Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Bord tal-Appell tat-Turiżmu, u kemm ilhom quddiem dan il-Bord? Veru hemm każijiet pendenti aktar minn sena u operaturi li mhux jimxu skont id-direzzjoni tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu għadhom mexjin ħażin għax għadu ma nstemax il-każ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, bħal ma diġa’ rrispondejt għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 25946 datata 13 ta’ Ġunju 2016, hemm erba’ każijiet pendenti quddiem il-Bord tal-Appelli dwar it-Turiżmu. Tnejn mill-ka¿ijiet ilhom pendenti minn Awwissu 2015, wieħed minn Novembru 2015 u wieħed mill-31 ta' Mejju 2016.
Għaldaqstant, dan huwa kuntrarju għal dak li qed jallega l-Interpellant fejn l-unika każ li għadu ma nstemax huwa biss l-iktar wieħed riċenti.
Heritage Malta — pjanijiet ta' investiment fiż-Żurrieq, il-Qrendi u l-inħawi tal-madwar
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet ta' investiment għandha Heritage Malta fid-diversi affarijiet storiċi li jinsabu fin-naħat taż-Żurrieq, il-Qrendi u l-inħawi tal-madwar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta hija responsabbli biss ta’ dawk il-muzżewijiet u s-siti li jafdalha l-Gvern sabiex tamministra. Fil-lokalitajiet imsemmija Heritage Malta tmexxi t-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra li għadhom kif ibbenefikaw minn investiment ta’ madwar €5 miljuni ko-finanzjati mill-UE ftit tas-snin ilu.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25795, jista' l-Ministru jgħid meta kien stabbilit għall-ewwel darba d-disaster recovery plan tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji peress li jidher li sal-2006 skont dikjarazzjoni fil-pubbliku dan kien għadu ma sarx? Meta ġie approvat mill-Bord tal-Gvernaturi u/jew il-Bord tas-Sorveljanza? Meta ġie rivedut l-aħħar u kemm-il darba ġie ttestjat u f'liema dati? L-impjegati tal-MFSA u l-persuni kkonċernati huma kollha mgħarrfa f'dan il-pjan u d-dettalji tiegħu? Kien hemm ċirkustanzi fejn il-pjan intuża? Meta kienu? X'kien ir-riżultat? Dan il-pjan hu konformi ma' ISO 22301 Business Continuity Management u ISO/IEC 27031:2011 Guidelines for Information and Communications Techonology Readiness for Business Continuity?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma qed issir rigward ir-reviżjoni tal-liġi biex jiġi determinat min huma l-ġenituri tat-tarbija meta legalment koppja ma tkunx ilha separata aktar minn 300 ġurnata peress li jidher li l-Qorti u lanqas r-reġistru pubbliku ma jikkunsidraw id-DNA u joqogħdu biss fuq dikjarazzjonijiet ġuramentati u dan iwassal biex fuq iċ-ċertifikat ta' trabi jitniżlu kummenti mhux xierqa? Jista' l-Ministru jgħid x'sar f'dan ir-rigward?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant biex ir-raġel jiċħad il-paternita’ ta’ tarbija mwellda minn martu mhux meħtieġ illi l-koppja tkun legalment separata matul iż-żmien bejn it-tlett mitt (300) jum u l-mija u tmenin (180) jum qabel it-twelid tat-tarbija iżda huwa biżżejjed jekk matul dak iż-żmein il-koppja tkun separata fil-fatt (Kodiċi Ċivili Art 70 (1) (b)).
Iċ-ċaħda tal-paternita’ trid issir b’sentenza tal-Qorti iżda l-liġi tipprovdi illi d-dikjarazzjoni magħmula mill-omm illi żewġha mhux missier it-tarbija għandha tittieħed in konsiderazzjoni mill-Qorti f’kawża biex ir-raġel tal-omm jiġi eskluż mill-paternita’ tal-wild.
Il-liġi tirrikonoxxi espressament it-test ta’ paternita’ ġenetiku (inkluż it-test tad-DNA) fl-Artikolu 70A tal-Kodiċi Ċivili u f’ċerti ċirkostanzi mfissra f’dak l-Artikolu l-Qorti tista’ tordna li persuna tassoġġetta ruħha għal dak it-test ukoll jekk il-persuna konċernata ma tkunx tat il-kunsens tagħha.
Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ partikolari fejn qed iqumu d-diffikultajiet msemmija fl-interpellanza nitolbu jinfurmani bih privatament.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-iskrivana li jaċċettaw l-applikazzjonijiet tal-working permits għandhomx awtorità li jirrifjutaw dawn l-applikazzjonijiet? Jekk le, jista' jispjega għaliex dan qed jiġri u jagħti l-kwalifiki li għandhom dawn biex jiddeterminaw min hu eleġibbli? L-applikanti għandhom dritt ta' appell fuq deċiżjoni ta' din l-iskrivana? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċess?
Response (BONNICI, OWEN)
Qiegħed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-proċess tas-Single-Work Permits, jiġifieri l-proċess ta’ applikazzjoni minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal permess ta’ residenza bbażat fuq impjieg ġewwa pajjiżna. Dan il-proċess huwa rregolat mill-provedimenti tal-Att tal-Immigrazzjoni (Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta’ Malta) u l-Avviż Legali 160 tal-2014.
Identity Malta tirċievi l-applikazzjonijiet għal dawn il-permessi li jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Pulizija, mil-lat ta’ sigurtà nazzjonali, u Jobsplus, li jagħmlu l-assessjar meħtieġ fejn jidħol is-suq tax-xogħol. L-Aġenzija hija eventwalment l-awtorità kompetenti sabiex tapprova jew tirrifjuta dawn il-permessi, skont il-gwida taż-żewġ entitajiet l-oħra.
Kull meta applikazzjoni tiġi rrifjutata, l-applikanti tinħarġilhom ittra li fiha tiġi speċifikata r-raġuni għal dan. L-istess ittra tagħmel referenza għad-dritt tal-applikanti li jissottomettu appell mal-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni. Il-proċess tal-appell huwa speċifikat f’Artiklu 20 tal-istess Avviż Legali msemmi aktar ‘il fuq
Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm membri li huma tas-sess femminili fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta' membri fil-Korp tal-Pulizija li huma tas-sess femminili?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li preżentement hemm tlett mija u tmienja u disgħin (398) uffiċċjal tas-sess femminili li huma membri fil-Korp. Dan jgħodd għal-madwar 19.28 fil-mija bħala persentaġġ mill-membri kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux normali li l-Istatementing Board jikkontradixxi rakkomandazzjoni konklussiva komuni ta’ Educational Psychologist, Speech Therapist u Occupational Therapist bħalma ġara fil-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn tifla autistic ta’ tliet snin tingħata shared LSA flok individual LSA? B’referenza għal dan l-istess każ, jaħsibx il-Ministru li każijiet sensittivi li jinvolvu tfal b’LSA minn Kinder 1, bħalma hu dan il-każ, ikollhom LSA stabbli li ma tinbidilx minn sena għal oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Istatementing Moderating Panel jirrakkomanda dak li jkollu bżonn l-istudent li jidher quddiemu u skont ir-rapporti tal-professjonisti. Jieħu wkoll in konsiderazzjoni r-riżorsi li diġà jkunu preżenti fil-klassi u l-iskola. Infurmat li f’dan il-każ, it-tifla għandha “mild traits of Autism” u ngħatat “Shared Same Class” u mhux “Shared” kif qed jiġi stipulat, jiġifieri LSA il-ġurnata kollha bejn żewġt itfal.
Jekk it-tfal ikollhomx LSA stabbli li ma tinbidilx minn sena għal oħra hija deċiżjoni li tittieħed mill-Prinċipal u l-iskola.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-prassi f’każijiet ta’ LSAs li jkunu assenjati każijiet partikulari u jekk dawn jiġux ikkunsidrat li jibqgħu mal-istudent assenjat magħhom minn sena għal oħra? Jekk iva, min jieħu tali deċiżjonijiet? Kif jiġi deċiż liema LSA tiċċaqlaq minn skola għal oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa dejjem il-kap tal-iskola li jiddeċiedi, skont il-ġudizzju professjonali tiegħu kif ħhandhom ikunu assenjati l-każijiet. Iċ-ċentru kien sa ftit ilu jissuġġerixxi li sakemm m’hemmx raġunijiet eċċezzjonali, kemm jista’ jkun LSA m’għandux jibqa’ jassisti lill-istess student/i aktar minn sentejn. Riċentement il-kapijiet tal-iskejjel kienu infurmati li deċiżjonijiet ta’ din in-natura qed jitħallew kompletament f’ídejn il-kap tal-iskola li madankollu, jekk irid, jista’ jikkonsulta mal-Prinċipal tal-Kulleġġ, l-INCOs u/jew l-Uffiċjali Edukattivi /s-Service Managers fi ħdan id-Direttorat tas-Servizzi għall-Istudenti. Iċ-ċaqlieq ta’ LSAs minn skola għall-oħra isir ċentralment mid-Direttorat għar-Riżorsi Edukattivi wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-esiġenzi tas-servizz u talbiet li jaslu mingħand l-istess LSAs.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida ta’ kif l-għalliema fl-MCAST huma assessjati fuq kompetenza? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ għalliema li jgħallmu fl-Istitut tal-Applied Science, x’jgħallmu, meta kienu impjegati u l-kwalifiki ta’ kull għalliem ekwivalenti għal-livell kif stabbilit mill-Awtorità Nazzjonali għall-kwalifiki?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-kompetenzi tal-għalliema fl-MCAST huma assessjati fuq bażi regolari mis-sezzjoni tal-Quality Assurance skont proċedura maqbula bejn id-Direzzjoni u r-Rappreżentanti tal-għalliema. Dan l-assessjar huwa mmirat biex iservi bħala opportunità għall-għalliem fejn jiġi pprovdut feedback dwar l-iżvilupp professjonali kontinwu, u fejn b’mod partikolari jiġu diskussi l-kompetenzi pedagoġiċi tagħhom, kif osservati b’mod dirett mir-rappreżentant tal-Quality Assurance waqt li l-għalliem ikun mal-istudenti fil-klassi.
Ir-riżultat ta’ dan l-assessjar jiġi diskuss mal-għalliem. Kull għalliem jingħata wkoll dokument dettaljat ta’ prattiċi pedagoġiċi tajbin li ġew osservati, kif ukoll suġġerimenti biex itejbu l-kompetenzi tagħhom.
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokumenti li se nsemmi:-
Kwalifiki tal-Lecturing Staff fl-Istitut tax-Xjenzi Applikati fl-MCAST
Proċedura Doc 054 : Performance Appraisal Procedure
Formolarju Doc 093 : Lecturer Performance Appraisal Form.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudenti tal-MCAST għandhomx il-fakultà li jimlew lecturer evaluation sheets?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-preżent mhijiex il-prattika li studenti jimlew xi forma ta’ lecturer evaluation sheets. L-MCAST għandu pjanijiet biex fil-futur jintroduċi l-użu formali ta’ Evaluation Sheets li jimtlew minn studenti wara li jlestu units individwali. Dan jiġi introdott biss wara li jsiru diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-għalliema.
Jeżistu fil-Kulleġġ mezzi oħra ta’ kif jinġabar feedback mill-istudenti fosthom laqgħat regolari u formali bejn id-Direzzjoni tal-Kulleġġ mal-Class Representatives.
L-MCAST jinkoraġixxi lill-istudenti fil-livelli kollha biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-iStudent Representatives sabiex jiġu eletti bħala rappreżentanti, u b’hekk jipparteċipaw b’mod uffiċjali f’diversi bordijiet tal-Kulleġġ, skont kif preskritt mil-liġijiet li jirregolaw l-istess Kulleġġ.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le li studenti tal-MCAST mill-Istitut tal-Medja Kreattiva (diploma) intalbu jattendu l-lezzjonijiet b’mod mandatorju sat-8 ta’ Lulju bi skop li tittella’ l-esibizzjoni tal-aħħar tas-sena? Jekk iva, jista’ jgħid jekk kenux dawn l-istudenti biss li ntalbu jagħmlu dan? Jista’ jgħid x’tibdil kien hemm f’dan is-sens mis-sena l-oħra u jiċċara jekk dan japplikax biss għall-istudenti li se jesibixxu xogħolhom biss? Jekk le, jista’ jgħid x’se jkunu qed jagħmlu dawn l-istudenti u x’se jkunu l-konsegwenzi jekk ma jattendux?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Interpellant mhijiex eżatta. Il-lezzjonijiet fl-MCAST waqfu fit-3 ta’ Ġunju. Dan sabiex ikun hemm iċ-ċans illi jsiru l-assessjar u l-eżamijiet finali kif ukoll xi resits sakemm tispiċċa s-sena akkademika fit-8 ta’ Lulju. Fil-każ tal-Istitut għall-Arti Kreattiva, il-lezzjonijiet spiċċaw ukoll fit-3 ta’ Ġunju u mhux fit-8 ta’ Lulju. Fil-każ ta’ dan l-Istitut, dan ta ċans tajjeb lill-istudenti tal-Istitut li jipparteċipaw fl-esibizzjoni annwali li ssir fl-Istitut. Il-parteċipazzjoni attiva tal-istudenti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività annwali hija esperjenza edukattiva ħolistika importanti għall-istudenti. Studenti mid-dipartimenti kollha tal-istitut u mhux tal-media biss intalbu jattendu f’dan is-sens f’xi ġranet partikolari, mhux kuljum u mhux biex jattendu għal lezzjonijiet. Ta’ min jgħid li dan kien jgħodd biss għall-istudenti full time tal-Istitut li jibqgħu jieħdu l-istipendju b’mod sħiħ sat- 8 ta’ Lulju, iġifieri l-aħħar ġurnata tas-sena akkademika.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni rċeviex ilmenti fuq ħatriet li saru f’Jannar ta’ din is-sena ta’ Assistant Technical Officers, Technical Officers u Senior Technical Officers? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienet in-natura ta’ dawn l-ilmenti, kemm kien hemm appelli, f’liema stadju waslu l-appelli u meta huwa ppjanat li jkun hemm deċiżjoni fuqhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ġie infurmat mill-PSC li huma ma jistgħux jiddisseminaw informazzjoni dwar appelli lil terzi.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26209 u jagħti elenku tas-safar tiegħu bl-użu tal-private jet minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Għal kull safra jista jgħid ir-raġuni taż-żjara, fejn u d-data ta’ kull żjara?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed npoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26077, 25425, 24103, 23110 u 22734 u jgħid kemm kien l-ammont ta’ direct orders mill-Kunsilli Lokali ta' Malta u t'Għawdex, sena b’sena mill-2010 sal-2015? Jista’ jgħid liema kienu dawk li qabżu t-threshold ta’ direct order u x’kien l-ammont tagħhom u għaliex sar hekk?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26210 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsilli Lokali tax-Xagħra, Għawdex kull sena fuq bini jew tiswijiet ta' bankini u culverts bejn l-1 ta' Jannar 2010 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk dan ix-xogħol ingħatax b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif provudta mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26211 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsilli Lokali tal-Qala, Għawdex kull sena fuq bini jew tiswijiet ta' bankini u culverts bejn l-1 ta' Jannar 2012 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk dan ix-xogħol ingħatax b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Qala intalab jagħti din l-informazzjoni. L-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li l-informazzjoni li qed jitlob hi voluminuża u tirrikjedi riżorsa konsiderevoli umana u ta’ ħin. Infurmat li l-Kunsill Lokali qed jiġbor id-data biex hekk kif jiffinalizzaha nkun f’pożizzjoni li npoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsill Lokalit tax-Xewkija u Ta’Sannat – bankini u culverts
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26212 u jgħid kemm nefqu flus il-Kunsilli Lokali tax-Xewkija u Ta' Sannat, Għawdex kull sena fuq bini jew tiswijiet ta' bankini u culverts bejn l-1 ta' Jannar 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk dan ix-xogħol ingħatax b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba skont kif provduta mill-Kunsilli Lokali.
Kunsilli Lokali tal-Kalkara, Ħad-Dingli, Raħal Ġdid, Birgu, Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Bormla – bankini u culverts
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26213 u jgħid kemm nefqu flus il-Kunsilli Lokali tal-Kalkara, Ħad-Dingli, Raħal Ġdid, Birgu, Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Bormla kull sena fuq bini jew tiswijiet ta' bankini u culverts bejn l-1 ta' Jannar 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk dan ix-xogħol ingħatax b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali msemmija intalabu jagħtu din l-informazzjoni. L-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li l-informazzjoni li qed jitlob hi voluminuża u tirrikjedi riżorsa konsiderevoli umana u ta’ ħin. Infurmat li l-Kunsilli Lokali qedgħin jiġbru id-data biex hekk kif tkun iffinalizzata nkun f’pożizzjoni li npoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26214 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex kull sena fuq xiri ta' concrete bejn l-1 ta' Jannar 2010 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid mingħand liema kuntrattur inxtara l-concrete u dan ix-xogħol kien sar wara ħruġ ta' tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif provudta mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra.