Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann – Vjal ir-Rihan – Traffic lights — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-traffic lights ta’ Vjal ir-Rihan, San Ġwann, isirilhom ix-xogħol meħtieġ biex jinxtegħlu kif suppost peress li qegħdin fi triq arterjali u issa ilhom numru ta’ ġimgħat bil-ħsara?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffic lights ta’ Vjal ir-Rihan mhumiex bil-ħsara iżda ġew maqluba fuq flashing amber mode bħala parti mill-miżuri tal-imanniġġjar tat-traffiku li ġew introdotti minħabba l-Proġett tal-Kappara. Għall-benefiċċju tal-Membri tal-Kamra kif ukoll tal-pubbliku, skont il-Kodiċi għat-Traffiku fit-Triq (Highway Code), ‘flashing amber mode’ ifisser ‘għaddi b’kawtela’. Fi kliem ieħor ‘flashing amber mode’ ibiddel ir-regolamenti ta’ pelican crossing għal dawk ta’ zebra crossing u ċioe’ li xufiera għandhom jieqfu meta jaraw n-nies jistennew biex jaqsmu.

Għajn Tuffieħa — parkeġġ fiż-żona

Question

Jista' l-Ministru jara li jkunu infurzati regolamenti tat-traffiku relatati mal-parkeġġ fiż-żona tal-bajja biswit Riviera Martinique, limiti ta' Għajn Tuffieħa, fejn qed ikun hemm abbuż fuq parkeġġ riservat għall-persuni b'diżabilità u minflok qed jitħallew jipparkjaw muturi u vetturi oħra mhux ta' persuni b'diżabilità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kemm il-Pulizija tas-Sezzjoni tat-Traffiku kif ukoll tad-Distrett ġew infurmati biex iżidu r-rondi fiż-żona indikata mill-Onor. Interpellant biex barra kontravenzjonijiet normali tat-traffiku, jaraw li ma jkunx hemm abbużi fuq parkeġġi riservati għall-persuni b'diżabilità fejn allegatament jipparkjaw muturi u vetturi oħra ta' persuni mhux b'diżabilità.

Jobsplus — aċċessibilità tal-post

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni b’diżabilità hux qed ikollhom problemi ta’ aċċessibilità meta jmorru Jobsplus? Jekk dan huwa minnu, jista’ jindika x’qed isir biex is-sitwazzjoni tiġi solvuta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li Jobsplus qegħda topera mill-istess binja li kienet topera fiha l-ETC fl-amministrazzjoni preċedenti. Infurmat li Jobsplus ma kellha ebda ilment ta’ nuqqas ta’ aċċessibilità. Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi ilmenti nitolbu jgħaddihomli biex niżgura li jiġu indirizzati.

Transport Malta – permessi għall-konnessjonijiet tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-toroq individwalment, fejn Transport Malta ħarġet permessi biex isiru konnessjonijiet tad-drenaġġ (house connections) f'San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sitt xhur?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej: Triq il-Bekkum Triq San Ġwann Battista Triq il-Port Ruman Triq it-Tamar Misraħ il-Bajja Triq il-Gandofli Triq J.Guintinus Triq il-Fekruna Triq il-Luzzu Triq il-Makku Triq in-Nakkri Triq il-Maskli Triq il-Qawra Triq il-Qalb ta’ Ġesu' Triq San Pawl Triq Toni Bajada
Leg 12 PQ #26661 Sitting 418 2016-07-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħlas ta’ 50 ċenteżmu kuljum minn kull turist

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu sa issa, il-fondi li nġabru permezz tal-ħlas tal-50 ċenteżmu kuljum mingħand kull turist li jżur pajjiżna? Kemm kien il-ġbir minn kull lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar liema proġetti ġew proposti sa issa biex jiġu ffinanzjati minn fondi li jinġabru permezz ta' din l-iskema? Meta hu mistenni li jsiru l-ewwel applikazzjonijiet biex dawn il-proposti jiġu mwettqa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, filwaqt illi nifhem illi huwa herqan illi jara l-frott ta’ din il-mizura tant tajba u f’waqtha ta’ din l-Amministrazjoni, l-eko-kontribuzzjoni dahlet fis-sehh biss fl-20 ta’ Gunju li ghadda u dana minhabba mandate ta’ inibizzjoni li kien sar minn xi whud fit-30 ta’ Mejju 2016 u li kien gie eventwalment michud mill-Qorti. Il-Kummissjaru tat-Taxxi huwa responsabbli mill-ġbir ta’ din il-kontribuzzjoni li ser isir kull tlett xhur. Dan b’eccezzjoni ta’ l-ewwel termini li minhabba koncessjonijiet li nghataw lill-operaturi li obbligati jigbruha minghand it-turist, dan il-perjodu ser ikun ta’ hames xhur u per konsegwenza jaghlaq fl-ahhar tax-xahar ta’ Ottubru 2016. Fir-rigward ta’ taghrif dwar liema progetti gew proposti sa issa, nitlob lill-Interpellant jaghmel referenza ghat-tieni parti tat-twegiba għad-domanda Parlamentari bin-numru 25761.
Leg 12 PQ #26662 Sitting 418 2016-07-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – spezzjonijiet mill-PA dwar l-open plots

Question

Billi jidher li l-PA ma wettqitx spezzjonijiet biżżejjed fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar, għal dak li jikkonċerna l-open plots, u billi dawn l-istess plots huma viżibbli minn bosta nħawi ta' dawn l-istess lokalitajiet, jista' l-Prim Ministru jitlob lill-PA biex tagħmel spezzjonijiet fuq it-toroq kollha ta' dawn il-lokalitajiet biex jiġi stabbilit liema minnhom fil-fatt hemm il-ħtieġa li jingħalqu minħabba l-ħmieġ li fihom, u dan a skapitu ta' residenti u persuni oħra li fil-fatt jiffrekwentaw dawn l-istess inħawi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt informat mill-Awtorita tal-Ippjanar li b'riferenza għal din il-Mistoqsija Parlamentari u anke għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari oħra li saru fuq dan is-suġġett, mhux kull open plot huwa meħtieġ li jingħalaq b'ħajt jew metodu ieħor. Il-ħtieġa ta' għeluq tinħoloq meta jkun hemm ħsara jew inkonvenjent fiz-zona tal-madwar u, f'dawk il-każi, l-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista' tuża l-poteri li għandha skont artikolu 99 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Fuq il-kwistjoni ta' ħsara jew inkonvenjent, l-Awtorità tirċievi ilmenti mingħand diversi entitajiet governattivi, kunsilli lokali, residenti u persuni oħra li jitolbu lill-Awtorità tintervjeni meta jkun il-każ. Għaldaqstant, l-Awtorità temmen li huwa aktar utli u logiku illi tispezzjoni dawk is-siti li verament qed joħolqu ħsara u inkonvenjent u mhux is-siti kollha mhux żviluppati li jeżistu madwar Malta u Għawdex. Jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b'xi siti speċifiċi li jimmeritaw azzjoni mill-Awtorità, huwa mħeġġeġ sabiex jagħti tali informazzjoni (anke b'mod kunfidenzjali) lil min hu konċernat.

Jobsplus — Skills Centre u Trade Skills Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus u possibbilment b'liema fondi nbnew l-iSkills Centre u Trade Skills Centre fil-Jobsplus? Għal liema użu qegħdin dawn iċ-ċentri assenjati bħalissa, u jista' jindika dawk għall-futur? Jista' jagħti lista tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus toffri korsijiet skont id-domanda: (1) tal-industrija u (2) tal-parteċipanti, jiġifieri dawk il-persuni li juru interess fil-korsijiet offruti minn Jobsplus. Din is-sena Jobsplus ippjanat il-korsijiet li jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Jobsplus ħa tibqa’ toffri dawn il-korsijiet flimkien ma’ korsijiet oħrajn ġodda skont il-ħtieġa tas-suq tax-xogħol u tal-klijenti tagħha. Rigward il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għall-estensjoni tal-binja ġewwa t-Training Complex, infurmat li din l-estensjoni saret fl-2007 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).
Leg 12 PQ #26669 Sitting 418 2016-07-13 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Madliena – Ta’ Stronka — konsultazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’wassal lill-Gvern biex jagħti struzzjonijiet lill-MEPA biex toħroġ avviż fil-gazzetti għal rispons u feedback dwar konsultazzjoni dwar reviżjoni għall-pjan tal-iżvilupp taż-żona Ta’ Stronka, fil-Madliena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli membru għar-risposta għal mistoqsija 26668. It-tibdil huwa maħsub biex jipproteġi l-wirt storiku li hemm fuq dan is-sit, liema wirt kien ippjanat li jinqered taħt il-pjan attwali approvat fl-2006.

Buġibba/Qawra – venda tal-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' xogħol qed isir bħalissa fil-venda tal-karozzi tal-linja f'Buġibba/Qawra? Billi f'din il-venda qed ikun hemm numru sostanzjali ta' persuni jistennew mingħajr ma għandhom post kbir biżżejjed biex jistkennu mill-elementi, jista' jagħti tagħrif dwar jekk TM hux ser tkun qiegħda tagħmel xi forma ta' shelter iktar tajjeb għall-protezzjoni tal-passiġġieri, iktar u iktar meta wieħed iqis li għal bosta ħin ma jkunx hemm karozzi li fihom ikunu jistgħu jitilgħu l-istess passiġġieri?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fil-venda tal-karozzi tal-linja f'Buġibba/Qawra kien jikkonsisti f’tibdil ta’ l-uċuh tal-bus bays li hemm fl-istess venda. Ninsab infurmat li dan ix-xogħol tlesta u li issa l-venda qed topera lura għan-normal. F’din il-venda hemm tinda kbira kif ukoll żewġ bus shelters li jservu ta’ kenn mill-elementi għal dawk il-passiġġieri li jkunu qed jistennew sabiex jirkbu l-karozza tal-linja.

Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bus shelters ġew imqiegħda f'posthom matul l-aħħar tliet snin fil-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar? Liema shelters oħra għad iridu jitwaħħlu, u meta hu mistenni li dawn fil-fatt jitqiegħdu f'posthom? B'mod partikolari, jista' jieħu l-passi neċessarji biex jitwaħħal bus shelter fi Triq il-Qawra, fejn hemm l-istage li jiġi qrib tal-Park tas-Salina, u wkoll li jitqiegħed shelter ieħor, hekk kif toħroġ mil-lights ta' San Pawl il-Baħar, minn fejn kontinwament ikun hemm numru sostanzjali ta' persuni jistennew biex jirkbu l-karozza tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Fir-rigward ta’ l-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 18863 u 24652 rispettivament. Infurmat li huwa ippjanat li mill-aktar fis possibli jitwaħħlu dawn il-bus shelters fil-lokalitjiet hawn taħt imsemmija: Isem tal- Bus Stop u numru Isem tat-Triq Lokalita’ Sajf (947) Dawret il-Gżejjer Qawra/ Bugibba Luzzu (951) Dawret il-Qawra Qawra/ Bugibba Kennedy (1024) Kennedy Drive San Pawl il-Bahar Nutar (1088) Triq tal-Balal Naxxar Nutar (1151) Triq tal-Balal Naxxar

Salini – xogħol marbut mat-tindif tas-sukkors

Question

Billi fil-mezzi ta' komunikazzjoni kien rappurtat li x-xogħol marbut mas-Salini, limiti ta' San Pawl il-Bahar, issa tlesta, jista' l-Ministru jagħti tagħtif dwar jekk fil-fatt ix-xogħol marbut mat-tindif tas-sukkors, b'mod partikulari fin-naħa ta' Kennedy Grove, hux ser jitlesta, jew jekk hux ser jibqa’ kif inhu, u ċjoè, mhux komplut? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li din il-parti tas-Salina baqgħet ma tnaddfitx kompletament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet għamlu xogħol ta' tindif fil-parti tas-Sukkors li kienet imblukkata bl-alka u materjal ieħor li nġarr mill-kurrenti. F'din l-operazzjoni tneħħa wkoll pipe antik bla użu li kien qed jaqsam il-wisa‘ sħiħa tal-kanal u li kien qed ikun kaġun ta' ħafna minn dan l-imblokk fid-daħla tal-kanal. Bis-saħħa ta' dan ix-xogħol iċ-ċirkulazzjoni tal-ilma fis-Sukkors reġgħet ġiet restitwita. Fir-rigward tal-parti li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, jiġifieri għas-Sukkors il-wiesgħa, n-naħa tal-Qawra, jien infurmat li dan mhux imblukkat. Matul is-snin xi materjal inġemgħa mal-ġenb tas-Sukkurs il-wiesgħa taħt il-ħitan ta‘ barra tas-Salina, fejn hemm veġitazzjoni stabbilita li ma tippermettix li dan il-materjal jitneħħa.

Tarxien – Triq il-Palma – sinjali ta’ għeluq u devjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li sinjali varji ta’ għeluq u devjazzjonijiet varji tat-trasport li kienu saru fil-passat fi Triq il-Palma, Tarxien, jitneħħew billi jidher li ma għadx hemm iktar bżonn tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għad fadal xogħol xi jsir fiż-żona msemmija.

Marsascala Primary School – Non-Maltese Speaking Parents – Teaching Maltese Language to Adults

Question

With reference to the reply to the parliamentary question 26333, could the Minister kindly direct that the lessons to be held by the Directorate for Lifelong Learning be delivered, preferably, in the mornings? (Can this reply be also given in the English language)

Response (BARTOLO, EVARIST)

The Hon. Member may wish to note that the Directorate for Lifelong Learning offers morning courses in Maltese as Foreign Language at the Msida Lifelong Learning Centre. Other courses are also organised on demand as requested by various NGOs and Local Councils. Applications are open from 12 July to 7 August. The full course offer is available on www.lifelonglearning.gov.mt

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali — sejħiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk tul din is-sena huwiex ser ikun hemm sejħiet ġodda fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u jekk iva, jista’ jindika f’liema pożizzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li din is-sena ħarġet sejħa għal grad ta’ avukat trainee u ġew impjegati ħames avukati u fil-prezent qegħda tiġi pproċessata sejħa għall-Assistent Legali fil-Justice Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Mhux eskluz li jinħarġu sejħiet oħra biex ikompli jissaħħaħ dan l-uffiċċju.
Leg 12 PQ #26680 Sitting 418 2016-07-13 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli – servizz ta’ wifi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema swali tal-Isptar Monte Carmeli hemm il-faċilità elettronika tal-wifi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-Isptar Monte Carmeli hemm facilitajiet ta’ wi-fi fil-gnien principali.

Kunsilli lokali — xogħlijiet

Question

Billi mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25985 jirriżulta li sar xogħol mill-Gvern f'inħawi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet oħra li saru mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fil-fatt kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali ta’ fejn sar ix-xogħol? Kemm kienet in-nefqa nvoluta? Proġetti bħal dawn, kif jintgħażlu biex isiru mill-Gvern minflok mill-kunsill lokali rispettiv?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li m’għandi xejn xi nżid mal-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 25985, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni mogħtija fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 25505, 25506 u 25507 għal dak li għandu x’jaqsam man-nefqa tax-xogħlijiet. Dawn ix-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali u fondi pubbliċi.

Il-Pitkalija — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-xogħlijiet fil-Pitkalija li mistennija li jsiru matul din is-sena? Billi matul waħda mis-seduti parlamentari riċenti kien hemm indikazzjoni li l-istess Pitkalija tista' b'xi mod tiġi żviluppata għal użu differenti, jista' l-Ministru jindika x'tip ta' żvilupp ieħor jista' jsir fil-Pitkalija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet tal-Pitkalija. Biex jagħmel dan bħalissa qed isir eżerċizzju ta’ titjib u immodernizzar tal-Pitkalija kif meħtieġ. Għal din is-sena l-Gvern ħaseb li jagħmel xogħol ta’ ristrutturar u titjib fl-infrastruttura tax-sheds tal-Pitkala. Biex isir dan, tnediet sejħa għall-offerti li tinkludi: bdil tal-art, irranġar tas-soqfa u bdil tax-sheeting tas-saqaf, irranġar tal-ħitan u rranġar tal-platforms. Din is-sejħa għall-offerti qiegħda fil-fażi tal-evalwazzjoni. B’dawn ix-xogħolijiet u xogħolijiet oħra li għad iridu jsiru fil-pitkalija, il-Gvern qed iwettaq wegħda elettorali li jtejjeb l-operazzjoni tal-Pitkalija biex jassigura trasparenza, effiċjenza u titjib fil-prodott. Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-Pitkalija u l-importanza tagħha għall-bdiewa, pitkala u xerrejja. Għalhekk inserraħ ras l-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda ħsieb li neliminaw dan il-lok iżda bil-kontra aħna qed naħdmu biex din tissaħħaħ għall-benefiċċju tas-settur fil-waqt li nħarsu ‘l quddiem lejn opportunitajiet li jikkumplimentaw ix-xogħol siewi li qed isir mill-bdiewa u l-pitkala billi inżidu iktar xogħol ta’ valur miżjud. Jekk kien hemm xi ħadd li ma żammx kelmtu mal-bdiewa, pitkala u xerrejja kienet l-amministrazzjoni preċedenti li ilha twiegħed riforma fil-pitkalija sa mis-sena 2008 imma minn dan kollu ma sarx xejn jew ftit li xejn.

Burmarrad – masġar ta’ siġar indiġeni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema parti ta' Burmarrad hu mistenni li jkun hemm masġar ta' siġar indiġeni, kif ġie rrapportat fuq ċertu mezzi tax-Xandir wara s-sessjoni ta' ‘Gvern li Jisma’’, dwar il-Ministeru? Jista' jagħti iktar tagħrif dwar ir-rapport ta’ “mini Buskett” kif ġie rrapportat illum, f’mezzi oħra tax-Xandir? Liema area hi mistennija li tinbidel f’hekk, u ma’ min saru l-konsultazzjonijiet s’issa? Minn min hu magħmul il-kumitat li qed jaħdem fuq dan il-masġar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li għadhom għaddejjin diskussjonijiet fuq il-proġett u għalhekk ma jkunx għaqli li niddelibera bħalissa. Għalhekk l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Reserved Parking — lokalitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn huma l-kaxxi tar-Reserved Parking, il-Communal Reserved Parking għall-persuni b'diżabilità, il-Loading/ Unloading Bays u kull forma oħra ta' Reserved Parking li huma approvati minn Transport Malta, triq b’triq, f'San Pawl il-Baħar, lokalità b’lokalità? Kemm tali spazji ġew approvati u kemm spazji ġew deċiżi li jitneħħew matul l-aħħar sena? F'liema toroq, f’kull każ separatament?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Liċenzji tas-sewqan ta’ vetturi fuq l-art

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li ngħataw il-liċenzja tas-sewqan ta’ vetturi fuq l-art matul l-aħħar tliet snin? Kemm minn dawn kienu Maltin, u kemm kienu barranin? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-kategorija tal-liċenzja? Kemm kien hemm xufiera li tneħħitilhom il-liċenzja minħabba punti mitlufa, għax kisru l-liġi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li ngħataw il-liċenzja tas-sewqan ta’ vetturi fuq l-art matul l-aħħar tlett snin huwa hekk kif ġej: Minn Jannar sa Diċembru 2014 – 6,500 persuna ġabu l-liċenzja Minn Jannar sa Diċembru 2015 – 6,675 persuna ġabu l-liċenzja Minn Jannar sa Ġunju 2016 – 3,601 persuna ġabu l-liċenzja Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.