Federation of Estate Agents

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30470, filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 2016 ikkonfermat li l-proċeduri kontemplati fl-Att tal-Kompetizzjoni jmorru kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta, tista’ l-Ministru tgħid jekk id-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Governanza kenitx unanima jew ittieħditx b’vot? Tista’ l-Ministru telenka l-parteċipanti kollha li kienu preżenti għal dik il-laqgħa?

Response (DALLI, HELENA)

Id-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Governanza kienet unanima. Il-membri preżenti kienu: Mr Marcel Pizzuto Dr Gordon Cordina Ing Mario Cassar Ms Anna Spiteri Dr Phyllis Aquilina Mr John Abela Mr Joseph Sciberras

Santa Luċija — Triq il-Burka - Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31557 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċioè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Bruka f’Santa Luċija tingħatax it-tarmak?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li ma għandux ippjanat li ssir bit-tarmak għalissa però qed jikkunsidra l-upgrading tal-bankina ta’ naħa minn din it-triq.

Bord tal-Appelli dwar ir-Rifuġjati – membri fil-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost il-Bord tal-Appelli dwar ir-Rifuġjati skont l-Att dwar ir-Rifuġjati? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq il-Bord li huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bord huwa kompost minn tlett Awli, b’kull awla tikkonsisti minn Chairperson u tlett membri. B’kollox hemm tlett membri nisa, waħda f’kull Awla. Fir-rigward ta’ persuni b’diżabilita`, hemm persuna f'kull awla li tirrapreżenta dawn l-interessi.

Awtorità għat-Trasport – membri fil-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi komposta l-Awtorità għat-Trasport skont l-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq il-Bord li huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord huwa kompost skont l-Att dwar il-kompożizzjoni tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta. Fuq il-bord ta’ Transport Malta hemm tliet membri nisa, segretarja u persuna waħda b’diżabilità.