Uffiċċju tal-Arbitru taħt l-att dwar is-Sigurtà Soċjali — appelli pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm appelli pendenti sal-aħħar ta' Frar 2017 quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u jista' jgħid kemm hemm minnhom appuntati u kemm le?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali sal-aħħar ta' Frar 2017? Tista' tgħid kemm każijiet ġew deċiżi tul is-sena li għaddiet 2016?
Response (DALLI, HELENA)
Matul l-2016 ġew deċiżi total ta’ 75 każ. F’dan ir-rigward sal-aħħar ta’ Frar 2017 kien hemm total ta’ 592 każ pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali li jinkludu 313-il każ ta’ ħaddiema tal-eks-Malta Drydocks.
Transport Malta — kundizzjonijiet dwar l-użu tal-quad bikes
Question
B'referenza għar-risposta dwar il-quad bikes, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tagħmilx xi kundizzjoni partikulari għal dak li jikkonċerna l-użu tal-istess quad bikes fit-toroq ta' pajjiżna? Jekk tagħmel tali kundizzjonijiet, jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kundizzjoni, jew restrizzjoni tagħmel Transport Malta dwar l-użu ta' tali quad bikes?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta timponi, li sabiex persuna tkun tista’ ssuq quad bike, għandha tilbes elmu magħmul minn materjal li jirreżisti daqqiet, u dan skont il-provedimenti tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.11. Barra minn hekk, ix-xufier għandu jkollu liċenzja tas-sewqan b’Kategorija B1 hekk kif tipprovdi il-Leġislazzjon Sussidjarja 65.11.
San Pawl il-Baħar – Triq J. Quintinus – Granzija għal irranġar ta’ triq
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31031, billi l-blokka ta' appartamenti li nbniet fissret ammont kbir ta' materjal li kellu jitħammel, (inkluż qtugħ ta' materjal f'fond ta' bosta metri taħt l-art) u jittieħed x'imkien ieħor, u dan fisser mijiet ta' trakkijiet li kellhom jgħaddu minn din it-triq waqt it-taħmil, u l-kostruzzjoni tal-istess blokka, jista' l-Ministru jikkordina mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) biex jara li jekk inżammu xi flus bħala garanzija, dawn l-istess flus jintużaw biex tiġi msewwija t-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali u għaldaqstant nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31273, u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tappieri tad-drenaġġ (manholes) li għandha l-Water Services Corporation fl-inħawi ta' Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar? Billi numru sostanzjali minn dawn il-manholes huma mniżżla ‘l isfel mill-wiċċ tat-triq, jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess tappieri, u t-tarmakk ta’ madwarhom jiġu rranġati? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk fil-fatt sarux spezzjonijiet fuq l-istess tappieri, kif ukoll x'kienu r-riżultati ta' tali spezzjonijiet? Kemm mit-tappieri kkonċernati, fil-fatt ġew mgħollija sal-livell meħtieġ fit-triq?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li n-numru ta’ manholes fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar jammonta għal 1400. Il-Korporazzjoni bdiet bl-ispezzjonijiet meħtieġa u t-tappieri li huma fi stat ħażin qed qed jiġu rranġati. Minn Jannar sal-lum ġew irranġati 9 tappieri.
Korp tal-Pulizija – branki fejn m’hemmx pulizija ta’ sess femminili
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-branki fil-Korp tal-Pulizija fejn m’hemmx membri tal-Korp tal-Pulizija li huma ta’ sess femminili?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-branki fil-Korp li preżentament ma jaħdmux Pulizija nisa huma kif ġej;
· Garaxx tal-Pulizija (xufiera)
· Taqsima taż-Żwiemel
·
Seaport Port Control
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn Childcare Centres liċenzjati f'Malta kull sena fis-snin 2010, 2011 u 2012?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ Childcare Centres liċenzjati f'Malta kull sena fis-snin 2010, 2011 u 2012 hu kif muri fit-tabella hawn taħt:
Sena
Numru ta’
Childcare Centres
liċenzjati f'Malta
2010
52
2011
60
2012
63
Ninforma wkoll lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ Childcare Centres liċenzjati f’Malta sal-lum huwa 106.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31347, 31259, 31258, 31219, 31218, 30974, 30973, 30972, 30931, 30930 u 30929 li issa ilhom pendenti żmien twil, u jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq dawn it-toroq indikati f'kull mistoqsija? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ir-Rabat Għawdex – Triq il-Kastell/Triq it-Telgħa — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq il-Kastell/Triq it-Telgħa fir-Rabat, Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq Triq il-Kastell u t-Telgħa tal-Belt saru bħala parti minn tender CT 3075/2013 li kienet tinkludi wkoll xogħol fuq l-Pjazza tal-Katidral u fuq it-toroq kollha ġewwa ċ-Ċittadella. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tal-Perit inkarigat (Dok. A) li jiċċertifika dawn ix-xogħlijiet. Il-kuntratt oriġinali ta’ din it-tender kien ta’ €3,082,207.91 (VAT inkluż). Bħala pagament finali tħallset is-somma ta’ €3,469,776.02 (VAT inkluż). Barra minn dan saru xogħlijiet oħra permezz ta’ direct orders li jammontaw għal €241,600.77 (inkluża l-VAT). Dawn ix-xogħlijiet kienu jkopru t-triq u l-istrutturi kollha relatati biex ġew konsolidati u integrati t-triq ta’ żmien il-Kavallieri, it-triq ta’ żmien l-Ingliżi, il-foss ta’ quddiem id-daħla taċ-Ċittadella, is-silos ta’ żmien il-Bronż u l-ħajt Ruman li ġew skoperti waqt it-twettiq tax-xogħlijiet flimkien ma’ xogħlijiet biex iċ-Ċittadella setgħet tibqa’ aċċessibbli waqt it-twettiq tax-xogħlijiet. It-testijiet li saru fuq iż-żewġ toroq imsemmija huma annessi (Dok. B).
Ir-Rabat Għawdex – Triq ir-Repubblika, Triq Sant’Ursola, Triq Gedrin, Triq Kerċem u Triq Qasam San Ġorġ — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq ir-Repubblika, Triq Sant’Ursola, Triq Gedrin, Triq Kerċem u Triq Qasam San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn it-toroq kienu jagħmlu parti mill-Proġett tas-second class water li għamlu il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Għalhekk l-Onorevoli Nterpellant għandu jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta ngħalaq il-canteen tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista’ jgħid kif qed jinqdew il-pazjenti u l-ħaddiema li jkollhom bżonn jixtru xi bżonnijiet issa li l-canteen huwa magħluq? Jista' jgħid meta hu maħsub li se jerġa’ jinfetaħ dan il-canteen?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi issa li beda’ l-bini tal-iskola medika ta’ Barts, saru arranġamenti sabiex il-ħaddiema jkollhom servizz ta' ikel minflok il-canteen imsemmi minnu.
B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 30353, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tas-saħħa f'termini perċentwali meta kkomparata mal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż għas-sena 2016?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 30353.
L-ispiża fuq is-saħħa bħala persentaġġ tal-Prodott Gross Domestiku għas-sena 2016 miġbura skont il-metodoloġija COFOG (Classification of Functions of Government) għadha qed tinħadem. Statistika skont din il-metodoloġija tinġabar u tinħadem b’intervall ta’ sena mill-perjodu ta’ referenza.
Is-Swieqi – Triq Sant Andrija u Triq il-Qasam – bus shelter
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li Transport Malta tistalla lura l-bus shelter fil-parti tat-Triq Sant Andrija ma' Triq il-Qasam fis-Swieqi, liema bus shelter inqala’ aktar minn seba' xhur ilu meta sar xogħol f'din it-triq u għadu ma ġiex stallat lura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li Transport Malta ħarġet ‘Request for Proposals’ sabiex jiġu installati bus shelters ġodda f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, liema ‘Request for Proposals’ qiegħda fl-aħħar fażi tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni. Ġaladarba dan il-proċess ikun konkluż, ikun jista’ jibda il-proċess ta’ twaħħil ta’ bus shelters fosthom dak ta’ Triq Sant’ Andrija ġewwa s-Swieqi.
Is-Swieqi, l-Imsida, il-Gżira, San Ġiljan u Tas-Sliema – car spaces għall-persuni li għandhom disabled badge
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm car spaces riservati għall-karozzi partikolari ta’ persuni li għandhom id-disabled badge f’Tas-Sliema, San Ġiljan, il-Gżira, l-Imsida u s-Swieqi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru car spaces riservati għall-karozzi partikolari ta’ persuni li għandhom id-disabled badge huma dawn:
· Sliema – 135
· San Ġiljan – 72
· Gżira – 71
· Msida – 43
· Swieqi – 22
Tfajliet li waqfu mill-iskola minħabba li ħarġu tqal
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tfajliet li din is-sena skolastika waqfu milli jattendu l-iskola minħabba li ħarġu tqal? Mil-liema skejjel waqfu dawn it-tfajliet? X'età kellhom dawk li waqfu mill-iskola minħabba din ir-raġuni? Din is-sena skolastika, kemm kien in-numru ta' tfajliet li minkejja li ħarġu tqal, baqgħu jattendu l-iskola? Dan in-numru, kif jitqabbel mas-sentejn skolastiċi ta' qabel din?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' tfajliet li fis-sena skolastika 2016-2017 (sa Frar) waqfu milli jattendu l-iskola minħabba li ħarġu tqal kien ta’ tlieta (3). L-etajiet tagħhom huma, tnejn ta’ erbatax-il sena u l-oħra ta’ sittax-il sena.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, infurmat li f’din is-sena skolastika kien hemm tfajla waħda li minkejja li ħarġet tqila baqgħet tattendi l-iskola. Fis-sena skolastika 2015-2016 kienu tnejn li baqgħu jattendu l-iskola filwaqt li fis-sena skolastika 2014-2015 in-numru ta’ tfajliet li baqgħu jattendu l-iskola minkejja li ħarġu tqal kien ta’ ħamsa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna l-iskola Mariam Al Batool matul l-aħħar sitt snin u f’liema forom ingħatat din l-għajnuna? Jista’ jagħti break down tal-ammont ta’ kull għotja u d-data ta’ meta ngħatat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant. Infurmat ukoll li ma kienx hemm ħlasijiet lill-iskola Mariam Albatool qabel l-2013.
Attachments:PQ 31911 - Skola Mariam Albatool - għajnuna mogħtija.pdf
Skola Mariam Al Batool – għajnuna għal titjib infrastrutturali
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28021, jista’ l-Ministru jgħid meta ngħatat l-għajnuna għal titjib infrastrutturali lill-Iskola Mariam Al Batool?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li s’issa l-għajnuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. interpellant għadha ma ngħatatx.