Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta – Triq Salvu Aquilina – tindif ta’ open space

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30664, jista' l-Ministru jgħid mir-riċerka li kellha ssir dwar art fi Triq Salvu Aquilina, jista' l-Ministru jgħid jekk din l-art hiex tal-Gvern jew tal-privat peress li r-residenti qed jistennew li din l-art tkun imnaddfa sabiex ma jibqax jinġabar il-ħmieġ u lanqas l-ilma tax-xita tagħmel il-ħsara fil-bini tal-madwar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn riċerka li saret jidher li hi propjeta’ pubblika. Fil-ġranet li ġejjin ser isir tindif u qtugħ ta’ ħaxix f’din iż-żona.
Leg 12 PQ #31997 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Type 2 Diabetes – tqassim ta’ strips b’xejn

Question

B’referenza għat-tweġibiet għar-risposti għall-mistoqsijiet 31850 u 31023, jista’ l-Ministru jindika f’liema xahar ta’ din is-sena se jibdew jingħataw l-istrips lill-pazjenti ta’ Type 2 Diabetes? Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn pazjenti tat-Type 1 Diabetes mhux qed jingħataw 4 strips kuljum kif indikat fit-tweġiba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31023 u 31996, ninformaha ukoll li minn Novembru li għadda pazjenti kollha b'Type 1 Diabetes bdew jingħataw 4 strips kuljum mingħajr ħlas.
Leg 12 PQ #31998 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mount Carmel – każijiet ta’ gastroenteritis

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31849, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi fl-investigazzjoni dwar il-każ ta’ gastroenteritis li seħħet fl-Isptar Mount Carmel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjoni neċessarja saret immedjatament kif is-Supretendent kienet infurmata bil-każ. Mit-testijiet li saru ma tkabbar l’ebda mikrobu patoġeniku.Tajjeb li nghid li ma kienx hemm aktar każijiet wara it-8 ta’Marzu.
Leg 12 PQ #31999 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

VGH – flus allokati

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31848, jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu b’kollox il-Vitals Global Healthcare (VGH) fis-sena 2016? Din il-figura tinkludi l-pagi jew le? X’sar mill-VGH b’dawn il-flus allokati lilhom mit-taxxi tal-poplu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29182.
Leg 12 PQ #32000 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ftehim mal-Vitals Global Healthcare

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31847, jista’ l-Ministru jgħid f’liema fażi tal-ftehim mal-Vitals Global Healthcare (VGH) kien involut hu direttament? Jaqbel mal-fatt li l-kuntratt kien iffirmat personalment mill-Ministru Konrad Mizzi u mhux minn uffiċjal għoli fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 31847, ninfurmaha illi kif inhu evidenti mill-kuntratti ppubblikati fid-19 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, il-firmatorju minn naħa tal-Gvern kien il-Ministru Mizzi.
Leg 12 PQ #32001 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Vaċċin tal-Meningitis B

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31846 jista’ l-Ministru jgħid b’mod ċar x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern u tad-Dipartiment tas-Saħħa fuq it-tilqima tal-Meningitis B? U x’qed jagħmel il-Gvern biex ma jkunx hemm abbuż fil-prezz li qed tinbiegħ din it-tilqima?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31846, nitlobha tirreferi t-tieni parti tal-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #32002 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Att tal-2016 dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31088, jista’ l-Ministru jgħid b’mod ċar għalfejn għadu ma ppublikax l-erba’ Avviżi Legali li kien qal li se jippublika marbuta mal-Att tal-2016 dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumitat interministerjali mwaqqaf skont il-Att imsemmi minnha għadu qiegħed jagħmel xogħol kif indikat mill-istess Att.

Bonus lil dawk li jħallsu l-kontribuzzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid illum kemm-il persuna qed tirċievi l-bonus li jitħallas kull sena lil dawk li ħallsu l-kontribuzzjonijiet imma li ma ħallsux biżżejjed biex jikkwalifikaw għall-pensjoni? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa għal dan il-għan fis-sena 2016 u kemm hi stmata li ser tkun in-nefqa għas-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sat-18 ta’ Marzu 2017, kien hemm 12,182 persuna li tħallsu l-bonus għal dawk li m’għandhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jikkwalifikaw għal pensjoni kontributorja. In-nefqa għas-sena 2016 kienet ta’ €1,880,725.41 filwat li l-istima għal din is-sena mistennija li tkun bejn wieħed u ieħor ta’ €2.58 miljun.

Anzjani li jgħixu f’darhom u li rċevew l-għotja ta’ €300

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' anzjani li jgħixu f’darhom li rċevew l-għotja ta' €300? Jista' jgħid kemm minnhom kienu nisa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ anzjani li jgħixu f’darhom li ġew mħallsa s’issa din is-sena huwa ta’ 27,807. Minn dawn kien hemm 16,150 mara.

Każijiet ta’ serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irraportati fis-sena 2014, 2015, u 2016, sena b’sena? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew solvuti sal-punt li tressaq xi ħadd il-Qorti akkużat b'tali serq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Każijiet ta’ Omiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm omiċidji fis-sena 2014, 2015 u 2016 u kemm minnhom ġew solvuti sal-punt li tressaq xi ħadd il-qorti akkużat b’tali reati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2016, in-numru ta’ omiċidji rrapurtati lill-Pulizija kien ta’ ħmistax u kien hemm sitt każijiet li kienu solvuti.

Rapporti ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika fis-sena 2013, 2014 u 2015, sena b’sena? Jista’ jgħid kemm minn dawn ir-rapporti spiċċaw il-Qorti b’persuna jew persuni akkużati li wettqu dan ir-reat?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari numri 15390 u 27393.

Rapporti ta’ frodi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ frodi fis-sena 2014, 2015 u 2016? Kemm minn dawn ir-rapporti wasslu biex titressaq persuna jew persuni akkużati b’dawn ir-reati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #32026 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – triq li ċediet

Question

Billi jekk tagħti daqqa t’għajn lejn in-numru ta’ postijiet minn ħdejn il-Knisja tal-Karmnu sa ħdejn l-HSBC fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, tara li jew fuq inkella maġenb il-main tad-drenaġġ, hemm partijiet sostanzjali fejn it-triq ċediet, tista' l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma tara li s-sistema tad-drenaġġ hux qed tikkawża dawn il-ħsarat, biex fil-każ it-triq tiġi msewwija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li nvestigat l-ilment tal-Onor. Interpellant u tikkonferma li m’għandhiex ħsarat fuq il-main tad-drenaġġ fil-partijiet imsemmija.
Leg 12 PQ #32027 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjant taċ-Ċumnija – użu ta’ second class water

Question

Billi qed jingħad li dalwaqt se jibda jintuża s-second class water mill-impjant taċ-Ċumnija, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jibda jintuża dan l-ilma? Fejn u minn min?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma li se tingħata iktar informazzjoni fil-futur.
Leg 12 PQ #32040 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta – membri b’diżabilità

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31789, jista’ l-Ministru jgħid kemm membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Istatistika ta' Malta huma persuni b'diżabilità u dan peress li din l-informazzjoni ma toħroġx mill-pubblikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern tal-5 ta' Awwissu 2016?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Inserraħ moħħ l-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta hi kostitwita skont il-liġi.

Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika – persuni b’diżabilità

Question

Peress li jirriżulta li l-Att dwar il-Vjolenza Domestika mhux qed jiġi osservat u m’hemm ebda membru tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika li huwa b'diżabilità, tista' l-Ministru tgħid x'se tkun qed tagħmel biex tottempora ruħha mal-liġi mingħajr ebda dewmien?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif jgħaddu l-emendi l-ġodda għall-Att dwar il-Vjolenza Domestika se tinħatar Kummissjoni ġdida skont il-ligi.
Leg 12 PQ #32049 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ftuħ tal-presepju Malti fil-Vatikan – delegazzjoni Maltija

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri tad-delegazzjoni Maltija li marret il-Vatikan għall-ftuħ tal-Presepju Malti? Jista’ jgħid jekk id-delegazzjoni kenitx tikkonsisti f’numru sostanzjali ta’ persuni qrib tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, u jekk dawn il-persuni ngħatawx trattament privileġġat inkluż ħlasijiet tal-ispejjeż kollha marbuta mal-vjaġġi u lodging matul iż-żjara tagħhom f’Ruma? Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi lista ta’ dawk id-delegati li bbenefikaw minn xi forma ta’ finanzi biex żaru l-presepju Malti fil-Vatikan?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellanat biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat
Leg 12 PQ #32050 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Korp Diplomatiku – membri li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp Diplomatiku li rriżenjaw mill-kariga tagħhom jew inkella applikaw għall-unpaid leave mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Marzu 2013 s'issa rriżenjaw 26 Membru tal-Korp Diplomatiku mill-gradi ta' Ambaxxatur, First Counsellor, Counsellor, First Secretary u Second Secretary. 39 ħadu l-unpaid leave.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Preistorja – vetturi li għandhom il-liċenzja magħluqa

Question

Billi waslitli informazzjoni li fi Triq il-Preistorja, San Pawl il-Baħar hemm xi vetturi li għandhom il-liċenzja tagħhom magħluqa, u li ilhom rappurtati li jinsabu f'dan l-istat, iżda qatt ma tneħħew minn fuq il-post, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-vetturi jitneħħew?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li l-pulizija tad-distrett għamlu diversi spezzjonijiet fi Triq il-Preistorja, San Pawl il-Baħar. Ma ġewx identifikati vetturi b’liċenzji skaduti. Madankollu kien hemm vettura mingħajr numri ta’ reġistrazzjoni u mingħajr mezz ta’ identifikazzjoni tas-sid. Fuq din il-vettura ġiet imwaħħla yellow sticker skont il-proċedura u jekk ma titneħħiex, din tiġi mneħħija mill-pulizija malli jiskadi it-terminu ta’ sebat ijiem skont il-liġi.