Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Vinċenz – ħlas mill-pensjoni għall-akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament rigward ħlas mill-pensjoni għall-akkomodazzjoni f'San Vinċenz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-kontribuzzjoni li l-persuna msemmija qiegħda tħallas hija korretta u minħabba li hija residenti f’San Vinċenz de Paul tħallas 80% skont d-dħul tagħha minn kull pensjoni li tirċievi, skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318 u LS 318.13).
Leg 12 PQ #26158 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel tal-Gvern — LSAs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba, matul din is-sena skolastika, tfal minn skejjel tal-Gvern, li jkollhom statemented LSA one-to-one intbagħtu lura d-dar minħabba nuqqas ta' LSA? Jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni b’mod globali kif ukoll għal kull skola u kull kulleġġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport tat-tfal tal-iskola

Question

Peress li kien hemm numru mhux ħażin ta’ ġenituri li lmentaw dwar iż-żieda qawwija fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta Għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) stħarrġitx kemm hemm familji li se jkunu milquta minn dawn iż-żidiet? Jekk iva, tista’ tgħid kemm hemm familji involuti? Tista’ wkoll tgħid jekk il-ġenituri ġewx infurmati dwar ix-xogħol li qiegħda tagħmel l-MCCAA biex tindirizza din il-kwistjoni? Jekk iva, kif ġew infurmati u kemm-il laqgħat ġew organizzati mal-ġenituri konċernati? Jekk fin-negattiv, tista’ tispjega għaliex dan ma sarx? Tista’ tgħid jekk l-investigazzjoni li qed tagħmel l-MCCAA, ġietx konkluża u jekk le taħsibx li din il-kwistjoni għandha tkun mogħtija prijorità ħalli l-ġenituri jkunu jafu jekk għandhomx iħallsu t-tariffi l-ġodda jew le qabel ma tibda s-sena skolastika li ġejja? Jekk din l-investigazzjoni ġiet konkluża tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjoni tal-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għadu għaddej bl-investigazzjoni dwar iż-żieda fit-tariffi tat-transport tat-tfal tal-iskola. F'dan l-istadju l-Uffiċċju għalkemm ħa in konsiderazzjoni dak li kellhom xi jgħidu l-ġenituri fl-ilment tagħhom, ħass li kellu jikkuntatja direttement lill-parti investigata u lill-iskejjel. Madakollu, l-Uffiċċju ma jeskludix li jista' jiltaqa’ ma’ xi ġenituri jekk in-neċessita’ tirrikjedi. L-Uffiċċju m'għandux in-numru ta’ familji li jistgħu jiġu milquta mis-sena skolastika li jmiss.

MCCAA – Investigazzjoni fuq żieda ta’safe deposit boxes

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġietx konkluża l-investigazzjoni li kellha tagħmel l-MCCAA wara li f’Settembru tas-sena l-oħra bank li ismu qed jingħata separatament kien żied it-tariffi tas-safe deposit boxes? Tista’ tgħid kemm-il laqgħa saret mill-MCCAA ma’ dawk il-konsumaturi li ġew milquta b’dawn iż-żidiet u meta kien dan? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta’ din l-investigazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Permezz tal-intervent tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA, t-termini u l-kundizzjonijiet relattivi għas-servizz ta’ safe deposit boxes, ġew minnufih riveduti mill-bank konċernat, u bħala riżultat ta’ dan ġiet żgurata l-konformità mal-liġijiet applikabbli fl-aħjar interess u għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

PBS — trasmissjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa lill-PBS it-trasmissjoni fuq TVM2 tal-Isports Forum li ġie organizzat minn Sport Malta bejn it-22 u t-23 ta’ April 2016? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ mistiedna li ġew intervistati waqt il-programm speċjali li sar fuq l-istess stazzjoni matul din l-istess trasmissjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjez marbuta ma’ dan l-avveniment kienu koperti permezz ta’ ftehim kummerċjali bejn il-PBS u Sport Malta. In-nies li ġew intervistati fl-istudio jew inkella ġie imxandar b’mod dirett l-intervent tiegħu/tagħha matul il-jumejn tal-Forum Nazzjonali huma: Onor. Luciano Busuttil, Ċermen, SportMalta Onor. Chris Agius, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Onor. David Agius, Kelliem għall-Oppozizjoni Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv, SportMalta Julian Pace Bonello, President Kumitat Olimpiku Malti Yves Le Lostecque, Kap tad-Dipartiment, Politika tal-Isport u l-Programmi, DG EAC, Kummissjoni Ewropea Agata Dziarnowska, Uffiċjal tal-Politika tal-Isport u l-Programmi, DG EAC, Kummissjoni Ewropea Dr John M. Cachia, Kummissarju, Uffiċċju tal-Kummisarju għas-Saħħa Mentali Dr Jesmond Schembri, Maniġer Customer Care, Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali David Gatt, Kap tal-Kommunokazzjoni, Maltco Dr Karen Zammit Southernwood, Kap tat-Taqsima Regolatorja, SportMalta Dr Charmaine Gauci, Direttur, Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u prevenzjoni tal-Mard, Ministeru tas-Saħħa Joe Cassar, Head International and Events Department, MFA Dr Marcello Presilla, Integrity Executive Sports Radar Marco Mazzi, Rapprezentat ta’ Atleti Internazzjonali Alvin Grech, Kap Eżekuttiv Gozo Sports Board Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv Aġenzija Żgħażagħ Renzo Kerr-Cumbo, Senior Sports Lecturer, Istitut għas-servizzi tal-Komunita’, MCAST Marijke Fleuren, President, Federazzjoni Ewropea tal-Hockey Mr. Nicola Pietrangeli, Champion Taljan tat-Tennis, Mr. Dermot Galea, Senior Facility Manager Mr. Pierre Cassar, Kap Eżekuttiv, Awtorita’ tax-Xandir Mr. Kevin Azzopardi, Uffiċjal Eżekuttiv tal-Edukazzjoni Fiżika Mr. Mario Saliba, Segretarju Ġenerali, MESA Dr Chris Bonett, Awtur tad-Dokument ta’ Konsultazzjoni tal-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi Mr. Robert Portelli, Kap tal-Programmi, SportMalta Ms. Vlada Kravchenko, Paralympics Swimmer Mr. Alfred Effiong, National Football Team Player Ms. Josephine Grima, National Basketball Team Player Mr. Karl Izzo, National Waterpolo Coach

Birżebbuġa u l-Qajjenza – proġett tal-promenade — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-promenade ta’ Birżebbuġa u l-Qajjenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess għal dan il-proġett inħareġ min-naħa tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u bħalissa Transport Malta qiegħda għaddejja bil-preparamenti biex jinħareġ t-tender għax-xogħlijiet. Ix-xogħlijiet min-naħa ta’ Transport Malta se jinkludu l-bini tal-ħajt tal-promenade u l-kostruzzjoni tat-triq li jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ servizzi. Il-finishing se jsir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Infrastruttura (WID) u ser tinħareg tender għal dan ix-xogħol mid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-ġranet li ġejjin.

Ħal Qormi – Triq Bertu Hyzler – tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex isiru t-tiswijiet neċessarji fi Triq Bertu Hyzler f’Ħal Qormi peress li hemm parti minnha li qed iżżomm għadajjar tal-ilma bil-konsegwenza li qiegħed jinħoloq inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali se jgħaddi dan l-ilment lill-Perit tal-Kunsill sabiex jiġi evalwat, u jimxi skont ir-rakkomandazzjoni tiegħu u skont jekk il-Kunsil ikollux fondi biżżejjed għall-ispejjeż involuti biex isiru tiswijiet neċessarji fi Triq Bertu Hyzler f’Ħal Qormi.
Leg 12 PQ #26171 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Qormi – Ta’ Farsina – qtugħ ta’ dawl

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex fiż-żona Ta’ Farsina Ħal Qormi fejn hemm il-flats tal-Gvern li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, qiegħed jinqata’ d-dawl ta’ spiss?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li minn spezzjoni li saret fuq il-post imsemmi, rriżulta li l-qtugħ kien ikkaġunat minn installazzjoni interna. Għaldaqstant l-infrastruttura tal-kumpanija f’dawn l-inħawi qed tiġi ri-inforzata. Ix-xogħlijiet mistennija li jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.

Housing — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji mogħtija b'mod separat ma jaqblux mar-records li għandha l-Awtorita' tad-Djar.
Leg 12 PQ #26173 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċina – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ mediċina?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed jiġi segwit.

Pubblikazzjoni ta’ poeżiji – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward possibbilità ta’ għajnuna għall-pubblikazzjoni ta’ poeżiji?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Kunsill Malti għall-Arti joffri servizz ta’ brokerage għall-klijenti li permezz tiegħu kull min huwa interessat li jersaq lejn xi fond immexxi mill-Kunsill jew għandu xi mistoqsija dwar is-setturi kulturali u kreattivi, ikun jista’ jagħmel dan. Il-persuna li dettalji dwaru ingħataw separatament għamlet użu minn dan is-servizz nhar it-28 ta’ Marzu 2016 meta għamlet kuntatt mal-Kunsill Malti għall-Arti permezz tat-telefon u kellmet lil wieħed mill-Creative Brokers. Bħal ma jiġri f’kull każ, ingħatat spjegazzjoni ddettaljata dwar il-fondi mmexxija mill-Kunsill li jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-artist partikolari – bħal Malta Arts Fund u l-fond Komunitajiet Kreattivi. Minbarra spjegazzjoni fuq it-telefon, tingħata r-referenza tas-sit fejn wieħed jista’ jsib id-dettalji kollha marbuta mal-fondi u l-inizjattivi tal-Kunsill u tiġi offruta laqgħa li matulha tingħata aktar informazzjoni.

Kunsill Lokali tan-Nadur – kuntratti ta’ servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-kuntratti ta' servizz li kellu l-Kunsill Lokali tan-Nadur Għawdex bejn l-1 ta' April 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid jekk dawn il-kuntratti ngħatawx wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Kunsill Lokali tan-Nadur – xiri ta’ concrete

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il Kunsill Lokali tan-Nadur Għawdex kull sena fuq xiri ta' concrete bejn l-1 ta' April 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid mingħand liema kuntrattur inxtara l-concrete u dan ix-xogħol kien sar wara ħruġ ta' tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra

Kunsilli Lokali tan-Nadur – bankini u culverts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tan-Nadur Għawdex kull sena fuq bini jew tiswijiet ta' bankini u culverts bejn l-1 ta' April 1999 u u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk dan ix-xogħol ingħatax b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra

Kunsill Lokali tan-Nadur – bini jew tiswijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tan-Nadur Għawdex kull sena fuq bini jew tiswijiet ta' ħitan tas-sejjieħ bejn l-1 ta' April 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk dan ix-xogħol ingħatax b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Catamaran — klieb - vjaġġi

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux infurmat li klieb li jkunu ma' persuni li jivvjaġġaw fuq il-catamaran li jopera bejn Malta u Sqallija, l-isem tal-operatur qed jintbagħat b'mod separat, qed jitħallew fil-garaxx għax l-operatur qed jinsisti li jitħallew biss fil-garaxx fejn ikun hemm sħana kbira u hemm riskju kbir li l-klieb ibatu jew saħansitra jmutu b'heat stroke? Billi dan hu każ ta' moħqrija fuq l-annimali u billi r-riskju fuq dawn il-klieb se jkompli jiżdied fix-xhur sħan li ġejjin, jista' l-Ministru ġentilment jieħu passi li tagħtih il-liġi biex din is-sitwazzjoni tiġi solvuta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja huwa konxju ta’ din is-sitwazzjoni. Bħalissa fil-fatt qiegħda tiġi evalwata l-policy tal-operatur biex jassigura l-aħjar kundizzjonijiet ta’ Animal Welfare waqt it-traġitt bil-baħar.
Leg 12 PQ #26185 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: TONIO FENECH To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Żjara fir-Russja — delegazzjoni

Question

Peress li politico.eu rraportat li skont dokument li ġie leaked mill- European External Action Service's Moscow office , li ppreżenta lista ta' viżti uffiċjali li żaru r-Russja minn Stati Membri u pajjiżi fil-G7: http://www.politico.eu/article/commission-eu-leaders-russia-jean-claude-junker-comeback-relations-sanctions/ u peress li jidher li fil-każ ta' Malta tissemma’ żjara u nikkwota “ Visit of the Political Director of Malta on 6 April 2016 to Russia”, jista’ l-Ministru jgħid min kien dan l-individwu u x'kienet l-iskop tal-laqgħa, kienx waħdu jew kienx jagħmel parti minn delegazzjoni u ma’ min iltaqgħu?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żjara msemmija saret mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Politiċi, l-Unjoni Ewropea u l-Maltin ta' Barra, is-Sra. Helga Mizzi fis-6 ta' April 2016 u l-laqgħat seħħew kollha f'Moska. L-Ambaxxatur ta' Malta għar-Russja, l-E.T. Dr. Carmel Brincat u membri oħra tal-Ambaxxata Maltija f'Moska ffurmaw parti mid-delegazzjoni. Waqt din iż-żjara, li saret fuq stedina tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu, d-Direttur Ġenerali kellha laqgħat ma': Alexey Meshkov, Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Alexei Paramonov, Direttur tad-Dipartiment għall-Affarijiet Ewropej Maxim Maksimov, Kap tas-Sezzjoni tal-Afrika ta' Fuq u Lvant Nofsani Membri oħra tad-Dipartmenti hawn fuq imsemmija kienu ukoll preżenti għat-taħdidiet. L-għanijiet tad-diskussjonijiet bejn id-delegazzjonijiet kienu li jsiru konsultazzjonijiet politiċi dwar żviluppi fir-reġjuni tal-Mediterran u l-Lvant tal-Ewropa. Il-kriżijiet fil-Libja, s-Sirja, l-Ukrajna ġew diskussi f'ċertu dettall, flimkien ma' sfidi oħra bħal ma hija l-immigrazzjoni irregolari u kif il-Mediterran qiegħed jintlaqat minn dan il-fenomenu. Ir-relazzjonijiet bilaterali ġew ukoll diskussi b'firxa wiesgħa ta' oqsma li jvarjaw mill-adozzjonijiet, numru ta' ftehim li għadhom qed jiġu negozjati, il-kummerċ u l-kooperazzjoni fis-setturi edukattivi, kulturali u turistiċi. Ir-rwol li ser taqdi Malta bħala President tal-Kunsill għall-Unjoni Ewropea kien ukoll parti mit-taħdidiet. Issemmiet ukoll il-possibilita' ta' żjara fir-Russja mill-Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, iktar tard din is-sena.
Leg 12 PQ #26186 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali t’Għawdex u Sptar Karin Grech – laqgħat mal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-laqgħat mal-ħaddiema tal-Isptar t’Għawdex u tal-Isptar Karin Grech li saru nhar l-14 u l-15 ta’ Ġunju 2016, għalfejn għażel li jibgħat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jirrappreżentah, meta lill-ħaddiema qed jgħidilhom li se jibqgħu ħaddiema tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija minnha mhijiex rapprezentanta tal-Ministeru.
Leg 12 PQ #26187 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Standards tan-nursing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min huma stabbiliti l-istandards tan-nursing f’pajjiżna? Huwa konxju li skont l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, dawn l-istandards huma stabbiliti mill-MUMN?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma tat l-ebda dettalji separatament. Madanakollu ninfurmha illi sabiex infermiera jahdmu f'pajjizna iridu jkunu registrati mall-Kunsill tal-Infermiera u Qwiebel.
Leg 12 PQ #26188 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar San Luqa

Question

Fid-dawl tal-artiklu li ħareġ fil-gazzetta t-Torċa ta’ nhar il-Ħadd 12 ta’ Ġunju ntitolat “L-Isptar San Luqa se jerġa’ jingħata l-ħajja”, jista’ l-Ministru jgħid: - mis-somma mħabbra ta’ 200 miljun ewro, kemm se tkun in-nefqa fuq l-Isptar San Luqa; - x’se tkun l-ispeċjalizzazzjoni medika li se tiġi offruta lil120 sodda ta’ turiżmu mediku u - in- Nursing School ġdida se tkun f’idejn l-Università ta’ Malta jew xi skola barranija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-investiment totali fl-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jkun ta’ €220 miljun. Din is-somma se tkun investita fl-isptarijiet tagħna minn Vitals Global Healthcare. Il-€220 miljun investiti huma maqsuma: €40 miljun f'apparat u €180 miljun fil-binjiet infushom. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ turiżmu mediku se jkun hemm diversi speċjalizzazzjonijiet fosthom l-ortropedija, kardjoloġija, onkoloġija speċjalizzata u trauma. Fil-preżent hemm diskussjonijiet għaddejja bejn l-MCAST u universita’ barranija rigward ftuh ta’ nursing school gdida biex tikkumplimenta dik tal-Universita ta’ Malta.