Kunsilli Lokali tal-Kalkara, Ħad-Dingli, Raħal Ġdid, Birgu, Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Qrendi – Kuntratti ta’ Servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-kuntratti ta' servizz li kellhom il-Kunsilli Lokali tal-Kalkara, Ħad-Dingli, Raħal Ġdid, Birgu, Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Qrendi bejn l-1 ta' Jannar 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid jekk dawn il-kuntratti ngħatawx wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form ta' Għawdex ġiex kostitwit kif titlob il-liġi u dan peress li sitt xhur ilu, f'Diċembru li għadda, kien informa lil din il-Kamra li kien talab aktar informazzjoni dwar dan il-Kunsill? Jekk għadu ma ġiex kostitwit dan il-Kunsill x’inhi r-raġuni? Għaliex f'din l-iskola post sekondarja m’hemmx Kunsill tal-Istudenti bħalma hemm fi skejjel post sekondarji oħra? X'passi ħa l-Ministru biex dan il-Kunsill jitwaqqaf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li mis-sena skolastika li ġejja ser ikun hemm Kunsill tal-Istudenti kostitwit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Management Bord tad-Dwejra f'Għawdex ġiex kostitwit u dan in vista peress li ftit tal-ġimgħat ilu l-Ministru kien qal li kien se jitkellem maċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u jara li jiġi kostitwit?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jien iltqajt mal-Awtorità tal-Ambjent u ġejt infurmat li l-Management Plan jonqsu biss fine tuning, li minħabba f’dan iddeċidejt li l-Kumitat / Awtorità li jmexxi d-Dwejra, għandu jiġi appuntat però ser jiġi ridimensjonat u diġà qegħdin jiġu avviċinati n-nies biex jippresedu fuq dan il-Bord. Meta l-eżerċizzju jkun ikkompletat fi żmien qasir, kollox jiġi mħabbar pubblikament.
Jista' l-Ministu jgħid x'ġie implimentat s’issa mill-Master Plan tad-Diving li sar fl-2006 u f’liema sena ġew implimentat kull waħda mill-miżuri li saru? Jista' jgħid x'miżuri għad fadal biex jiġu implimentati u fejn wasal il-Ministeru tiegħu fuq kull miżura ta' dan il-master plan?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid il-vot tal-marketing ta' Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta li kellu fil-Ministeru tiegħu kif ġie minfuq għas-sena 2014 u għas-sena 2015? Għal kull każ jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull inizjattiva u kemm kien għad fadal minn dan il-vot li ma ntużax sal-aħħar tas-sena? Jista' l-Ministru jgħid għal kull każ ta' kull inizjattiva li ttieħed b' dan il-vot, ix-xogħol jew is-servizzi sar wara sejħa għall-offerti, talba għal kwotazzjonijiet jew b' direct order?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min jieħu preċedenza fil-boatyard li hemm ix-Xlendi f’Għawdex, jekk hux is-siġġijiet u l-imwejjed jew inkella l-opri tal-baħar tas-sajjieda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għad-Dipartiment tas-Sajd ma jirriżultax li hemm boatyard uffiċċjali fix-Xlendi. Jirriżulta li hemm qatgħa viċin il-baħar fejn qed jitpoġġew opri tal-baħar u karrijiet ta' dgħajjes kemm ta' uħud mis-sajjieda u kemm personali għal skop rikreattiv u mhux għal skop ta' sajd.
Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24443 fejn intqal li ż-żewġ partijiet ingħataw il-preċedenza mistħoqqa.
Jista’ l-Ministru jgħid min jieħu preċedenza fil-boatyard li hemm ix-Xlendi f'Għawdex, jekk hux is-siġġijiet u l-imwejjed jew inkella l-opri tal-baħar tas-sajjieda?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li fix-Xlendi ma hemm ebda boatyard. Jista l-Onorevoli Interpellant jindika eżatt għal liema parti tax-Xlendi qiegħed jirreferi?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' majjali li nqatlu fil-biċċerija, xahar b'xahar separatament fl-2011, fl-2012, fl-2013, fl-2014 u fl-2015?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' għoġġiela li nqatlu fil-biċċerija, xahar b'xahar separatament fl-2011, fl-2012, fl-2013, fl-2014 u fl-2015?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inħadmet l-għajnuna tal-Gvern li ser tingħata lil dawk li jrabbu l-majjali? Meta fil-fatt ser tingħata din l-għajnuna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-għajnuna fil-fatt ġiet imħallsa lir-raħħala eliġġibbli fl-20 ta’ April 2016. Din ġiet iffissatta wara konsultazzjoni sħiħa mal-koperattiva ta’ min irabbi l-majjal abbażi tal-qatla rreġistrata kif ukoll tal-esportazzjoni ta’ majjal li seħħew fil-perjodu ta’ referenza bejn il-5 ta’ Jannar u 25 ta’ Setembru 2015.
Traceability ta’ prodotti tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ta' investiment fit-traceability ta' prodotti tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga u kif il-Gvern beħsiebu jenforza biex konsegwentament jiġi eliminat kull abbuż?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Biċċeriji ta’ Malta u Għawdex iħaddmu sistema informatika li tippermetti t-traċċabilità kompleta minn ġor-razzett sal-mument li fih jinħareġ mill-biċċerija. Kull karkassa tinħareġ b’tikketti li juru r-razzett ta’ provenjenza, u informazzjoni li fost l-oħrajn turi l-post tat-twelid, fejn tkabbret, id-data ta’ meta nqatlet u numru uniku ta’ identifikazzjoni. Minbarra dan, kull karkassa tkun stampata diversi drabi bil-boll tal-biċċerija li juri li din inqatlet f’biċċerija approvata. Dan kollu skont il-leġiżlazzjoni Ewropea in vigore.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konferenza sponsorjat l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015? Jista’ jagħti din l-informazzjoni fuq bażi annwali? Jista’ jinkludi dettalji tal-konferenza, l-organizzaturi tal-konferenza, il-post tal-konferenza (il-pajjiż u l-isem tal-lukanda jew post) u l-ammont sponsorjat?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm avvenimenti kienu organizzati mill-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) fil-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fis-snin 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015? Jista’ jgħid kemm ħallset għal dawn l-avvenimenti? Jista’ jagħti din l-informazzjoni fuq bażi annwali? Jista’ jinkludi dettalji tal-avveniment u l-ammont imħallas?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta reġa’ ġie kompost il-bord tal-home help? Jista’ jgħid kemm ġew deċiżi talbiet għall-home help minn Jannar 2016 sal-lum u jagħti informazzjoni skont kull lokalità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Bord għall-Allokazzjoni tas-Servizz tal-Home Help reġa’ ġie kompost fl-1 ta’ Frar 2016.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu dwar kemm ġew deċiżi talbiet għall-
home help
minn Jannar 2016 sad-data li fiha qed tinġabar din l-informazzjoni, skont il-lokalita’, hija kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mosta – kantuniera bejn Triq il-Mitħna u Triq l-Indipendenza – traffic lights
Question
Jista’ l-Ministru jara li jsiru lights neċessarji ħalli jkun hemm traffic management aħjar fil-kantuniera bejn Triq il-Mitħna u Triq l-Indipendenza fil-Mosta?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li dan l-inkroċju bejn Triq l-Indipendenza u Triq il-Mitħna kien qed jieħu volum akbar ta’ traffiku minħabba li kien hemm Triq Pantar magħluqa. Issa, ix-xogħlijiet fi Triq Pantar tlestew u din it-triq reġgħet nfetħet għat-traffku. Għaldaqstant, it-traffiku fl-inkroċju ta’ Triq l-Indipendenza u Triq il-Mitħna għandu jerġa’ jiġi lura għan-normal kif kien oriġinarjament.
Jista’ l-Ministru jgħid min huwa responsabbli biex Triq il-Waqqafa ġewwa l-Mosta tingħata wiċċ ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-obbligu tal-Gvern Ċentrali permezz ta’ Transport Malta hu li jasfalta għall-ewwel darba toroq residenzjali ladarba jkunu ffurmati mill-iżviluppaturi jew residenti, skont l-obbligi tagħhom u skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akkwist.
Buġibba – Direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar – traffic lights
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25628, billi qed jingħad li fl-inħawi msemmija 'm’għandu l-ebda parti minnu kkontrollat bis-sinjaletika elettronika', billi din is-sinjaletika nqalgħet waqt ix-xogħol li kien qed isir fil-Coast Road, jista’ jiġi assigurat li l-istess sinjaletika fil-fatt terġa' titwaħħal, għaliex il-perikli li nħolqu bit-tneħħija tas-sinjaletika msemmija huma kbar ħafna?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-parti tal-inkroċju, li għalih qed qed jirreferi l-Onor. Interpellant huwa bejn Triq il-Korp tal-Pijunieri k/m Triq il-Wileġ. Dan l-inkroċju m’għandu l-ebda parti minnu ikkonrollata bis-senjaletika elettronika tat-traffiku u għalhekk ma jagħmilx parti minn l-ebda sistema elettronika. Il-movimenti tat-traffiku f’dan l-inkroċju huma kkontrollati bis-senjaletika ta’ STOP li għandhom jiġu osservati. Il-parti fejn hemm senjaletika elettronika tat-traffiku tinsab f’inkroċju ieħor li jinsab fi triq oħra, jiġifieri fi Vjal Kennedy k/m Triq Korp tal-Pijunieri.
Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ appartamenti
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25557, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti kollha li fuqhom l-Awtorità tad-Djar kellha applikazzjonijiet pendenti, jew permessi validi, f'Marzu 2013? Kemm minn dawk is-siti nbnew, jew qed jinbnew bħalissa fuq l-istess permessi validi li kien hemm dak iż-żmien? Kemm, f'kull każ kien mistenni li jinbnew units, u x'tip ta’ units kienu ser jinbnew, (one, two jew three bedroomed)? F'kull każ min kien il-perit ta' dawn l-istess proġetti separatament? Liema minn dawn il-proġetti hu mistenni li jitkompla x-xogħol fuqhom matul iż-żmien li ġej? X'bidliet seħħew f'kull wieħed minn dawn il-proġetti, u f'kull każ min hu l-perit responsabbli minn dan ix-xogħol illum? X'wassal għall-bidliet kemm fil-pjanti, kif ukoll fil-periti responsabbli, fejn dan hu l-każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, informazzjoni dettaljata dwar is-siti kollha li fuqhom l-Awtorita’ tad-Djar kellha applikazzjonijiet pendenti u permessi validi, diġa’ ngħatat f’mistoqsijiet parlamentari 19417 u 19626. L-aħħar tenders tal-Awtorita’ tad-Djar għall-bini ta’ units ġodda kienu nħarġu fl-2010, għaldaqstant għadu ma sar l-ebda bini fuq is-siti msemmija. Informazzjoni oħra mitluba dwar kull sit individwali u l-perit li kiseb il-permess relattiv qed tingħata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar liema proġetti hu mistenni jitkompla x-xogħol fuqhom matul iż-żmien li ġej, kif diġa’ ngħad f’mistoqsija parlamentari numru 25557, il-proċess għadu qed jigi mistħarreġ waqt li l-periti li ser ikunu responsabbli għal dawn il-progetti ser ikunu periti privati.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25610, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li fil-fatt is-Salini jgħaddu taħt l-amministrazzjoni tal-Ministeru li tiegħu hu responsabbli? Billi reċentement kien hemm sejħa għall-impjieg ta' numru ta' persuni li fil-fatt ingħad li ser jitqabbdu jagħmlu xogħol marbut mal-istess Salini jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm iktar persuni li jiġu impjegati fuq dan ix-xogħol wara li l-istess inħawi jgħaddu għand il-Ministeru li minnu hu responsabbli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25610, għadhom għaddejjin diskussjonijiet flimkien mal-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura kif wkoll mal-Ufficċju tal-Prim Ministru fuq l-amministrazzjoni tas-Salini u għalhekk ma nistax nitkellem fuq ingaġġ ta’ ħaddiema mill-Ministeru tiegħi meta l-amministrazzjoni tas-Salini għad mhux taħt ir-responsabbilità tiegħi.