Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-istudenti tal-Università li qegħdin isegwu kors ta' Higher Diploma in Psychology m'għandhomx stipendju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudenti li qed jagħmlu l-kors Higher Diploma in Psychology ġewwa l-Università ta’ Malta, jitqiesu bħala mhux eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti abbażi tar-regolament 12 tal-Att Legali 327.178. Peress li l-istudenti jrid ikollhom degree b’MQF Livell 6 biex jidħlu għal dan il-kors (jiġifieri bħala rekwiżit għad-dħul) u liema kors huwa wkoll ta’ MQF Livell 6, huma jitqiesu mhux eliġibbli peress illi skont l-istess regolament msemmi, l-istudenti m’humiex eligibbli fit-tieni kors tagħhom jew kors sussegwenti, għal perjodu ekwivalenti tat-tul tal-ewwel kors u li fih kienu jirċievu l-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti inkluż l-istipendju.
Housing – Blokka Appartamenti – manteniment tal-partijiet komuni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fi blokka appartamenti tal-housing fejn l-appartamenti jkunu nxtraw minn sidien privati, ma jingħatawx fondi għall-manteniment tal-partijiet komuni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fi blokki fejn l-appartamenti huma kollha mixtrija mis-sidien permezz tal-Awtorita’ tad-Djar, l-istess sidien huma responsabbli għall-manutenzjoni tal-partijiet komuni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25896 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jieħu azzjoni immedjata dwar il-Pink Form fejn dawk il-persuni li kienu dijabetiċi qabel is-sena 2012 kellhom dritt li jibqgħu jieħdu l-Kartuna r-Roża? Peress li ħafna telfulhom dan id-dritt u tilfu wkoll numru ta’ benefiċċji, jista’ jara li kull min kellu l-Kartuna r-Roża għaliex huwa dijabetiku jiġi kkuntattjat u terġa’ tinħareġ din il-Kartuna r-Roża? Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni dwar mijiet ta’ nies li qalbulhom il-pilloli minn fuq il-Kartuna r-Roża għal fuq is-Safra meta dawn ma kellhomx id-dritt li jagħmlu hekk?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li permezz ta’ Avviz Legali fl-2012 id-Diabetes Mellitus Type 1 u Type 2, flimkien mat-Tuberkolosi, l-Polio u l-Lebbra tneħħew minn fuq l-Iskeda II (Il-Kartuna r-Rosa) u żdiedu mal-Lista tal-Kundizzjonjiet Kroniċi li jaqgħu taħt l-Iskema V (Il-Kartuna s-Safra).
Fl-2012 il-pazjenti li kienu jbatu mill-kundizzjoni tad-diabete ngħataw l-għażla jekk jaqilbux għall-Kartuna s-Safra jew jibqgħux fuq il-Kartuna r-Roza.
Għar Dalam – Heritage Malta — Problemi strutturali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ħadet Heritage Malta f'dawn l-aħħar tliet snin sabiex il-problemi strutturali ġewwa Għar Dalam jiġu indirizzati? Jista' jgħid x'miżuri ħa jittieħdu iktar fis-sentejn li jmiss u x'budget hemm allokat għal dan il-għan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar snin tħejja studju tekniku preliminari li kkonkluda li l-għar m’għandux problemi strutturali iżda jista’ jkun hemm problema bl-ispoil heap tal-iskavi tal-bidu tas-seklu għoxrin li qed tagħmel pressjoni fuq l-art tal-għar. Il-moniteraġġ għadu għaddej. Għadu kmieni sabiex wieħed jistabbilixxi x’budget ikun meħtieġ. Sadanittant qed jitħejja masterplan għall-inħawi b’konsultazzjoni mal-entitajiet kollha kkonċernati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex Heritage Malta tibda tiftaħ temporanjament jew b'rotazzjoni, is-siti li huma magħluqa u li normalment jinfetħu għall-pubbliku b'appuntament u b'miżata addizzjonali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda ħsieb sabiex is-siti msemmija jinfetħu temporanjament jew b'rotazzjoni, prinċiparjament peress li ma għandhomx l-infrastruttura meħtieġa. Barra minn hekk ħafna minnhom iżjed għandhom valur xjentifiku/kulturali milli turistiku/popolari. Dawn is-siti jibqgħu ikunu aċċessibbli b’appuntament jew għal attivitajiet speċifiċi skont il-ħtieġa.
Heritage Malta – persuni li attendew għall-esibizzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuna li attendew għall-esibizzjoni ta' Heritage Malta, bl-isem ta' Siege Maps: Keeping Memory Safe? Jista' jgħid kemm ġew ippubblikati leaflets għal din l-esibizzjoni, kemm minnhom tqassmu b'xejn u kemm għad fadal?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bejn id-29 ta’ Jannar u t-22 ta’ Mejju 2016 kien hemm 21,309 persuni li żaru l-wirja msemmija, minbarra ħafna oħrajn li żaru lilha biss bla ħlas mingħajr ma daħlu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija li madanakollu ma tinżammx statistika tagħhom. Ġew ippubblikati 1,200 leaflet għal din il-wirja, li 162 minnhom tqassmu b’xejn.
Heritage Malta – Principal Curators, Principal Conservators u Senior Executives
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jibda jingħata xi tip ta' kumpens lil dawk il-ħaddiema ta' Heritage Malta prinċipalment lill-Principal Curators, Principal Conservators u Senior Executives, peress li tant kemm huma mgħobbija bix-xogħol u proġetti, qed ikollhom ikomplu jaħdmu b'mod regolari wara l-ħin stipulat kif ukoll fil-weekends?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-gradi msemmija diġa ngħataw allowances speċifiċi kif ukoll performance bonus fl-aħħar tas-sena sabiex ikopri dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il librerija għandha Heritage Malta? Jista' jgħid fejn qegħdin dawn il-libreriji, kemm-il persuna għamlu użu minn dan is-servizz minn Marzu 2013 s’issa, u xi pjanijiet għandha Heritage Malta abbinati għal dawn ir-riżorsi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li wieħed jista’ jgħid li Heritage Malta għandha seba’ ‘libreriji’, li jinsabu fil-Mużew Marittimu, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, fil-Muzew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, fil-Palazz tal-Inkwiżitur, fl-Uffiċċji Ċentrali f’Bighi, u fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali. Dawn jaqdu l-funzjoni ta’ riferenza interna u huma aċċessibbli wkoll għall-istudjuzi u studenti b’appuntament. Ma tinżammx statistika ta’ kemm jintużaw dawn il-libreriji. Wieħed jittama li fil-futur ikunu organizzati aħjar sabiex ikunu jistgħu joffru servizz aktar strutturat.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16857, jista' l-Ministru jgħid għaliex, ladarba m’hemm l-ebda diffikultà marbuta ma’ din il-materja, x’inhi r-raġuni li Heritage Malta ma għandhiex l-Equality Mark mogħti mill-NCPE?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta qed tara x’inhu meħtieġ sabiex tapplika għal din il-marka mal-ewwel opportunita'.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta’ konsulenti li hemm fil-Qasam tas-Saħħa f Malta? Kemm minnhom huma nisa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm 246 Konsulent li joffru is-servizzi taghhom gewwa d-Dipartimenti tas-sahha f’Malta. Fost dawn hemm 61 konsulenti nisa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta’ konsulenti fil-Qasam tas-Saħħa f’Għawdex? Kemm minnhom huma nisa? Kemm hemm fuq Contract A?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm 17 –il Konsulent li joffru is-servizzi taghhom gewwa l-Isptar Generali ta’ Ghawdex. Fost dawn hemm 5 konsulenti nisa. Fuq Contract A hemm total ta’ 8 konsulenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-benefiċċju tal-In Work Benefit li kien tħabbar fil-budget u li kellu jitħallas f’April meta se jirċevuh in-nies, għalfejn kien hemm dan id-dewmien? Kemm hemm nies li qed jistennew dan il-benefiċċju u kemm huwa l-ammont li jrid jitħallas?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Bieb il-Belt – Terminus tat-trasport pubbliku – kiri ta’ gabbani/outlets/bankarelli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni preżenti dwar kirjiet/titolu tal-gabbani/outlets/bankarelli kollha li joperaw fiż-żona ta’ fejn hemm it-terminus tat-Trasport Pubbliku f’Bieb il-Belt, u jagħti l-informazzjoni għal kull kirja/titolu individwali?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Bieb il-Belt – Terminus tat-trasport pubbliku – pjanijiet tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għaż-żona ta’ fejn hemm it-terminus tat-Trasport Pubbliku f’Bieb il-Belt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li bħalissa il-Grand Harbour Regeneration Corporation għaddejja bil-laqgħat mal-istakeholders biex tiffinalizza l-pjanti u l-applikazzjoni għal permess tal-Pjazza ta’ Tritoni bil-ħsieb li parti kbira tkun żona pedonali, isir pavimentar ġdid, tiġi organizzata lokazzjoni ta’ taxis u karozzini flimkien mal-kiosks u jinżergħu numru ta’ siġar.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għaż-żona tal-Yellow Garage fil-Belt Valletta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li bħalissa il-Grand Harbour Regeneration Corporation għaddejja bil-laqgħat mal-istakeholders biex tiffinalizza l-pjanti u l-applikazzjoni għall-permess għaż-żona tal-Yellow Garage bil-ħsieb li jsir ġnien b’ taħlita ta’ siġar u pjanti, inkluż pavimentar, bankijiet.Ser tibqa’ triq biex minnha jgħaddu biss dawk il-karozzi li jipparkjaw in-naħa ta’ St James Parking.
Bieb il-Belt – operatur tal-istabbiliment – kundizzjonijiet u titolu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’titolu u x’kundizzjonijiet għandu l-operatur tal-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li hemm biswit l-entratura tal-ground tal-football fiż-żona ta’ fejn hemm it-terminus tat-Trasport Pubbliku f’Bieb il-Belt?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Bieb il-Belt – Terminus tat-Trasport Pubbliku — Public Convenience
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ħinijiet li fihom ikunu miftuħin il-public convenience li hemm fiż-żona ta’ fejn hemm it-terminus tat-Trasport Pubbliku f’Bieb il-Belt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-ħinijiet uffiċjali tal-latrina pubblika imsemmija huma bejn 7.00am sal-20.00pm.
Bieb il-Belt – Terminus tat-Trasport Pubbliku – public convenience — superviżjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ superviżjoni ssir fil-public convenience li hemm fiż-żona ta’ fejn hemm it-terminus tat-Trasport Pubbliku f’Bieb il-Belt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li jsiru 3 spezzjonijiet kuljum fil-latrina pubblika imsemmija.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw xogħol, kemm b’direct order jew wara sejħa pubblika l-Avukat u/jew id-Ditta tal-Avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament sew jekk b’konsulenza jew xogħol ieħor għas-snin 2003–2013?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw xogħol, kemm b’direct order jew wara sejħa pubblika l-Avukat u/jew id-Ditta tal-Avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament sew jekk b’konsulenza jew xogħol ieħor għas-snin 2003–2013?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23569