Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ konsulenzi li ngħataw mill-Korporazzjoni Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks b’rabta mal-proġett tal-Corporate Village u jindika dawk il-konsulenzi li ngħataw b’direct order?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jikkonferma x'sar mill-proġett ta' Corporate Village u jipprovdi rendikont kronoloġiku taf kif kien tmexxa l-pjan tal-Gvern fuq dan il-proġett?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ix-xogħol preparatorju fuq il-Corporate Village beda fit-2008, meta Alan Camilleri, dak iż-żmien Chairman tal-Malta Industrial Parks, qabbad lid-Deloitte u lill- Architectural Projects Ltd sabiex jibdew iħejju financial projections u kunċett ta’ żvilupp għal Corporate Village.
Matul is-sena 2010, ġiet ippublikata ‘expression of interest’ għal iżvilupp tal-Corporate Village, li għaliha kien hemm disa sottomissjonijiet. Kien f’Mejju tas-sena 2012 li ntbagħat ‘request for proposal’ (RFP) lill-kull waħda minn dawn is-sottomissjonijiet.
Għalkemm din l-RFP damet iktar minn tlett xhur miftuħa, kien hemm biss sottomissjoni waħda, li eventwalment ġie deċiż li ma kienitx konformi mat-termini speċifikati fl-RFP.
Minħabba n-nuqqas ta’ nteress li rriżulta, saħansitra biex jiġi żviluppat dan il-Corporate Village, ma sarx iktar xogħol fuq dan il-proġett. Ta’ min jgħid, li din il-kampanja, bejn konsulenzi varji u kampanja promozzjonali, swiet mhux inqas minn €425,000.
Jista' l-Ministru jgħid x’tip ta’ promozzjoni saret fuq il-Corporate Village? Partikolarment jista’ jindika x’promozzjoni saret barra minn Malta u min kien responsabbli minn din il-promozzjoni? Permezz ta’ din il-promozzjoni x’riżultati kienu akkwistati f’terminu ta’ applikazzjonijiet ta’ kumpaniji biex jibdew joperaw mill-Corporate Village u f’terminu ta’ investiment attirat lejn pajjiżna?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fis-sena 2010 sar il-‘launch’ tal-kampanja promozzjonali marbuta mal-Corporate Village, li kienet tinkludi numru ta’ ‘events’ promozzjonali ġewwa Milan u Londra.
Minbarra numru ta’ publikazzjonijiet, ‘tokens’, preżentazzjonijiet u saħansitra website dedikata għal dan il-proġett, saret ukoll promozzjoni permezz tar-rappreżentanza tal-korporazzjoni f’diversi pajjiżi, li kienu jinkludu l-Ingilterra, Germanja, Libja, l-UAE u l-Istati Uniti.
Din il-promozzjoni kienet primarjament iffukata sabiex tħajjar operaturi jidħlu għall-iżvilupp tal-Corporate Village iktar milli biex tattira investiment barrani. Għalkemm intefqu mhux inqas minn €84,000 għal din il-kampanja promozzjonali, l-għan tagħha baqa ma ntlaħaqx, għaliex la ġew attirati operaturi li konkretament kienu nteressati jiżviluppaw dan il-proġett, wisq inqas biex jibdew joperaw mill-Corporate Village.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu konsulent tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm tħallas matul is-snin 2014 u 2015?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-individwu kkonċernat kien konsulent tal-MFSA mill-1 t’April 2014 sal-31 ta’ Dicembru 2015. Hu kien ingaġġat mal-MFSA sabiex jassistiha fil-proċess tal-implimentazzjoni tas–Single Supervisory Mechanism (SSM) tal-ECB. Matul il-perjodu tħallas total ta’ €51,000.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għall-awtorizzazzjoni kellha pendenti l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u tal-2015? Kemm minn dawn kienu pendenti għal aktar minn sitt xhur u sena? Jista’ jagħti din l-informazzjoni fuq bażi annwali?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward tas-snin 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015, l-informazzjoni mitluba qed tingħata permezz tat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tas-snin 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009, l-informazzjoni disponibbli hija limitata u għaldaqstant ma tistax tingħata risposta f’dan ir-rigward.
Minbarra l-applikazzjonijiet indikati fit-tabella mogħtija, l-Awtorità ipproċessat ukoll numru ta’ talbiet għal reġistrazzjoni għal fini tal-Att XX tal-2013 dwar il-Provdituri ta’ Servizz lil Kumpaniji li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2013. Minħabba l-ammont u n-natura partikolari tagħhom id-dettalji dwar dawn it-talbiet qed tiġi mogħtija separatament kif ġej: It-talbiet għal reġistrazzjoni pendenti fl-aħħar ta’ Dicembru
2014
, kienu 202 – li minnhom in-numru ta’ talbiet pendenti għal aktar minn sitt xhur iżda anqas minn sena kien 189, filwaqt li ma kien hemm ebda talba pendenti għal aktar minn sena. It-talbiet għal reġistrazzjoni pendenti fl-aħħar ta’ Dicembru
2015
kienu 132 – li minnhom in-numru ta’ talbiet pendenti għal aktar minn sitt xhur iżda anqas minn sena kien 2, filwaqt li n-numru ta’ talbiet pendenti għal aktar minn sena kien 118. Ta’ min jgħid li qabel l-2014 din it-tip ta’ attività ma kinitx waħda reġistrabbli u għaldaqstant l-entitajiet konċernati xorta setgħu jagħtu dan it-tip ta’ servizz minkejja li kellhom (jew għad għandhom) talba għal reġistrazzjoni pendenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti fl-Iskola Sekondarja tal-bniet fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid meta hu mistenni li l-istudenti kollha ta’ din l-iskola jkunu f’sistema ta’ edukazzjoni co-ed? Jista’ jgħid x’inhu l-ħsieb li jsir mill-bini ta’ din l-iskola meta l-istudenti kollha jkunu f’sistema ta’ ko-edukazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti fl-Iskola Sekondarja tal-bniet fir-Rabat, Għawdex għas-sena skolastika 2015/2016 hu 578.
L-iskola ser tkun f’sistema ta’ edukazzjoni co-ed fis-sena skolastika 2018-2019.
Il-binja ser tibqa’ tintuża bħala l-Middle School tal-Gozo College.
Bordijiet, Awtoritajiet u Kummissjonijiet – Persuni Għawdxin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni minn Għawdex li ġew nominati fuq Bordijiet, Awtoritajiet jew Kummissjonijiet tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mill-bidu ta’ din il-Leġiżlatura sal-lum, meta ġew maħtura u l-pożizzjoni li jokkupaw?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella ta’ hawn taħt;
Isem u Kunjom
Data tal-Ħatra
Pozizzjoni Okkupata
Isem tal-Bord
Is-Sur Joseph Rapa
24 ta' Dicembru 2013
Chairman
Advisory Committee on Health Care Benefits
Onor. Franco Mercieca
7 ta' Lulju 2014
Chairman
Strategic Leadership Board for Gozo General Hospital
Is-Sur Joseph Rapa
7 ta' Lulju 2014
Membru
Strategic Leadership Board for Gozo General Hospital
Is-Sur Louis Magrin
7 ta' Lulju 2014
Segretarju
Strategic Leadership Board for Gozo General Hospital
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Planning Authority (PA), fil-fatt tagħmilx spezzjonijiet fuq dawk li huma magħrufa bħala “open sites”? Billi l-istess awtorità hi responsabbli mill-ħruġ ta' permessi tal-bini, jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-inspectors tal-awtorità hux qegħdin josservaw ukoll is-siti li fihom ikun qed jintefa’ kull tip ta' materjal, b'detriment għall-ambjent tal-inħawi? Jekk le, jista' jieħu l-passi neċessarji biex fil-fatt dawn is-siti jingħalqu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li gejt nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar illi skont artikolu 99(1) tal-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, l-Awtorità għandha tara jekk l-ġmiel jew siwi ta’ xi żona huwiex imħassar bid-dehra ta’ xi art (li tista' tkun ġnien, sit vojt jew art oħra fil-beraħ). Għal dan l-iskop, l-uffiċjali tal-Awtorità jagħmlu spezzjonijiet fejn ikun meħtieġ. Jekk jirriżulta li l-kundizzjoni tal-art qed tkun ta' ħsara lill-ġmiel jew siwi taż-żona, l-Awtorità tieħu dawk il-passi li jkunu meħtieġa inkluż, jekk ikun il-każ, il-ħruġ ta' avviż ta’ twettiq (fuq is-sid tal-art u/jew fuq l-okkupant tal-art) li fih ikun meħtieġ li jittieħdu dawk il-passi biex titnaqqas il-ħsara kif jista’ jiġi speċifikat fl-avviż.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta hu mistenni li 'jkun il-ħin opportun', kif indikat f'risposti parlamentari preċedenti, għal dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, u meta hu mistenni li l-istess rapporti jiġu ppubblikati? X'qed iżomm li dawn ir-rapporti fil-fatt jiġu ppubblikati, meta wieħed iqis li hawn diskussjoni pubblika dwarhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġibiet li ngħataw s’issa fuq dan is-suġġett.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24759, billi fir-risposta jingħad li 'fil-laqgħa li għaliha qed jagħmel referenza, xogħlijiet infrastrutturali fuq toroq ma kenux inklużi fl-aġenda', jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġew diskussi dawn it-tip ta' xogħlijiet li jikkonċernaw l-infrastruttura? Meta hu mistenni li jerġgħu jiġu diskussi l-istess suġġetti, u meta hu mistenni li fil-fatt jinbeda x-xogħol fuq dawn ix-xogħlijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposti diġa mogħtija.
B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 25505, 25506 u 25507, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mix-xogħlijiet indikati li saru fil-lokalitajiet indikati huma xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Kunsilli Lokali?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25556, dwar il-Public-Private Partnerships (PPP) għal dak li jikkonċerna l-kostruzzjoni tat-toroq, billi l-Ministru għall-Finanzi talabni nindirizza d-domanda lill-Ministru kkonċernat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Public Private Partnerships m’humiex responsabbilta’ tal-Ministeru tiegħi jew ta’ Transport Malta.
Transport Malta – San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – garaxxijiet ta’ kiri ta’ karozzi
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25497, jista' l-Ministru jagħti l-istess tagħrif mitlub, din id-darba għal dak li jikkonċerna l-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tan-numru ta’ garaxxijiet li jagħtu servizz ta’ kiri ta’ karozzi ta’ kull tip, kif ukoll liċenzjati biex jikru l-karozzi, skont il-lokalita’qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ vetturi liċenzjati għal kiri, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 25497 kienet għal-lokalitajiet kollha.
Il-Kalkara – Bighi – Heritage Malta –restawr ta’ smoking shed
Question
Jista' l-Ministru jagħti update ta' meta Heritage Malta se tlesti r-restawr fuq is-smoking shed storika li hemm fl-entratura tal-Head Office tagħha f'Bighi l-Kalkara?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq is-smoking shed ma qabadtx ritmu sostnut minħabba prijoritajiet oħra li kellha u għad għandha Heritage Malta. Sadanittant tneħħa l-ħadid minn ġol-ħitan sabiex tieqaf il-ħsara u beda jinħadem xi xogħol tal-ġebel meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jassigura li l-uffiċjali kollha tas-sigurtà tal-kuntratturi li kienu u għadhom assenjati ġewwa s-siti u mużewijiet ta' Heritage Malta jkollhom liċenzja valida ta' gwardjan privat skont il-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kuntratturi li jipprovdu servizz ta’ sigurta fil-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta huma obbligati li l-impjegati tagħhom ikollhom il-liċenzji kollha meħtieġa skont il-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ġdid ġie ngaġġat minn Heritage Malta minn Marzu 2014 sal-lum? F’liema grad ġew impjegati u mil-liema lokalità ġejjin dawn il-ħaddiema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minn Marzu 2014 sa llum ġew irreġistrati 33 ħaddiem ġdid fuq il-kotba ta’ Heritage Malta, numru minn dawn il-ħaddiema ġew ingaġġati minħabba proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Il-gradi u l-lokalità ġew elenkati fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-karozzi tal-elettriku ġewwa Sant’Anġlu huma koperti b’assigurazzjoni kontra kull tip ta’ inċident li jista’ jinqala?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-karozzi elettriċi msemmija jintużaw fil-Forti Sant’ Anġlu biss u għalhekk huma koperti awtomatikament minn Heritage Malta kif huma koperti l-ħwejjeġ l-oħra kollha.
Heritage Malta – Triq Melita – exhibition spaces għal skopijiet kummerċjali
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li f’Diċembru 2015, l-exhibition space li għandha Heritage Malta, fi Triq Melita ġewwa l-Belt Valletta ġie imwelli għal skopijiet kummerċjali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti f’dan ir-rigward?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ispażju msemmi fl-ebda mument ma ġie mwelli għal skop kummerċjali, iżda sempliċement għal wirjiet ta’ arti bil-kundizzjonijiet tas-soltu, kif sar kemm il-darba fl-istess spazju u f’mużewijiet oħra ta’ Heritage Malta.
Pool tas-Segretarju Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali — korsijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kors ta' aġġornament li se jsir għal dawk il-persuni li ġew magħżula għall-pool tas-Segretarju Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali mhux se jsir f'Għawdex ukoll għall-parteċipanti Għawdxin u dan meta hemm numru kbir ta' persuni residenti f'Għawdex li huma f'dan il-pool u jridu jagħmlu dan il-kors?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li applikaw kien ta’ sittax u għaldaqstant ma kienx finanzjarment vijabbli li dan il-kors isir ukoll f’Għawdex. Iżda d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħa ħsieb li jipprovdi lill-parteċipanti Għawdxin bit-trasport miċ-Ċirkewwa għal post fejn se jsir it-taħriġ u lura. Dan bl-istess prassi li ttellgħu korsijiet simili fil-passat.