Sptar Mater Dei – Bini ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta se toħroġ talba għat-tenders għall-bini ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar ġimgħat għadhom kemm għalqu żewġ tenders, wieħed għal servizzi legali u iehor għal servizzi ta’ accountancy, bil-għan li jinbeda l-proċess għal-sejha ta' proposti dwar l-Isptar ghas-sahha mentali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhuma maqsuma s-sodod tat-turisti li huma reġistrati mal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, jew mal-Ministeru, lokalità b’lokalità, f'Malta u f'Għawdex, skont il-kategoriji li fihom huma reġistrati dawn l-istess sodod? Kemm jirriżulta li kien hemm turisti, f'kull waħda minn dawn il-lokalitajiet, matul l-2015 u matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Jista' jagħti dan it-tagħrif xahar b'xahar?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għall-ewwel domanda tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tat-tieni u t-tielet domanda, ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat, li jkollu analiżi approfondita tal-istatistika kollha mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26080, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li fil-fatt ir-regolamenti msemmija qed jiġu osservati? X'jiġri fil-każijiet fejn minħabba x-xogħol li jkun irid isir, fil-fatt ma jkunx possibbli li dawn il-professjonisti jieħdu l-entitlement tal-leave kollu li huma ntitolati għalih?
Response (FEARNE, CHRIS)
Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghall-paragrafu 4.2.4. tal- Public Service Management Code intitolat Accumulation of leave infakkar illi kull entita’ hija responsabbli mill-osservanza ta’ dan il-kodici.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26137, jista' l-Ministru jieħu l-passi biex tali informazzjoni tibda tinżamm? Minbarra hekk, x’proċeduri jittieħdu fil-konfront ta' persuni li minkejja kollox, u minkejja li huma magħrufa sew ma kulħadd, jibqgħu ma jinstabux, biex jiġu notifikati?
Response (BONNICI, OWEN)
Waħda mill-affarijiet li tikkawża dewmien fil-proċeduri kriminali hija l-kwistjoni tan-notifika, ċioe’ biex akkużat jew imputat jew xhud jirċievi d-dokumentazzjoni neċessarja biex jitla’ l-Qorti.
Għalhekk il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jtejjeb is-sistema u beda billi implimenta sistema ġdida ta’ notifiki l-ewwel f’awla waħda u mbagħad f’awla oħra.
Is-sistema l-ġdida rat bidla fil-liġi kif issir in-notifika, sistema ġdida tal-IT li tagħmel tracking ta’ kull stadju tal-proċess u kif ukoll bidla on the ground minn min fiżikament jagħmel in-notifika.
Irrid ngħid li kellna riżultati tajbin ħafna, kif jidher mill-informazzjoni li qed inqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra.Bħala regola ġenerali il-kawżi qed jiġu notifikati kollha kemm huma. S’intendi, ma jfissirx li għaliex bniedem jiġi notifikat bilfors dan se jitla’ għas-seduta għaliex ikun hemm min jagħzel li jisfida l-liġi u ma jitlax xorta waħda bil-konsegwenza li mbagħad jinħariġlu mandat t’arrest.Biss il-fatt li prattikament il-kawzi kollha f’dawn iż-żewġ awli qed jiġu notifikati statistikament wassal għal iktar qtugħ ta’ kawzi u iktar imputati qegħdin jidhru quddiem il-Maġistrati konċernati. B’hekk is-sistema qegħda tkun aktar effiċċjenti b’inqas dewmien u differimenti bla bżonn. Is-sistema indrat tajjeb kemm mill-akkużati u anke mill- avukati. Irrid ngħid ukoll li vantaġġ ieħor ta’ din is-sistema hi li kulħadd jiġi mgħajjat fis-seduta bil-ħin benefiċċju kemm għall –akkużati mhux jagħmlu nofs ta’ nhar Qorti kif ukoll għall-avukat illi jkun jista jiskeda l-ġurnata tiegħu aħjar.
Tibqa’ l-isfida ta’ dawk li minkejja li jiġu notifikati jagħzlu li jisfidaw il-Qorti u ma jitilgħux. Jiena għamilt stedina lill-Oppozizzjoni sabiex flimkien indaħħlu l-prinċipju – bis-salvagwardji kollha meħtieġa u fil-proċeduri kriminali bl-inqas konsewgenzi serji - li bniedem jekk notifikat tista’ tinstema’ l-kawza tiegħu in absentia. Sal-lum sfortunatament għad m’għandix risposta.
Fl-awli l-oħrajn, li ma jiffurmawx parti mill-proġett pilota, it-taħrika biex persuna tidher quddiem il-Qorti kemm bħala akkużat u kemm bħala xhud, issir mill-Pulizija.
F’dan l-istadju l-Qrati tagħna m’ghandhomx il-facilita’ li jżommu tali statistika, galadarba l-proġett jiġi estiż fl-awli kollha tal-Qorti tal-Magistrati, il-Qorti tkun f’posizzjoni aħjar li tghati l-informazzjoni nitluba mill-Onor. Interpellant.
Billi kemm il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura kif ukoll id-Deputat Prim Ministru wieġbu li l-Ministeru tagħhom mhux responsabbli għal dak li jikkonċerna l-Public Private Partnerships (PPP) (ukoll fejn jidħlu t-toroq ta' pajjiżna), jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min qed imexxi 'l quddiem il-politika dwar il-PPP għat-toroq ta' pajjiżna? Min hu politikament responsabbli għal dan il-qasam u x'sar s’issa, matul din is-sena, biex jiġi assigurat li fil-fatt ikunu jistgħu jsiru xi proġetti ta' toroq permezz tal-PPP? Fejn wasal s’issa, it-tfassil tal-policy li se tiġi applikata f'dan ir-rigward? Meta hu mistenni li jinbeda l-proċess ta' tendering dwar dan il-proġett?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li Projects Malta Ltd intalbet taħdem fuq proposti li jħarsu lejn kunċetti differenti ta’ PPPs.
Billi fid-diskors tal-budget saret referenza għall-kostruzzjoni ta' żewġ carparks taħt is-sistema tal-Public Private Partnerships (PPP), wieħed fil-Mosta u l-ieħor f'Wied il-Għajn, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk s’issa sarux il-pjanti għal dawn iż-żewġ carparks, u jekk instabux partners li lesti jipparteċipaw fil-proċess tal-PPP f'dan il-qasam? Jekk iva, min huma dawn il-partners?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Projects Malta Ltd li f’dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja b’ħidma fuq numru ta’ car parks ġodda, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
Saru numru ta’ studji dwar il-ħolqien ta’ parkeġġ ġdid fil-Mosta. Kif jintemmu dawn l-istudji, Projects Malta se tkun qed tiltaqa’ ma’ stakeholders differenti.
Dwar il-ħolqien ta’ parkeġġ ġdid f’Marsaskala ġejt infurmat li bħalissa għaddejjin l-istudji biex jiġi identifikat is-sit idejali għal dan il-proġett. L-istudji għandhom jintemmu fil-ġimgħat li ġejjin.
San Pawl il-Baħar – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – interventi fit-toroq
Question
Minkejja l-fatt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha lista twila ħafna ta' interventi li saru minnha fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar, fejn bosta mill-interventi ħallew warajhom ħsarat fit-toroq fejn saru u li baqgħu qatt ma ssewwew sew, jista' l-Prim Ministru jassigura li kull waħda mill-inħawi li fihom sar ix-xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-fatt tiġi spezzjonata, biex jiġi assigurat li l-ħsara li hemm tiġi msewwija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandha l-ebda rapporti uffiċjali li x-xogħlijiet li saru hemm xi ħsara fihom. Ikun għalhekk apprezzat jekk tintbagħat lista ta’ fejn qed jingħad li hemm il-ħsarat ħalli dawn jiġu spezzjonati u jkun stabbilit jekk dawn ix-xogħlijiet sarux mill-Korporazzjoni jew le.
Konkatidral ta’ San Ġwann — Dipartiment tal-Artijiet – ħwienet - laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa kellu mas-sidien tal-ħwienet ħdejn il-Konkatidral ta' San Ġwann u li l-kirja tagħhom issa ntemmet mid-Dipartiment tal-Artijiet? Meta saru dawn il-laqgħat u x'kien l-eżitu tagħhom?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Konkatidral ta’ San Ġwann – kumpens finanzjarju lis-sidien tal-ħwienet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu ntalabx jagħti xi kumpens finanzjarju lis-sidien tal-ħwienet ta' ħdejn il-Konkatidral ta' San Ġwann u li l-kirja tagħhom ġiet itterminata mid-Dipartiment tal-Artijiet xahrejn ilu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25877, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aġenda u x’pożizzjoni ġiet meħuda fin-19th Conference of Commonwealth Education Ministers li saret fil-Bahamas?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aġenda fid-19-il Konferenza tal-Ministri tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Commonwealth li saret f’Nassau, il-Bahamas bejn it-22 u s-26 ta’ Gunju 2015 ittrattat il-ftuħ ta’ fora bejn l-għalliema, żgħażagħ u stakeholders oħra, l-innovazzjoni, il-multi-stakeholding, għanijiet post-2015 fi ħdan l-edukazzjoni, il-bżonn li tiġi iktar avvanzata l-edukazzjoni għolja fil-Commonwealth, il-ħtieġa ta’ kwalità fl-edukazzjoni, il-ħtigijiet fl-edukazzjoni bażika, l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impjiegi, it-titjib fit-tagħlim u fit-taħriġ kontinwu tal-għalliema, l-integrazzjoni tal-ICT fl-edukazzjoni, fis-sistemi kollha tagħha u f’oqsma differenti, l-implikazzjonijiet tal-kwalità fl-edukazzjoni, u l-ispejjeż u l-iffinanzjar involuti, u l-għaxar snin li ġejjin.
Rigward x’pożizzjoni ttieħdet, dawn huma l-iktar punti importanti li tqajjmu:
Il-Ministri għarfu r-rwol li l-edukazzjoni bikrija għandha bħala pedament għat-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll aspetti oħra relatati f’dar-rigward fosthom aspetti ekonomiċi u soċjali. Għalhekk il-bżonn ta’ investiment kontinwu kif jixraq f’dan l-istadju.
Inħasset ukoll il-ħtieġa li jissaħħu l-istituzzjonijiet pubbliċi, li jkun hemm sħubija mal-privat u s-soċjetà ċivili b’mod effettiv, pożittiv u kontabbli, sabiex il-komunità tkun moqdija aħjar.
Il-Ministri qablu li jkomplu jkabbru l-prattiċità fil-promozzjoni tal-gender mainstreaming ħalli jkun hemm ugwaljanza fil-ġeneri; dan jinkludi inqas ostakoli fejn tidħol l-edukazzjoni għall-bniet, kif ukoll iktar attenzjoni u impenn fejn jidħlu tfal li ma jkunux qed iġibu r-riżultati meħtieġa.
Il-Ministri ikkommettew irwieħhom li jagħmlu użu effettiv tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-ICT sabiex jiżguraw li l-edukazzjoni tkun ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u ekwitabbli. Kien hemm ukoll emfasi fuq l-online learning bħala għodda universali għall-edukazzjoni, u l-irwol tal-Commonwealth of Learning bħala mezz ta’ innovazzjoni u li jkun hemm:
· iktar appoġġ għall-iżvilupp tal-
lifelong learning
bħala fattur importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Commonwealth. Il-Ministri talbu sabiex ikun hemm iktar sforzi sabiex jintlaħqu iktar nies li ma komplewx l-iskola jew ma kellhomx aċċess għall-edukazzjoni bażika u li jixtiequ jkomplu l-iżvilupp professjonali tagħhom;
· iktar appoġġ għal boroż ta’ studju u
fellowships
mill-Commonwealth bħala mezz ta’ koperazzjoni u iktar mobilità bejn l-istati-membri, u kollaborazzjoni effettiva fir-riċerka;
· Commonwealth Education Ministers Action Group liema grupp ikollu wkoll rappreżentanza reġjonali.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25877, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aġenda u x’pożizzjoni ġiet meħuda fil-Unevoc-Delegazzjoni Ministerjali li saret fil-Ġermanja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aġenda kienet tinkludi laqgħa ma’ Dr Shymal Majundra, il-Kap tal-UNESCO UNEVOC. Matul din il-laqgħa ġie diskuss ix-xogħol tal-UNEVOC fid-diversi pajjiżi li hi rrappreżentata fihom. Fost oħrajn, ġew diskussi l-isfidi għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Id-delegazzjoni Maltija ppreżentat id-diversi inizzjattivi u programmi ġewwa Malta sabiex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jingħata l-importanza mistħoqqa. Permezz ta’ din il-laqgħa, ġie milħuq ftehim sabiex terġa’ tiġi attivata s-sħubija ta’ Malta, permezz tal-MCAST, bħala membru fi ħdan l-UNEVOC.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25877, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aġenda u x’pożizzjoni ġew meħudin waqt il- Ministerial Meetings in Madrid Political Dialogue 5+5?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-konklużjonijiet li ħarġu minn din il-Konferenza Ministerjali. Bħala segwitu għal din il-laqgħa ministerjali, Malta kompliet ikollha rwol attiv fejn ġew nominati żewġ uffiċjali biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Grupp ta' Uffiċjali Għolja (Senior Officials) imwaqqfa minn din id-Dikjarazzjoni. Il-laqgħa li jmiss ta’ dan il-Grupp se ssir fil-11-12 ta' Ottubru 2016. Din se tkun l-aħħar laqgħa qabel il-Konferenza Ministerjali li jmiss tal-5+5 ppjanata għal Marzu 2017 fit-Tuneżija. Din il-Konferenza Ministerjali hija mistennija li tappoġġa l-prijorità tal-Presidenza tagħna fuq il-PRIMA.
ETC – proċess ta’ rebranding – tenders, direct order jew assignments
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26318, jista’ l-Ministru jindika għalfejn hemm numru ikbar ta’ direct orders milli calls for tender għar-rigward ta’ Jobs+?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mitluba kienu urġenti u ta’ valur żgħir għal kull biċċa xogħol. Kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26318, xogħlijiet li huma akbar fil-valur u li l-konsum tagħhom huwa rikurrenti, ġew ikkummissjonati permezz ta’ sejħiet għall-offerti.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26332, jista’ l-Ministru jgħid meta dan ix-xogħol fi Triq il-Progress fil-Kalkara huwa previst li jibda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender biex isiru x-xogħlijiet neċessarji fuq din it-triq inħareġ u qiegħed jiġi aġġudikat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26537 u jinforma lill-Kamra jekk ingħatatx ordni sabiex il-makkinarju antik li jinsab fil-post li ntgħażel bħala Mużew Industrijali, u ċjoè l-Boiler Shop fit-Tarzna, jinġabar? Jekk iva, fejn ser jitpoġġa' dan il-makkinarju?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-makkinarju industrijali li jinsab fil-Boiler Workshop tat-Tarzna qed jiġi organizzat aħjar fi spazju definit fl-istess Workshop.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26535 u jgħid x'passi qegħdin jittieħdu mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġu protetti l-Pumping Station tan-No. 1 Dock u anke xi Overhead Cranes antiki li hemm f'xi mħażen, issa li l-post ingħata lill-privat?
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-Pumping Station tan-No. 1 Dock u anke xi Overhead Cranes antiki li hemm f'xi mħażen, issa li l-post ingħata lill-privat? X'passi qegħdin jittieħdu minn Heritage Malta sabiex dan il-wirt storiku industrijali ma jintilefx?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar li l-Pumping Station tad-Dock No. 1 ser tiġi restawrata skont Restoration Method Statement. Il-Cranes antiki li hemm f'xi mħażen ser jiġu konservati skont id-direzzjoni tas- Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Heritage Malta tidħol sabiex issalva makkinarju bħal dan (sa fejn ikun possibbli) jekk għal xi raġuni istituzzjonijiet regolatorji oħra ma jkunux sabu soluzzjoni alternattiva.
In vista tal-problema tal-light pollution f'Malta u Għawdex u tenut kont tar-riċerka ppubblikata x-xahar li għadda li tpoġġi lil Malta bħala wieħed mill-iżjed pajjiżi effettwati (per unit area) mil-light pollution, jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu minn dan il-Gvern sabiex jittaffew l-effetti ta' din il-problema li ġġib magħha ħela ta' enerġija kif ukoll impatti negattivi fuq l-ambjent?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur li għaddew kien inbeda proċess mill-MEPA bi twaqqif ta’ Kumitat Konsultattiv fuq dan is-suġġett sabiex jitressqu proposti u linji gwida dwar dan. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ser tkun qed tieħu passi minn naħa tagħha la darba jiġi konkluż ix-xogħol ta’ dan il-kumitat.