Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ssejħu l-pulizija dwar inċidenti li setgħu seħħew fil-Young Peoples’ Unit bejn Mejju 2015 u Mejju 2016 u kemm kien hemm każijiet minnhom fl-istess perjodu li spiċċaw il-Qorti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn Mejju 2015 u Mejju 2016, kien hemm tlett sejħiet għall-għajnuna mill-‘Young Peoples Unit’ fl’Isptar Monte Karmeli ġewwa H’Attard. Każ minnhom spiċċa il-Qorti li sal-lum għadu sub judice.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b'diżabilità jirreġistraw għax-xogħol bejn Ottubru 2000 u Mejju 2016, xahar b'xahar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm kien hemm persuni b'diżabilità jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru bejn Settembru 2001 u April 2016 xahar b’xahar.
Minn Ottubru 2000 sa Awwissu 2001 il-Korporazzjoni ma kinitx iżżomm informazzjoni dwar it-tieni parti tar-reġistru.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22764 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk humiex sejrin jiddaħlu iktar gwardjani fid-Dwana wara li kien sar eżami fl-2015 u f’liema sejħa diġà ġew ingaġġati 15-il persuna? Jista’ jgħid x’inhuma l-pjanijiet għal dan is-settur?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-eżami li kien sar fl-2015 kien għall-ingaġġ ta Fizzjali tad-Dwana u mhux għall-ingaġġ ta Customs Assistants (ex Gwardjani tad-Dwana). L-aħħar ingaġġ ta Gwardjani tad-Dwana (illum Customs Assistants) sar fl-1990.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 21213 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jara jekk jistgħux isiru water culverts fi Triq Dun Mikiel Xerri f’Ħ’Attard?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Kunsilli Lokali joperaw b’mod awtonomu fil-parametri tal-liġi li tirregola l-istess Kunsilli Lokali. Madanakollu, ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali mhuwiex f'pożizzjoni li jagħmel water culverts ġewwa Triq Dun Mikiel Xerri.
Billi saru diversi domandi dwar l-istat diżastruż li tinsab fiha l-bitħa ta' blokk ta' appartamenti fi Triq Patri Ġużepp Calleja f’San Pawl il-Baħar, u dan , peress li appartament fil-ground floor tal-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jinsab abbandunat, b'konsegwenzi fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti l-oħra tal-blokk, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-pulizija jikkordinaw mas-sanità, biex din il-bitħa titnaddaf?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li wara azzjoni u kordinament li sar bejn il-Pulizija u id-Dipartiment tas-Sanita, saru arranġamenti biex il-bitħa tal-blokk ta' appartamenti fil-lokalità msemmija ġewwa San Pawl il-Baħar, li jinsab abbandunat, titnaddaf.
Billi f’blokk ta' appartamenti li jinsab fi Triq Patri Ġużepp f’San Pawl il-Baħar hemm appartament fil-ground floor li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li hu abbandunat, u li dwaru għamilt numru sostanzjali ta' domandi biex is-sanità jikkordinaw mal-pulizija biex dan l-istess appartament jitnaddaf biex jitneħħa r-riskju ta' mard li hemm fuq il-post, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-fatt il-post jitnaddaf, qabel ma tfaqqa’ xi epidemija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sit imsemmi minnu tnaddaf minn ħaddiema mit-Taqsima tal-Indafa Pubblika fil-preżenza tal-Pulizija u uffiċjali mid-Direttorat ghas-Sahha Ambjentali nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta se terġa’ tibda titħaddem ir-rotta 205 tat-trasport pubbliku li fost oħrajn twassal residenti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq u l-Magħtab biex jinqdew miċ-Ċentru Ċiviku (Servizzi Soċjali) tan-Naxxar u miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Lulju, ir-rotta 103 fi triqitha mill-Bidnija, Mosta u n-Naxxar ser tkun qed tiġi estiża, bi prova, għall-Magħtab, Baħar iċ-Ċagħaq u Pembroke Park and Ride. Għaldaqstant, ir-residenti tal-Magħtab u Baħar iċ-Ċagħaq ser ikollhom konnessjoni diretta kemm għall-Mosta u n-Naxxar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proċedura tista' tintuża biex open plots, jew artijiet li jinsabu abbandunati f'nofs il-lokalitajiet jiġu mdawra b'xi ċint biex l-kruha li tali plots joħolqu, kif ukoll l-abbuż minn persuni irresponsabbli li jimlew dawn il-plots b'kull forma ta' skart, fil-fatt ikunu jistgħu jitnaqqsu? Billi l-kunsilli lokali la għandhom fondi u lanqas għandhom il-mezz kif jidentifikaw lis-sidien ta' tali plots, jista', permezz tal-Ministeru tiegħu jieħu l-passi neċessarji ma' dawk l-organizzazzjonjiet kollha li b'xi mod huma kkonċernati ħalli dawn il-problemi jinqatgħu, jew almenu jitnaqqsu darba għal dejjem?
Response (BONNICI, OWEN)
Għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari, nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija parlamentari numru 25982.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, kif jaf l-Onor Interpellant mill-il-fondi allokati lill-Kunsilli Lokali żdiedu b’ 10% taħt din l-amministrazzjoni, li wirtet dejn kollettiv ta’ madwar €22miljun.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 24174, billi fid-domanda hemm mistoqsija dwar clamping, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma ż-żoni f'Malta u f'Għawdex, li huma delinjati bħala clamping zones? Billi fir-risposta ndikata hemm ukoll referenza għal sinjali li jindikaw tow zones, flimkien ma' sinjali ċari li juru li tali żoni huma postijiet li minnhom jista' jsir it-towing, jista' jagħti tagħrif dwar min jawtorizza li area parikulari tkun clamping jew towing zone? X'inhi l-proċedura li trid tintuża biex fil-fatt area partikulari tiġi delinjata kemm għat-towing kif ukoll għall-clamping?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li skont Avviż Legali numru 65.13 "żona ta’ klampjar" u "żona ta’ rmonk" ifissru kull post jew area li jiġu indikati f’avviż maħruġ mill-Kummissarju (tal-Pulizija) u permezz ta’ sinjali u marki li jsiru skond id-disposizzjonijiet tar-Regolamenti dwar is-Sinjali tat-Traffiku u l-Marki tal-Karreġġata, fejn l-ipparkjar projbit tal-vetturi jagħti lok li jitwaħħlu klampi mar-roti jew l-irmonk ’l barra ta’ dawk il-vetturi minn dik iż-żona, skond il-każ."
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24152 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min huwa l-proprjetarju ta' għalqa abbandunata li tinsab bejn Triq ta' Mellu u Triq il-Kbira l-Mosta u jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi proġett f'din iż-żona li llum tinsab mitluqa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi r-Reġistru tal-Artijiet ma jinsabx f’pożizzjoni illi jidentifika l-post imsemmi mill-informazzjoni mogħtija u jekk tingħata pjanta tal-għalqa r-Reġistru tal-Artijiet jkun jista’ jinvestiga jekk il-propjeta’ hiex reġistrata. Ta’ min wieħed jikjarifika illi l-proprjetarju jista’ ikun identifikat biss jekk l-għalqa imsemmija tkun irreġistrata.
Il-Mosta — Triq l-Indipendenza - Tindif ta' Għalqa
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24151 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li ġiet riferuta lilu u jgħid ta' min hi r-responsabilità sabiex titnaddaf u tiddawwar l-għalqa li hemm fi Triq l-Indipendenza l-Mosta, in-naħa tal-lemin inti u dieħel lejn il-Mosta u biswit il-Housing Estate tal-Blata l-Għolja?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li gejt nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjannar , illi skont artikolu 99(1) tal-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-I¿vilupp, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tara jekk l-ġmiel jew siwi ta’ xi ¿ona huwiex imħassar bid-dehra ta’ xi art (li tista' tkun ġnien, sit vojt jew art oħra fil-beraħ). Għal dan l-iskop, l-uffiċjali tal-Awtorità jagħmlu spezzjonijiet fejn ikun meħtieġ. Jekk jirri¿ulta li l-kundizzjoni tal-art qed tkun ta' ħsara lill-ġmiel jew siwi ta¿-¿ona, l-Awtorità tieħu dawk il-passi li jkunu meħtieġa inklu¿, jekk ikun il-ka¿, il-ħruġ ta' avvi¿ ta’ twettiq (fuq is-sid tal-art u/jew fuq l-okkupant tal-art) li fih ikun meħtieġ li jittieħdu dawk il-passi biex titnaqqas il-ħsara kif jista’ jiġi speċifikat fl-avvi¿.
Rigward dan is-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, uffiċjali tal-Awtorità spezzjonaw is-sit fejn instab illi xi partijiet minn din l-art imdaqqsa jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ġmiel jew siwi ta¿-¿ona. Għaldaqstant, l-uffiċjali tal-Awtorità qed jinvestigaw ulterjorment dan l-ilment sabiex jinstab min hu sid l-art, jittieħdu dawk il-passi neċessarji sabiex titneħħa l-ħsara, u jekk ikun hemm il-b¿onn anke jinbena ħajt madwar l-għalqa.
Il-Marsa — Triq Diċembru 13 – esproprjazzjoni ta’ plot
Question
Peress li fl-1973, il-Gvern kien esproprja biċċa art il-Marsa li d-dettalji dwar din il-plot qed jingħataw separatament għall-kostruzzjoni ta’ Triq Diċembru 13, , jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk din l-art li kienet tifforma parti minn din l-esproprjazzjoni imma baqgħet vakanti għax ma ġietx użata, waqgħetx taħt il-ġurisdizzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet? Jekk iva, fil-preżent għalxiex qed tintuża? Jekk hija mqabbla, jista’ jgħid lil min u kemm fis-sena peress li tidher li hija mimlija bl-squatters u l-Gvern mhu qed idaħħal xejn?
Billi Malta hi gżira u għalhekk il-ġwież li jingħata l-livestock tagħna jrid jiġi mportat bil-baħar bi spejjeż addizjonali għall-pajjiżi oħra Ewropej, jista’ l-Gvern jagħmel każ mal-Unjoni Ewropea biex ir-raħħala tagħna jiġu kkumpensati għal dawn l-ispejjeż żejda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandi dawn l-iżvantaġġi ta’ insularità u l-għoli tal-inputs meħtieġa mill-agrikoltura bħalma huma ċ-ċerejali li jiġu importati f’Malta sabiex jinħadmu f’ġwież ilhom jiġu mqanqla mal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea sa min-negozjati tas-sħubija u ġew imsarrfa f’għadd ta’ derogi u konċessjonijiet speċjali għal Malta kemm fit-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta kif ukoll fir-Riformi tal-Politika Agrikola Komuni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax illi dawk ir-raħħala li jrabbu l-majjali jingħataw id-de minimis Aid?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul dawn l-aħħar 3 snin dawk li jrabbu l-majjal ngħatawlhom għajnuniet statali sabiex isir titjib fil-merħla tagħhom, kif ukoll għajnuna eċċezjonali temporanja minħabba d-diffikultajiet fis-suq u anki biex isostni l-introjtu tagħhom fil-qafas de minimis. Fil-preżent hemm taħdidiet għaddejjin mal-Koperattiva ta’ min irabbi l-majjal sabiex ikomplu jiġu esplorati soluzzjonijiet ulterjuri u mhuwiex eskluż li tinħareġ xi għajnuna addizzjonali; madankollu l-għajnuna de minimis fiha numru ta’ limitazzjonijiet kemm fuq bażi nazzjonali u wkoll individwali li jridu jiġu osservati.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24255 u jgħid kemm il-gvern nefaq fi ġwież għall-annimali li qed jitrabbew fil-farm tal-Għammieri xahar b' xahar minn Jannar 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati – infrazzjoni ta’ regolamenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24256 u jgħid kemm kien hemm infrazzjonijiet tar-regolamenti tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – impjegati li attendew laqgħat internazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24275 u jgħid kemm kien hemm impjegati fil-Ministeru tiegħu li attendew laqgħat internazzjonali sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Min kienu dawn l-impjegati? Għal liema laqgħat attenda kull impjegat? Fejn saru dawn il-laqgħat u meta saru?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi erba’ Tabelli fuq il-Mejda tal-Kamra, li jindikaw il-laqgħat internazzjonali li attendew għalihom uffiċjali tal-Ministeru bejn l-2013 u l-31 ta’ Mejju 2016.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-job card hijiex se tiddaħħal bħala obbligatorja għall-ħaddiema kollha, anke dawk barranin, li jkunu qed jaħdmu xogħol Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħsieb sa issa huwa li din il-card tiddaħħal biss għas-settur tal-kostruzzjoni. Madankollu, m’huwiex eskluż li din tiġi estiża għal setturi oħra.