Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #26443 Sitting 410 2016-06-27 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Deċiżjonijiet tal-Planning Commission

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-deċiżjonijiet tal-Planning Commission humiex jiġu ppublikati kif kien isir sa xi ġimgħat ilu f'gazzetta lokali? Jekk fl-affermattiv, f'liema gazzetta qiegħed isir dan u f'liema ġurnata tal-ġimgħa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta ddaħħlet il-liġi l-ġdida tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-i¿vilupp u d-deċiżjonijiet, l-Awtorità ma baqgħetx tippubblika l-applikazzjonijiet tal-iżvilupp li tirċievi u d-deċiżjonijiet li tieħu f’gazzetta lokali iżda bdiet, skont il-liġi l-ġdida, tippubblika dawn l-istess notifiki fil-Gazzetta tal-Gvern u fil-websajt tad-DOI kull nhar ta’ Ergħba. L-Awtorita’, għal numru ta’ ġimgħat, għamlet avviż fejn informat lill-pubbliku li dawn l-avviżi se jkunu ppublikati fil-Gazzetta tal-Gvern.
Leg 12 PQ #26444 Sitting 410 2016-06-27 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Host family

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il host family kien hemm reġistrati u liċenzjati f’Lulju 2015 u kemm-il host family hemm reġistrati fil-21 ta’ Ġunju 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi host families reġistrati mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu sal-31 ta’ Lulju 2015, jammonta għal 1,044 filwaqt li dawk reġistrati sal-21 ta’ Ġunju 2016 jammonta għal 1,097.
Leg 12 PQ #26445 Sitting 410 2016-06-27 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Studenti li joqogħdu mal-familji Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi pajjiż ieħor fl-Ewropa li l-Gvern tiegħu jobbliga lill-istudenti biex iħallsu l-eco-tax meta dawn joqogħdu mal-familji Maltin?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant sabiex qabel nagħti risposta, jikkjarifika x’irid ifisser bl-aħħar parti tad-domanda tiegħu u jekk hux qed jimplika li hemm xi pajjiż ieħor għajr Malta li qed jesenta lill-istudenti tiegħu li ma jħallsux Eko kontribuzzjoni meta dawn joqgħodu ma’ familji Maltin. Meta titneħħa tali ambigwita’ mill-Interpellant, il-Ministru jkun jista’ jwieġeb b’mod car.

Awtorità tad-Djar – kuntratti ta’ kera skaduti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm l-Awtorità tad-Djar għandha kuntratti ta’ kera li huma skaduti u li għad irid isir kuntratt ieħor ta’ kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26127.

Awtorità tad-Djar – persuni jistennew għall-appuntament biex jiffirmaw kuntratt ġdid għall-kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex persuni li qed jistennew mingħand l-Awtorità tad-Djar sabiex jingħataw appuntament biex jiffirmaw kuntratt ġdid ta’ kiri fuq il-proprjetà tagħhom, mhumiex qed jitħallew iħallsu l-kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar qed timxi mal-kundizzjonijiet li joħorġu mill-istess kuntratti li qed issir referenza għalihom f’din il-Mistoqsija Parlamenatri u li tali kundizzjonijiet kienu mposti fis-snin preċidenti meta sar l-iffirmar tal-kuntratt li llum huwa skadut. Madanakollu, l-Awtorita’ qeda tara kull possibilita’ li tirregoralizza dawn il-kuntratti u tħares lejn il-vulnerabilita’ tagħhom.

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntratt tas-servizz tal-ikel

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26122, jista’ l-Ministru jgħid jekk intgħażilx il-kuntrattur il-ġdid tas-servizz tal-ikel? Jista’ jgħid min hu l-kuntrattur il-ġdid u jgħid ukoll x’inhu t-terminu ta’ dan il-kuntratt il-ġdid?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, it-tender ħareġ u ġie aġġudikat, iżda ġiet ippreżentata oġġezzjoni mill-kuntrattur li ma ntagħżilx. Il-proċess kollu qed isir mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Parkeġġi riservati — Persuni li jaħdmu f’Ministeri jew dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm parkeġġi riservati għall-persuni li jaħdmu f’Ministeri jew dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern fil-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej proċess sabiex il-parkeġġi riservati għall-persuni li jaħdmu f’Ministeri jew dipartimenti u entitajiet tal-Gvern fil-Belt Valletta jiġu riorganizzati.

Parkeġġi riservati — Persuni li jaħdmu f’Ministeri jew dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-parkeġġi riservati għall-persuni li jaħdmu f’Ministeri jew dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern fil-Belt Valletta huma riservati biss waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba li hemm bosta ħaddiema f’Ministeri jew dipartimenti tal-Gvern li jaħdmu b’ħinijiet flessibli jew wara l-ħin, il-parkeġġi riservati għalihom m’humiex limitati għal waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju.

Triq l-Arċisqof — Ftuħ mill-ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-parti ta’ Triq l-Arċisqof li issa ilha xhur magħluqa ser terġa’ tiftaħ għat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li din it-triq kienet ilha skedata biex issir pedonali sa minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti.

Bieb il-Belt – Terminus tat-trasport pubbliku – kiri ta’ gabbani/outlets/bankarelli

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 26035 u 26135, fejn fl-ewwel tweġiba l-Ministru rrefera l-mistoqsija lill-Prim Ministru u fit-tieni tweġiba, il-Prim Ministru għamel referenza lura lill-Ministru għat-Trasport, għaldaqstant jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’ inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 26135.

Bieb il-Belt – Terminus tat-trasport pubbliku – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli mit-tindif taż-żona fejn hemm it-terminus tat-Trasport Pubbliku f’Bieb il-Belt u jgħid x’tip ta’ tindif isir u b’liema frekwenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li r-responsabilta’ tat-tindif fit-Terminus tat-Trasport Pubbliku f’Bieb il-Belt hi tal-Malta Public Transport. Preżentament, isir tindif minn ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif tliet darbiet kuljum,fis- 7am, fis-1pm u fil-5pm. Apparti minn hekk, isir ħasil taż-żona tliet darbiet fil-ġimgħa, it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa matul il-lejl. Fil-jiem li ġejjin ser jiġi iffirmat ftehim bejn Malta Public Transport u d-Direttorat għat-Tindif fejn ser jiżdiedu iktar il-frekwenzi tat-tindif.

Bieb il-Belt – Terminus tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika marbuta ma’ kemm-il persuna użat it-terminus tat-Trasport Pubbliku f’Bieb il-Belt matul l-aħħar 12-il xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’ għandhiex l-informazzjoni mitluba.

Residenza San Vinċenz de Paul – tobba impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rakkomandazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq il-każ datat 30 ta' April 2015 u li referenza għalih qed tingħata separatament, li jitratta numru ta' tobba impjegati fir-Residenza San Vincenz de Paul, ġewx esegwiti mill-Gvern? Jekk iva, jista' jgħid x'kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq il-każ datat 30 ta' April 2015 u li kien jitratta numru ta' tobba impjegati fir-Residenza San Vincenz de Paule, ġew implimentati kollha mill-Gvern preżenti. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess Ombudsman kien agħmilha ċara li l-problemi ma kienux riżultat ta’ maladministration mill-amministrazzjoni preżenti imma minħabba xi kundizzjonijiet li kienu ddaħħlu fil-Ftehim Kollettiv iffirmat bejn il-Gvern preċedenti u l-MAM ftit qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Birgu — Ċentru ta’ Matul il-Jum – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum (Day Centre) fil-Birgu, li mistenni jiftaħ matul ix-xahar ta' Lulju, hux se jkun post aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità nkella għall-anzjani bi problema ta' mobilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-pjanijiet oriġinali, diġa’ kien maħsub xogħol u nstallar ta' ekwipaġġ li jippermetti li s-sit ikun aċċessibli; liema ekwipaġġ jkun kompatibbli man-natura tal-binja u dan skont ukoll ix-xewqa tal-istess kunsill. Bħalissa pero’, qed isiru diskussjonijiet ulterjuri biex l-ekwipaġġ propost jinbidel sabiex eventwalment ilaħħaq mad-domanda kbira, anke in vista tal-interess massiċċ f'dan is-servizz ġdid, għall-anzjani tal-inħawi.

Transport Malta – investigazzjoni fuq toroq li ma sarux

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt, Transport Malta (TM) investigatx ix-xogħol fuq xi toroq partikulari li ma sarux mill-istess TM, iżda li saru minn xi entitajiet oħra? Jekk iva, fejn saru tali investigazzjonijiet, u x'kienu r-riżultati li nkisbu? X'passi ttieħdu minn TM, dwar il-każi li ġew investigati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sussegwentament għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 24655, 19628, 19629, 18802 u 17819, u kif indikat ukoll f’din il-mistoqsija, Transport Malta ma investigatx toroq li saru minn xi entitajiet oħra iżda tkompli tispezzjona viżwalment ix-xogħlijiet kompluti kollha mill-entitajitijet f’kull lokalita’ li jkunu daħlu fis-sistema tar-Road Permit System matul is-sentejn garanzija hekk kif stipulat fl-L.S. 499.57 u fejn jinstab li x-xogħlijiet ma jkunux żammew il-livelli ta’ kwalita’ aċċettabbli, l-Awtorita’ tordna lill-entita’ u l-kuntrattur sabiex jerġgħu jsiru ix-xogħlijiet mill-ġdid jew isewwu kif neċessarju. Minħabba n-numru estensiv ta’ permessi li jinħarġu għax-xogħlijiet (madwar 10,000 permess fil-2014, 12,000 fil-2015 u 6,000 sal-lum fit-2016), ikun difficli sabiex jingħadd in-numru ta’ azzjonijiet li ttieħdu u x-xogħlijiet ta’ rimedju li saru minn entitajiet jew mill-privat wara li l-ispezzjonijiet minn TM irriżultaw li t-twettieq tax-xogħlijiet ma kinux ta’ livell sodisfaċenti. Jekk dan huwa rikjest u sakemm mhux xi kaz speċifiku li għalih qed tiġi mressqa l-mistoqsija, hemm bżonn ta’ aktar żmien ħalli l-files kollha ta’ xi perjodu partikolari jiġu miflija wieħed wieħed.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Fugass u parti minn Triq it-tamar — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li Transport Malta għandha tagħmel fi Triq il-Fugass u f'parti minn Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar? Kemm hu mistenni li jiswa dan l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet huma ppjanati biex jibdew wara s-sajf.

Awtorità tal-Ambjent – standards rigward imbarazz ta’ kostruzzjoni li jitħalla barra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar l-Ambjent għandhiex xi standards partikulari li għandhom jiġu osservati meta jkun ser isir bini, fis-sens ta' jekk għandhiex regoli li japplikaw biex persuni li jkunu qed jibnu, ma jħallux imbarazz ta' kostruzzjoni barra, jiġri fit-toroq? Jekk le, jista' jara li din l-awtorità tikkordina ma' awtoritajiet oħra governattivi, biex dan it-tip ta' materjal ma jkunx jista' jibqa' jitwaddab ma kullimkien bla ebda kontroll, b'detriment għad-dehra ġenerali tal-lokalitajiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkoncernat.

Każi ta’ abbużi ta’ rimi ta’ skart ta’ kull tip

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinstab soluzzjoni, flimkien ma' ministeri u awtoritajiet oħra, biex każi ta' abbuż ta' rimi ta' skart ta' kull tip ikunu jistgħu jiġu kkontrollati b'mod aħjar, u li jiġu wkoll osservati xi regoli li diġà jeżistu, jekk jeżistu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-abbuż ta' rimi ta' skart huwa rregolat minn S.L. 549.40 - Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f ’Postijiet jew Żoni Pubbliċi. Għalhekk il-Kunsilli Lokali għandhom kull poter li, permezz tal-gwardjani lokali, jaġixxu biex jitħarsu dawn ir-regolamenti flimkien ma’ regolamenti oħra li għalihom huma responsabbli.

Qawra – Għassa tal-Pulizija – complement ta’ uffiċjali tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif ser jiġi assigurat li l-għassa tal-Qawra jkollha l-ħin kollu, il-complement ta' uffiċjali tal-pulizija li hemm bżonn biex jaqdu d-doveri tagħhom b'mod li jlaħħqu mal-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu ta' din il-lokalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kif kelli diġa l-opportunità nsemmi f’mistoqsijiet relatati, il-kompliment ta’ distrett tal-Qawra hu kkonsidrat adekwat skont il-htiġijiet tal-post. Infurmat ukoll, li waqt li jsir dak kollu possibli biex l-uffiċjali tad-distrett jibqgħu jservu fil-lokalità tagħhom, l-Onorevoli Interpellant jifhem li minħabba ċerti avvenimenti speċjalment meta dawn jaħbtu flimkien, ċerti uffiċjali jkolhom jagħmlu xogħol f’lokalitajiet oħra f’xi jiem. Madankollu ir-ronda bil-vetturi tibqa ssir fuq bażi regolari.

Kunsilli lokali – formula tal-finanzjament

Question

Jista' l-Ministru, fid-dawl tal-ħtiġijiet differenti li għandhom lokalitajiet differenti, ħtiġijiet li nbiddlu wkoll minn meta twaqqfu l-kunsilli lokali, jieħu l-passi neċessarji biex il-formula tal-finanzjament tal-kunsill li tintuża llum, tiġi aġġornata, b'mod li il-kunsilli jingħataw il-finanzi li għandhom bżonn biex josservaw l-obbligi li huma għandhom fil-lokalitajiet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment għal Gvern Lokali li diġa sar studju xjentifiku dwar it-tibdil meħtieġ fil-formola ta' finanzjament tal-Kunsilli Lokali, u ttieħdu dawn il-fatturi in konsiderazzjoni. Issa l-Ministeru qiegħed fi stadju li jsejjaħ ir-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali biex jiddiskuti magħhom.