Operaturi li għandhom Trade License fil-qasam tar-retail
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn operaturi li għandhom Trade License f’Malta, li huma liċenzjati li joperaw fil-qasam tar-retail u jaqsam l-informazzjoni skont il-lokalità li joperaw fiha?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ skemi li implimenta dan il-Gvern mill-2013 ‘il hawn bil-għan li jsaħħaħ il-qasam tar-retail f’pajjiżna?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni Malta Enterprise tamministra erbgħa skemi ta’ assistenza bil-għan li jsaħħu l-qasam tar-retail f’pajjiżna hum dawn :
Micro Invest.
Din l-iskema ġiet riveduta sabiex toffri firxa akbar ta’ għajnuna
Micro Guarantee Scheme
. Din l-iskema ġiet riveduta wara proċess ta’ konsultazzjoni ma banek lokali li joffru self.
Aid for the Development of Workshops and Associate Retail Outlets at the Ta’ Qali and Ta’ Dbieġi Crafts Village
.
Din l-iskema giet imnehdija fis-sena 2015
Business Advisory Scheme
. Din l-iskema hija kontinwazzjoni ta’ skema li il-Korporazzjoni nehdiet fis-sena 2011.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25770, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull ftehim li kien finanzjat mill-Vot 33 u ftehim oħrajn relatati peress illi dawn għadhom ma tpoġġewx fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25770. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija voluminuża ħafna u għaldaqstant jekk hemm xi aġenzija partikolari li trid l-informazzjoni dwarha, nitlobha sabiex tispeċifika liema hi.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25769, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull ftehim li kien finanzjat mill-Vot 39 rikurrenti u ftehim oħrajn relatati peress illi dawn għadhom ma tpoġġewx fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25769. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija voluminuża ħafna u għaldaqstant jekk hemm xi aġenzija partikolari li trid l-informazzjoni dwarha, nitlobha sabiex tispeċifika liema hi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kuntratturi kollha li ħadmu fuq ir-refurbishment kollha li sar sa issa fir-Residenza San Vinċenz de Paule fis-sena 2013, 2014, 2015 u 2016 (sa issa)? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u kemm tħallas kull kuntrattur għal kull servizz tiegħu? Jista' jgħid ukoll liema minnhom ingħataw b'direct order?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi, l-informazzjoni mitluba minnu dwar x-xogħol li sar f’San Vinċenz de Paule fis-sena 2013, 2014, 2015 u 2016 sa issa, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
JIsta' l-Ministru jagħti tagħrif dwar pjanijiet ta' titjib li hemm rigward spazji ta' rikreazzjoni għat-tfal fl-iskejjel tal-Kottonera?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li l-ispazji ta’ rikreazzjoni għat-tfal fl-iskejjel tal-Kottonera diġà ġew imtejba bix-xogħol li sar fihom.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ma għandha l-ebda xogħol kif ukoll l-ebda talba rigward titjib ta' spazji ta' rekreazzjoni għat-tfal fl-iskejjel tal-Kottonera.
Fir-rigward ta' kummenti li qed jerġgħu jidhru fuq il-midja soċjali b'referenza għall-problemi rigward id-diffikulta li qed ikollhom bil-lingwi t-tfal li jsofru b'dyslexia u minkejja l-kapaċitajiet differenti, dawn it-tfal qed jeħlu milli jipproċedu bl-istudji minħabba li ħafna minn dawn ikunu jistgħu jistudjaw lingwa waħda biss u oħrajn li jkollhom bżonn konċessjoni fl-eżami jew fil-metodu ta' kif wieħed jikkoreġi, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'qed isir biex din it-sitwazzjoni titjieb?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kandidati li japplikaw għall-eżamijiet tal-MATSEC u li għandhom dyslexia jistgħu jingħataw dawn l-arranġamenti għall-aċċess li ġejjin skont il-gravità tal-kundizzjoni tagħhom.
Livell Ċes
1. 25% Ħin addizzjonali
2. 25% Ħin addizzjonali + Qarrej f'każijiet ta’ dyslexia severa (f'suġġetti li mhumiex lingwi)
3. Waqfiet ta' mistrieħ issorveljati li jistgħu jintużaw bħala ħin addizzjonali sa massimu ta’ 25% + kamra mingħajr storbju eċċessiv fil-każ ta' kandidati bid-dyslexia u ADD/ADHD.
Livell tal-Matrikola (Intermedju u Avvanzat)
1. 15% Ħin addizzjonali iżda mingħajr l-użu ta’ qarrej jew
prompter
Il-kandidat ma’ jkunx penalizzat/a fl-ortografija fis-suġġetti kollha minbarra fil-lingwi kif indikat fil-linji gwida miktubin hawn taħt:
"F’każ ta’ suġġetti mhux lingwistiċi, kandidati li jieħdu żbalji fil-kitba m’għandhomx jkunu penalizzati sakemm it-terminu miktub jkun rikonoxxibbli. Madanakollu, il-kandidat għandu jagħti ftit aktar attenzjoni f’terminoloġija li tinkiteb kważi bl-istess mod bħal ethene u ethyne (fil-Kimika) u reflection u refraction (fil-Fiżika) peress li fi żbalji bħal dawn ser jiġi penalizzat."
Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – Protokoll 12 — ratifikazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25913 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti d-data meta Malta rratifikat il-Protokoll 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (dwar protezzjoni minn diskriminazzjoni) u meta se jiġi emendat il-European Convention Act biex jipprovdi għalih?
Response (VELLA, GEORGE)
Malta ffirmat it-Tnax il-Protokoll għall-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali nhar it-tmienja ta' Diċembru, 2015, u dakinhar stess irratifikatu, sabiex sussegwentement il-Protokoll ġie fis-seħħ u nfurzabbli f'Malta nhar l-ewwel t'April tas-sena 2016.
Preżentement għaddejjin diskussjonijiet interni sabiex jiġi determinat eżattament jekk hux neċessarju li jsiru xi emendi. Waħda mill-possibilitajiet li qed jiġu kkunsidrati hija li ssir emenda tal-European Convention Act.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha kundizzjoni li ma tistax tkompli tgħix id-dar minħabba t-taraġ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minn verifika li għamlet l-Awtorita’ tad-Djar, il-persuna li ddettalji tagħha qed jintbgħatu separatament ma għandiex applikazzjoni pendenti sabiex tingħata xi forma ta’għajnuna minn naħa tal-Awtorita’ tad-Djar, kif imsemmi.
Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li marida bil-kanċer u tgħix waħedha u qed titlob li jkollha assistenza billi tidħol f’home?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ tal-persuna msemmija qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet li waslu għand l-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-Avviż Legali fuq kwestjoni ta’ sanità?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Malta – EU Information Centre – lista ta’ kumpaniji u individwi
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' kumpaniji u individwi, lokali jew barranin, li l-Malta - EU Information Centre għamel użu minnhom matul is-snin kollha li dam jopera? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li taw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Tista' tgħid jekk kull servizz mogħti ngħatax b’direct order jew le?
Response (DALLI, HELENA)
Ninform lill-Onor, Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tingabar.
San Ġwann – Triq Ugo Carbonaro – problema tad-drenaġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24688 u 25961, li oriġinarjament kienu saru lill-Prim Ministru u li issa ġew riferuti lilu, jista' l-Ministru jinforma x'riżultat ħareġ mill-investigazzjoni li kellha ssir mid-Dipartiment tas-Sanità dwar problema tad-drenaġġ li hemm fi Triq Ugo Carbonaro, San Ġwann?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li uffiċjali mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ghamlu 93 spezzjoni, 43 test bil-kulur u diversi testijiet oħra bl-użu ta’ CCTV camera iżda sfortunatament sa issa dawn kollha rriżultaw inkonklussivi. Madankollu l-uffiċjali inkarigati minn din iż-żona ser ikomplu għaddejjin bit-testijiet sabiex din il-problema tiġi solvuta kemm jista` jkun malajr.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25962, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-problema ta' leak tad-drenaġġ fi Triq il-Mimosa, San Ġwann, tissolva b'mod permanenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-investigazzjoni li saret minn uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali rriżulta li dan l-iżbroff ġej minn blokk t’appartamenti li jinsabu fil-viċinanzi u li s-sid huwa l-Awtorita` tad-Djar. Peress li dan l-iżbroff huwa rikorrenti qed isiru laqghat bejn l-uffiċcjali għas-Saħħa Ambjentali u uffiċċjali mill-Awtorita` tad-Djar sabiex tinstab soluzzjoni u dan l-ilment jissolva mill-aktar fis possibli.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25962, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-problema ta' leak tad-drenaġġ fi Triq il-Mimosa, San Ġwann, tissolva b'mod permanenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, wara li l-Awtorita’ tad-Djar ġiet infurmata bil-każ nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju 2016, uffiċjali tekniċi għamlu spezzjoni fuq il-post fejn mal-ewwel ittieħdu miżuri temporanji biex ma jkomplix jiskula drenaġġ fit-triq. Sadanittant saret investigazzjoni minn naħa ta’ uffiċjali tas-Sanita u tal-Awtorita’ tad-Djar fejn ġiet lokaliżżata l-ħsara. Minħabba li t-tiswijiet jirrikjedu tibdil ta’ katusi ta’ drenanġġ li għaddejjin minn taħt appartament okkupat, qed isiru l-arranġamenti neċessarji mal-inkwilin kif ukoll mal-kuntrattur sabiex ikunu jistgħu isiru x-xogħlijiet li permezz tagħhom ikun hemm soluzzjoni permanenti tal-problema.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25963, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jara li jsiru s-sinjali kollha meħtieġa fi Triq tal-Mensija, San Ġwann peress li wara li sar ix-xogħol f'din it-triq, din għadha mingħajr sinjali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li x-xogħol tas-sinjali mistenni li jibda’ fil-ġranet li ġejjin, hekk kif tinkiseb l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25964, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jara li jsiru s-sinjali kollha meħtieġa fi Triq San Ġiljan, San Ġwann peress li wara li sar ix-xogħol f'din it-triq, din għadha mingħajr sinjali?