Legislature:
Category:
Reset
Active:

Konsum ta’ fliexken ta’ inbid

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22639, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien il-konsum ta' inbid kemm lokali kif ukoll dak impurtat, f’numru ta’ fliexken, fil-gżejjer Maltin u Għawdxin, sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin bl-ammont ta' inbid lokali separatament minn dak impurtat?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

VET Emergency Services — spejjeż

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22648, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispejjeż kollha relatati mas-servizzi ta' emerġenza mogħtija mill-veterinarji tal-gvern, sena b’sena mill-2011 sa 2015?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż relatati mal-emerġenzi li kienu mħallsa mill-MSDEC huma €13,350 mill-1 ta’ Marzu 2013 sa l-aħħar tal-2013, €18,400 għas-sena 2014 u €17,950 għas-sena 2015. Huwa pertinenti li wieħed jinnota li dawn l-ispejjeż bdew jitħallsu mill-1 ta’ Marzu 2013 meta ġie iffirmat il-ftehim il-ġdid tal-klassi veterinarja.

Ħal Safi – Triq il-Kuċċard — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22617, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li biex jinbidel disinn ta' triq ħalla lir-residenti għal tliet snin sħaħ ibatu minn inkonvenjent ta' trab kif ukoll periklu ieħor li jġib miegħu xogħol ta' toroq li jieqaf f’nofs leħja għal diversi snin? Jista’ jgħid meta se jitkomplew u konsegwentament jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, peress li r-residenti ta' din it-triq ilhom ibatu inkonvenjenti kbar għal diversi snin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ twessiegħ, instabu fdalijiet arkeoloġiċi. Dawn il-fdalijiet kellhom jiġu assessjati mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali sabiex tiġi stabbilita l-importanza tagħhom. Instab li dawn il-fdalijiet kellhom bżonn jiġu ippreservati (u jissaqqfu) b’riżultat li kienu se jinħolqu problemi ta’ livelli jekk id-disinn tat-triq jibqa’ l-istess. Għaldaqstant fil-proposta kellu jinbidel l-alinjament tat-triq sabiex dan is-sit jiġi evitat mill-passaġġ tal-vetturi. Marbuta ma’ din is-sejba u minħabba l-bżonn ta’ protezzjoni tal-istess fdalijiet, Transport Malta bħalissa għaddejja b’proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali rispettiv u eventwalment mal-pubbliku. Tajjeb li ngħidu wkoll li kif issemma’ fil-budget, il-Gvern huwa mpenjat ukoll li jwessa’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq li tmiss mal-imsemmija triq. Fil-fatt bħalissa qed isiru l-preparamenti neċessarji sabiex isir pjan komprensiv wieħed għaż-żewg toroq. Din is-sena għandhom jiġu finalizzati dawn il-proċessi, inkluż l-applikazzjoni tal-MEPA, u jitkompla x-xogħol sabiex jitlesta s-sena d-dieħla.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22623, jista’ l-Ministru jgħid x'informazzjoni addizzjonali għandu bżonn biex iwieġeb il-mistoqsija parlamentari li għamiltlu, u ċjoè biex jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu fejn jikkonċerna trasport u infrastruttura sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Eko-Turiżmu ġewwa pajjiżna minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kif ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, permezz ta’ Transport Malta u l-Malta National Electromobility Platform, ġew implimentati diversi miżuri li mhux biss jikkumplimentaw l-iżvilupp tal-Eko-Turiżmu b’mod speċifiku, iżda jippromwovu mezzi alternattivi ta’ trasport ntiżi li jissalvagwardjaw l-ambjent, fuq skala nazzjonali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22064.

Awtorità tal-Mediċina – mediċini rtirati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, minn Marzu 2013 sa Mejju 2016, kemm kien hemm mediċini li ġew irtirati wara intervent u investigazzjoni min-naħa tal-Awtorità tal-Mediċina?

Response (DALLI, HELENA)

In-numru ta’ mediċini li ġew irtirati minn Marzu 2013 sa Mejju 2016 skont dak li nsejħulu batch recall huwa ta’ tlieta u erbgħin (43).

Awtorità tal-Mediċina – fuljetti informattivi tal-mediċina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, minn Marzu 2013 sa Mejju 2016, kemm kien hemm mediċini li ġew investigati min-naħa tal-Awtorità tal-Mediċina minħabba li l-lingwa fil-fuljett informattiv ma kienx bl-Ingliż u/jew bil-Malti kif titlob il-liġi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li minn Marzu 2013 sa Mejju 2016 l-Awtorita` dwar il-Medicini investigat sitt medicini fejn l-informazzjoni fuq il-pakkett ma kinitx bl-Ingliż u/jew bil-Malti. Dawn il-mediċini ġew awtorizzati fis-suq Malti skont Artiklu 5 tad-Direttiva 2001/83/KEE fl-ahjar interess tal-pazjent.

Tfal li jbatu bl-epilessija, dijabete u ADHD – nurses – amministrazzjoni ta' mediċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li għandhom nurse jew professjonisti mediċi oħra permanenti biex jamministraw mediċini lit-tfal b’kundizzjonijiet ta’ saħħa bħala epilessija, dijabete, ADHD, eċċ.?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel mainstream tal-Istat is–servizzi tal-infermiera huma pprovduti mill-kuntrattur. Is-servizz jingħata fl-iskejjel tal-Istat f’Malta u Għawdex mil-livell tal-kindergarten sal-Form 5 u għall-ewwel darba ser jingħata wkoll waqt Skola Sajf. Dan is-servizz jipprovdi infermiera għal dawn l-interventi: · l-infermiera tamministra l-mediċina li tingħata fil-ħalq ( oral medication ) li huma pilloli, pilloli forma ta’ kapsula jew mediċina oħra forma ta’ likwidu. · għat–tfal li huma dijabetiċi, l-infermiera tieħu l-livell taz-zokkor fid-demm u, jekk ikun hemm bżonn, tagħti l-insulina. Interventi oħra li jingħataw minn infermiera jinkludu Ryle’s tube feeding, Peg (Percutaneous endoscopic gastrostomy) tube feeding, tibdil tal-borża ta’ colostomy jew ileostomy, kif ukoll tgħaddi catheters (urethral and suprapubic catherisation). Il-kuntrattur jipprovdi l-infermiera għal kull skola fil-ħin li tifel jew tifla jmisshom jieħdu l-mediċina skont id-direzzjoni tat-tabib tal-familja. Infurmat ukoll li hemm infermiera waħda full-time tad-Direttorat li hija impjegata f’wieħed mir- Resource Centres. Fiċ-Ċentri ta’ Riżorsa l-oħra, is-servizz jingħata mill-kuntrattur għall-ħin kollu tal-iskola.

Visas lill-barranin għal raġunijiet mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25570, 25171, 24740, 24006, 20542 u 20222 u jgħid sena b’sena kemm ingħataw visas mal-wasla fl-ajruport (border visas) lill-barranin għal raġunijiet mediċi minn Marzu 2013 sal-lum? Lil liema nazzjonalità ngħataw? Jista’ jispeċifika n-numru ta’ visas skont in-nazzjonalità?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #25807 Sitting 402 2016-06-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – ftehim mal-Università ta’ Harvard

Question

Fid-dawl tal-iżviluppi mħabbra lill-media nhar is-Sibt 28 ta' Mejju 2016, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim li sar mal-Università ta' Harvard hux biex jagħti pariri lill-management tal-Isptar t'Għawdex jew biex imexxi l-istess sptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Partners Healthcare International (PHI) li jmexxu mal-4000 sodda fi sptarijiet fl-Istati Uniti fosthom Massachusetts General Hospital, Brigham and Women's Hospital u Spalding Hospital - li huma t-teaching hospitals ta' Harvard Medical School - qeghdin jaghtu appogg lit-tmexxija tal-progetti tal-isptar il-gdid ta' Ghawdex, St. Luke's u l-isptar Karen Grech fuq aspetti manigerjali, klinici u ta' tahrig.
Leg 12 PQ #25808 Sitting 402 2016-06-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – ftehim mal-Università ta’ Harvard

Question

Fid-dawl tal-iżviluppi mħabbra lill-media nhar is-Sibt 28 ta' Mejju 2016, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim mal-Universita' ta' Harvard hux simili għal dak li kien sar bejn il-Gvern Malti u l-Johns Hopkins University?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba tal-mistoqsija 25807.

Bordijiet, Awtoritajiet u Kummissjonijiet tal-Gvern – persuni Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn huma dawk il-persuni minn Għawdex li ġew nominati fuq Bordijiet, Awtoritajiet jew Kummissjonijiet tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mill-bidu ta' din il-leġiżlatura sal-lum? Jista' jgħid f'liema Bord ġew maħtura, meta ġew maħtura u l-pożizzjoni li jokkupaw?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #25833 Sitting 402 2016-06-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Is-Sannat – Triq Ta’ Ċenċ — tarmak

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li meta ngħata t-tarmak f’Triq Ta' Ċenċ fis-Sannat Għawdex, ingħata biss dak li jissejjaħ il-base course, u ma ngħatax il-wearing course? Jekk inhu hekk, jista' jagħti raġuni għalfejn sar dan? Dan il-proċess kien approvat minn Transport Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat illi ntuża base wearing mix u mhux base course bħala kisi bit-tarmak u dan huwa konformi ma' l-istandards ta’ Transport Malta.

Ix-Xewkija – Żona Industrijali – Child Care Centre — saħħa tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu indagax dwar studji li setgħu saru jew jekk sarux studji biex jiġi assigurat li s-saħħa tat-tfal li qed jattendu ċ-Child Care Centre fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija hija mħarsa u dan peress li mad-dawra tal-istess Child Care Centre hemm numru ta’ garages li kontinwament jużaw l-ispray? Jista’ jikkonferma li f’dawn il-ġranet huwa żar dan iċ-Child Care Centre peress li bħala Żona Industrijali taqa' taħt ir-responsabilità tal-Malta Enterprise jew tal-Ministeru tiegħu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li c-childcare centre ta’ Għawdex qed jopera bil-permessi kollha meħtieġa, u li saru l-istudji neċessarji sabiex inħarġu dawn il-permessi.
Leg 12 PQ #25835 Sitting 402 2016-06-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Esproprjazzjoni ta’ art

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25235, 23780 u 23402 u jgħid kemm-il esproprjazzjoni ta' art jew bini saret f'Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ x' kien l-iskop tal-esproprjazzjoni u f'kull każ kemm kien il-prezz li bih ġiet stmata l-istess art? Jista’ jgħid f'kemm minn dawn il-każijiet il-prezz mogħti mill-Kummissarju tal-Artijiet lis-sidien ġie aċċettat minn dawn tal-aħħar u f'kemm il-każ dan il-prezz ma ġiex aċċettat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant ghat-twegiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 23402.
Leg 12 PQ #25836 Sitting 402 2016-06-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – xogħol ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex xogħol ta' kostruzzjoni fil-grounds tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Dan ix-xogħol li beda, huwa kopert b' permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja ta' dawn il-permessi fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x'passi ttieħdu biex dan ix-xogħol ma jkunx ta' inkonvenjent għall-pazjenti u dan peress li qed isir fil-qrib ħafna ta' swali fejn hemm il-pazjenti? Jista' jgħid jekk iċ-Child Development Centre li hemm fil-grounds tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u li nbena bil-fondi tal-Eco Għawdex hux se jiġi nkorporat fil-bini l-ġdid jew inkella hux se jkollu jitwaqqa'?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntrattur inkarigat mix-xoghlijiet u t-tmexxija tal-Isptar Generali ta’ Ghawdex huma f’kommunikazzjoni kontinwa sabiex jekk ikun hemm inkonvenjent ghall-pazjenti, jigi ndirizzat minnufih. Din hi il-prattika li tigi adottata f’progetti ta’ kostruzzjoni f’ambjent ta’ sptar, fejn il-benesseri tal-pazjent u l-kontinwita’ tal-operat tal-isptar huma ta’ importanza primarja. Dwar il-bini li qed jirreferi ghalih fil-grounds tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, ninformah li dan se jiġi utillizzat biex jakkomoda certu dipartimenti li qeghdin f’binja ohra li se titwaqqa’ sabiex ikun jista’ jinbena l-Isptar il-gdid.
Leg 12 PQ #25837 Sitting 402 2016-06-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel f’Għawdex — Cleaners u watchmen

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandhom cleaners kif ukoll kemm għandhom watchmen kull skola tal-Gvern f'Għawdex, kemm dawk primarji, sekondarji u anke s-Sixth Form?Jista' jgħid liema skejjel huma servuti bi cleaners tal-kuntrattur u kemm jitħallas il-kuntrattur f'kull skola għal dan is-servizz fix-xahar? Kif intgħażel il-kuntrattur f'kull skola? Jista' jgħid dawk l-iskejjel li m’għandhomx watchmen kif qed jiġu mħarsa fil-ħin ta' wara x-xogħol u fil-vaganzi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif dwar n-numru ta’ nies inkarigati mit-tindif u watchmen f’kull skola tal-Gvern f’Għawdex, u l-iskejjel li huma servuti bi cleaners tal-kuntrattur huwa kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Kuntrattur tat-tindif intgħażel, b’riżultat ta’ proċess, wara li ħareġ tender għal dan il-għan. L-iskejjel li m’għandhomx watchmen huma kollha mgħammra bis-sistemi ta’ CCTV u Intruder Alarm.

Korp tal-Pulizija – uffiċjali li rtiraw jew irriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm membri u uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Mejju 2016 irtiraw jew irriżenjaw mill-Korp? Jista’ jindika kemm hija l-forza attwali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mill-1 ta’ Marzu 2013 sal-31 ta’ Mejju 2016, spiċċaw 331 membru milli jservu fil-Korp. Attwalment, hemm 2,069 il-membru jservu fil-Korp tal-Pulizija.
Leg 12 PQ #25884 Sitting 402 2016-06-14 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Wied il-Għajn – permess ta’ żvilupp ta’ sit

Question

Jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra f’liema pożizzjoni wasal il-permess li ġie sottomess oriġinarjament mal-MEPA sabiex jiġi żviluppat mill-ġdid is-sit tal-ex Jerma Palace Hotel, f’Wied il-Għajn?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Wied il-Għajn – ġbir ta’ xaħam li joħroġ mill-fish farms

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk saritx u jekk fin-negattiv jara jekk huwiex possibbli li ssir evalwazzjoni u investigazzjoni ta’ ġbir ta’ dak li qiegħed jissejjaħ mir-residenti ta’ Wied il-Ghajn bħala “xaħam“ li qiegħed jiġi allegat li joħroġ mill-fish farms u li għal numru ta’ drabi qed jinġabar mal-mollijiet tal-istess post?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minbarra prattiċi ġodda ta’ kif titma l-ħut, sabiex jitnaqqas il-ħruġ ta’ żejt mill-ikel tal-ħut fl-ibħra tal-madwar, iż-żewġ operaturi fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn, minn dan l-istaġun, se jibdew jużaw tagħmir sabiex iż-żejt li joħroġ fl-ilma ta’ madwar il-gaġġeġ, jinġabar. Dan l-iskart jiġi pproċessat skont ir-regolamenti viġenti. Barra minn hekk il-Ministeru m’għandux provi konkreti li dan l’ hekk imsejjaħ xaħam huwa verament ġej mill-gaġġeg tal-ħut u jista’ jkun possibli wkoll li jiġi minn proċessi naturali.

Home Help — lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li fil-preżent qed igawdu mis-servizz tal-home help u kemm hemm persuni li għandhom applikazzjoni pendenti għal dan l-istess servizz f’kull lokalità, lokalità b’lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ residenzi li qegħdin igawdu mis-servizz tal-Home Help huwa ta’ 2673. Ma hemmx każijiet li għaddew mill-proċess kollu u huma pendenti.