Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani residenti fi Djar tal-Anzjani – self ta’ kotba mil-libreriji

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’tip ta’ servizzi jistgħu jużaw anzjani residenti fi Djar tal-Anzjani għall-self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi direttament fil-post fejn huma residenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Libreriji Maltin f’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Anzjani u Kura fil-Komunità jagħti servizz ta’ self ta’ kotba lill-anzjani li hemm fid-Dar tal-anzjani fil-Mellieħa. Isiru wkoll sessjonijiet ta’ qari lill-anzjani ta’ din id-Dar u estendejna dan is-servizz lid-djar tal-anzjani tal-Imtarfa u tal-Mosta. Bħalissa wkoll Libreriji Maltin qegħda tagħti l-opportunità lil studenti tas-Sixth Form ta’ San Alwiġi jagħmlu sessjonijiet ta’ qari fid-Dar tal-anzjani tal-Imtarfa bħala parti mill-proġett tagħhom tas-Systems of Knowledge. Fil-futur qrib Libreriji Maltin se tkun qegħda toffri servizz ieħor għal dawk li huma housebound.
Leg 12 PQ #32204 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Inawgurazzjoni tax-xogħlijiet fuq l-iskola ta’ Barts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn m’attendiex għall-attività għall-media biex jiġi inawgurat l-bidu tax-xogħlijiet fuq l-iskola ta’ Barts? Jista’ jikkonferma li hu fil-fatt kien Għawdex imma għażel li ma jattendix allavolja kien imħabbar fil-Press Call li kien se jattendi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba mpenji marbuta mal-Presidenza ma stajtx nattendi għal inawgurazzjoni tax-xogħlijiet fuq l-iskola ta’ Barts. Ninfurmaha ukoll li għandha informazzjoni żbaljata għaliex fil-ħin tal-inawgurazzjoni jiena ma kontx fil-gżira Għawdxija.
Leg 12 PQ #32205 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ftehim tal-Gvern ma’ Barts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jippublika l-ftehim tal-Gvern ma’ Barts?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29258.
Leg 12 PQ #32206 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei -– ħsara fl-inkubatur tal-IVF — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni fuq il-ħsara fl-inkubatur li tħabbret fit-27 ta’ Jannar 2017 u li wasslet biex disa’ koppji tilfu ċiklu tal-IVF għax l-embrijun tagħhom ma kienx vijabbli, bil-kontra ta’ kif imħabbar fl-istess stqarrija mill-Ministru għas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkjesta independenti mmexxija mill-Imħallef Emeritu Antonio Magri għadha għaddejja.
Leg 12 PQ #32207 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Type 1 Diabetes – tqassim ta’ strips b’xejn

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31996, jaf il-Ministru li fil-fatt il-BGTS (strips) huma f’kaxxi u mhux bottijiet u huma individually wrapped? Dan ma jfissrix li jekk pazjent huwa intitolat għal 224 strips fil-fatt jista’ u għandu jingħata dan l-ammont? Għalfejn ingħatat id-deċiżjoni li jingħataw inqas strips li qed iwassal biex pazjenti jkollhom jixtru l-istrips huma f’pakketti ta’ 50 BGTS u xorta waħda qed ikun hemm il-ħela li qed iħallas għaliha l-pazjent?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’kull kontenitur wieħed isib l-istrips li huma ppakkjati individwalment u magħhom hemm unique calibration chip. Skont il-fuljett ta’ Tagħrif Mediku (Patient Information Leaflet) din ic-chip trid tintuża speċifikament mal-istrips li jkun hemm fil-kontenitur magħha biss. Jekk l-istrips ma jintużawx mac-chip tal-kontenitur tagħhom ir-riżulat jista’ jkun fatali. Fid-dawl ta’ dan ġie rakkomandat permezz ta’ ċirkolari mibgħuta lill-ispiżeriji fl-Iskema tal-POYC li kontenturi tal-BGTS ma jinfetħux sabiex ma tiġix kompromessa l-kalibrazzjoni tagħhom, filwaqt li kull pazjent jingħata darba 250 BGTS (5 kontenituri) u meta jerġa’ jmissu jingħata 200 BGTS (4 kontenituri). Dan ifisser medja ta' 225 strip, jew waħda aktar milli qed issemmi l-Onorevoli Interpellant. B’hekk ikunu moqdija ukoll dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn jiċċekkjaw iz-zokkor fid-demm 4 darbiet kuljum.
Leg 12 PQ #32208 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Mother & Baby Hospital

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31995, jista’ l-Ministru jiċċara jekk il-Mother & Baby Hospital hux se jitqies bħala parti mill-Isptar Mater Dei jew hux se jkun entità għalih?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-estensjoni tal-Mother & Child Hospital se tkun parti ntegrali mill-isptar Mater Dei.
Leg 12 PQ #32209 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Servizz ta’ saħħa mentali f’pajjiżna

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31994, jista’ l-Ministru jkun ċar u jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkontempla l-privatizzazzjoni tal-kura tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31994.

Sejf ta’ De La Valette – spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun swiet lil pajjiżna biex jinġieb, jitpoġġa għall-wiri, u jiġi rritornat is-Sejf ta’ de laValette, u jagħti analiżi ta’ x’inhuma dawn l-ispejjeż?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba.

Supplimentari – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament ma teħux l-allowance supplementari meta hija la għandha flus il-bank u anqas proprjetà?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuna msemmija ma għandhiex dritt għall-Għajnuna Supplimentari.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – segretarjat parlamentari – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm ġew impjegati nies fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u mas-Segretarju Parlamentari tiegħu u x'inhu l-grad tagħhom, mill-elezzjoni ‘l hawn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – segretarjat parlamentari –staff complement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-istaff complement tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari tiegħu, x'inhu l-grad ta’ kull persuna, ġewx ingaġġati persuni minn barra s-Servizz Pubbliku jew kenux diġà fis-Servizz Pubbliku u jekk ma kenux fis-Servizz Pubbliku hemmx minnhom li issa ġew ingaġġati fis-Servizz Pubbliku?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Privat tiegħi u dak tas-Segretarjat Parlamentari huma stabbiliti fil-parametri li jipprovdi għalihom id-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat li kopja tiegħu diġa' tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mosta – Triq il-Bergamott — wiċċ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Triq il-Bergamott il-Mosta, se ssir b’wiċċ ġdid peress li ilhom 45 sena bil-patching biss u dejjem jinqala’?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #32251 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għall-Finanzi

Inland Revenue Departament — Compliance and Investigation Directorate - investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet mill-Compliance and Investigations Directorate taħt l-Inland Revenue Department f’dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjonijiet li saru mill-Compliance and Investigations Directorate taħt l-Inland Revenue Department f’dawn l-aħħar għaxar snin jidhru fit-tabella hawn taħt: Sena Numru ta’ investigazzjonijiet 2007 262 2008 364 2009 325 2010 371 2011 577 2012 1,222 2013 625 2014 827 2015 780 2016 835

Awtorità tad-Djar — Appartament

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-appartament li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux proprjetà tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk bħalissa huwa vakant jew mibni mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-appartament indikat huwa proprjetà tal-Gvern mikri lil terzi.

Żurrieq – titjib ta’ toroq mhux arterjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet biex l-istat ta’ toroq mhux arterjali fl-inħawi taż-Żurrieq jittejjeb, partikolarment dawk it-toroq li jgħinu biex jitnaqqas it-traffiku mit-toroq arterjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill- Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #32258 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Każijiet ta’ VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex fil-każijiet ta’ VAT tiddaħħal sistema ta’ arbitraġġ, tittieħed azzjoni ċivili u titneħħa l-azzjoni kriminali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jeżistu disposizzjonijiet adegwati u hemm mekkaniżmi xierqa fl-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud dwar kif persuna li tħossha aggravata bi stimi li jiġu notifikati lilha tista’ tappella kontra dawn l-istimi. Dawn jinkludu t-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva; il-Qorti tal-Appell; u l-Qorti Kostituzzjonali. Hemm ukoll il-possibilità li każ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dwar il-proposta li titneħħa azzjoni kriminali u minflok tittieħed azzjoni ċivili, sar pass ’il quddiem f’din id-direzzjoni meta ddaħħlu provvedimenti li permezz tagħhom f’ċerti każijiet somom dovuti lill-Gvern bdew jitqiesu bħala dejn ċivili.

DIER – rapporti ta’ kwistjonijiet fuq pagi minn impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat tibdil fil-mod kif id-Dipartiment tal-Impiegi u Relazzjonijiet Industrijali (DIER) jieħu azzjoni meta jkollu rapporti ta’ kwistjonijiet fuq pagi minn impjegati? Qiegħda tiġi kkunsidrata sistema fejn tinstab soluzzjoni barra l-Qorti?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li preżentement, meta d-Dipartiment ikun qiegħed jinvestiga rapporti ta’ pagi ta’ impjegati mhux imħallsa, u mill-investigazzjoni li jagħmel jirriżulta li ammont ta’ pagi ma jkunux tħallsu, id-Dipartiment jagħmel tentattiv biex il-kwistjoni tiġi solvuta u l-pagi dovuti jitħallsu mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-każ jittieħed il-Qorti. Jekk, minkejja dawn it-tentattivi, il-pagi dovuti jibqgħu ma jitħallsux, allura mbagħad id-Dipartiment jibda proċeduri bil-Qorti.

Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji – reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet volontarji

Question

Tista’ l-Ministru tispjega x’azzjoni qed jieħu l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji biex jindirizza ċ-ċirkustanzi partikulari li qed jiffaċċjaw diversi reliġjonijiet li qed jinbtu u li jixtiequ jirreġistraw bħala organizzazzjoni volontarja? Filwaqt li l-Knisja Kattolika qed tingħata eżenzjoni Ministerjali, dawn il-knejjes l-oħra qed isibuha diffiċli jirreġistraw taħt din il-liġi u jidher li anke taħt dik il-proposta, u għaldaqstant x’qed isir biex ikun hemm aktar konsultazzjoni biex il-bżonnijiet ta’ dawn jiġu indirizzati?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li meta l-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji jkollu applikazzjoni minn organizzazzjoni volontarja biex tirreġistra, il-Kummissarju dejjem jimxi skont l-Att dwar Organizzazzjonijiet Volontarji (Kapitlu 492 tal-liġijiet ta’ Malta) u sakemm l-organizzazzjoni applikanta tissodisfa l-kriterji kollha sabiex tkun reġistrabbli skont il-liġi, hu obbligat li jaċċetta l-applikazzjoni kif fil-fatt jagħmel. Dan japplika għal dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li għandhom bħala għan tagħhom, l-avvanz tar-reliġjon. Kif jindika r-reġistru tal-organizzazzjonijiet volontarji tal-Kummissarju, hemm iskritti organizzazzjonijiet volontarji ta’ diversi fehmiet reliġjużi.
Leg 12 PQ #32261 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpens tal-espropju – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-flus għall-art inkluża fil-file li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, konsistenti f'żewġ biċċiet art, humiex disponibbli biex bihom jitħallsu s-sidien għall-kumpens tal-esproprju?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħti aktar dettalji għaliex il-każ indikat ikopri 4 siti u jindika fuq pjanta għal- liema sit/siti jew isem is-sidien qed issir referrenza.
Leg 12 PQ #32266 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal-Qormi – quantity surveying

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux konflitt ta’ interess minħabba li tqabbad mill-IAID (Internal Audit and Investigations Department) biex jagħmel xogħol ta’ quantity surveying b’rabta mal-investigazzjoni rigward it-tender tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada (FTS) ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntratur b’konnessjoni ma’ Tender CT 2206/2011 (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal-Qormi), liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju, meta l-istess individwu sa ftit taż-żmien ilu kien impjegat tal-FTS stess?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat illi l-Internal Audit and Investigations Department (IAID) innotat ir-rapport tat-Times of Malta tas-27 ta’ Frar 2017 li fih jissemma l-punt imqajjem fil-mistoqsija tiegħu u qed tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar dak li ngħad. Fl-istess hin ngharraf lill-Onor Interpellant li l-Gvern ma jidholx fl-operat tal-IAID.