Jista' l-Ministru jara li terġa' titpoġġa skip fiż-żona tas-Salina ħdejn l-islip way biswit is-salini tal-melħ limiti tas-Salina u jara ukoll li t-tindif taż-żona jibqa' jsir b'mod regolari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser isiru l-arranġamenti minn naħa tad-Direttorat tas-Servizzi tat-Tindif biex titpoġġa skip fis-sit imsemmi. L-istess Direttorat ser jieħu ħsieb li din l-iskip titnaddaf b'mod regolari. Dan l-arranġament jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun hemm ftehim mod ieħor ma’ Ministeri u entitajiet oħra.
Jista' l-Ministru jindika meta se jitkompla x-xogħol tar-railings fiż-żona residenzjali tas-Salina, liema railing issa kien hemm qbil xhur ilu mar-residenti li x-xogħol seta' jitkompla?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qbil bejn ir-residenti u Transport Malta seħħ ix-xahar li għadda, ċioe’ f’Ġunju, u mhux kif qed jiġi mplikat, xhur ilu. Immedjatament wara li ntlaħaq dan il-qbil, Transport Malta bdiet il-proċess li tordna x-xogħol.
Jista' l-Ministru jara li s-sinjali tat-traffiku fil-parkeġġ biswit iż-żona tal-bajja li tinsab fejn qabel kienet ir-Riviera Martinique, limiti ta' Għajn Tuffieha, jerġgħu jinżebgħu sabiex ikunu aktar viżibbli?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li jekk hemm bżonn tiswijiet fuq l-apparat li jipprovdi l-arja kkundizzjonata fl-Isptar Boffa u x'manutenzjoni oħra li qed tikkawża inkonvenjent għall-anzjani fl-imsemmi sptar isiru mill-aktar fis possibbli?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li daħallu l-ilma tax-xita fil-proprjetà tiegħu minħabba ħsara fix-xibka?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi minnu qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Dipartiment tas-Sanità — kċina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tas-Sanità fil-kċina tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-snin 2014, 2015 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda parlamentari lill-ministeru konċernat.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Division 1 – provvista ta’ ilma
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li f'Division 1 ġewwa l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin hemm problema ta’ provvista ta’ ilma? Jista’ jgħid x’qed jikkawża din il-problema u kemm ilha għaddejja? Jista’ jikkonferma li konsegwenza ta’ din il-problema l-priġunieri ma setgħux jużaw ix-showers għal diversi ġranet u biex jinħaslu kellhom jinqdew b'pipe? Jista’ jikkonferma li minħabba din il-problema ta’ provvista ta’ ilma f'Division 1, il-flushings fiċ-ċelel tal-priġunieri ma kenux qed jimtlew bl-ilma għal diversi ġranet bil-konsegwenza li l-priġunieri ma setgħux jagħmlu użu mill-flushing fiċ-ċella tagħhom għal diversi ġranet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dawn l-aħħar ġranet kien hemm problema ta’ provista tal-ilma fid-Division 1 tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin. L-awtoritajiet tal-Faċilità mill-ewwel ħadu passi sabiex jiġi stabbilt x’kien qed jikkaw¿a din il-problema sabiex tkun tista tiġi irrimedjata. Sakemm ġie stabbilit x’kien li qed jikkawża l-problema kien irrakomandat illi jittieħdu miżuri sabiex jiġi ikkontrollat il-konsum tal-ilma fl-istess Division u dan peress li l-pressa tal-ilma li jasal għad-Division ma kienetx qed tlaħħaq mal-konsum qawwi. Sadanitant ittieħdu passi sabiex it-tankijiet tal-ilma tal-istess Division jiġu fornuti bl-ilma kuljum. Wara ħidma intensiva mill-uffiċjali tal-Faċilità flimkien ma’ ħaddiema tal-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-ilma ġie stabbilt minn fejn kienet qed toriġina il-problema u din giet irrimedjata immedjatament. Is-sitwazzjoni giet għan-normal.
Billi jidher li l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi għandha numru ta' proġetti li tixtieq twettaq, kif ġie rrapportat fil-media, naturalment pending il-finanzjament tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li l-istess fondazzjoni daħħlet biex ikunu jistgħu jsiru, lokalità b’lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' finanzjament għandha jew se jkollha l-fondazzjoni biex tkun tista' twettaq dawn il-proġetti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qabel xejn, u qabel kwalukwe tweġiba, jindika b’mod ċar u b’referenzi ċari għas-sors u x’ġie rrappurtat fil-media hekk kif qed jindika hu fid-domanda tiegħu.
Billi f'risposta parlamentari li wieġeb il-Ministru għat-Trasport din il-ġimgħa ngħad li r-regolamenti dwar il-clamping u t-towing kienu ser jinbidlu u li Transport Malta (TM) kienet fil-proċess li tixtri ammont ta' clamping devices, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li din il-parti tal-liġi ser tgħaddi taħt il-kontroll ta' TM? Jista' l-istess Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hu jew xi Ministru ieħor, qed iressqu emendi għall-Avviż Legali 65.13 li sa issa jaqa' taħt ir-responsabilità tal-Pulizija, biex din il-parti tal-liġijiet ta' Malta tibda tiġi regolata minn TM? Jekk iva, meta ser iseħħ dan it-tibdil?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi qed jikkordina laqgħa bejn dawk kollha konċernati dwar triq 'il quddiem.
Water Services Corporation – konnessjoni tad-drenaġġ
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26446, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li fejn kien hemm każi ta' xogħol fuq house connections, li mhumiex fil-lista li ġiet imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26245, dan ifisser li fil-fatt TM ma tatx permessi għal tali xogħol u li allura l-WSC ma setgħetx tkun taf bl-istess xogħol? Għal dak li jirrigwarda x-xogħol fuq il-lista ta' house connections li fil-fatt ingħatat fid-domanda msemmija, jista' jikkonferma li l-WSC tara wkoll li l-wiċċ tat-triq li jkun involut ikun sar kif suppost? Mingħajr ma nippretendi (almenu għalissa) li jinqala’ l-wiċċ tat-triq, fid-dawl tal-fatt li n-numru ta' permessi indikati huma ftit, jista' jitlob lill-WSC terġa’ tispezzjona l-istess uċuħ, għaliex hu faċli li fuq il-post wieħed jinduna li l-wiċċ għandu bżonn jerġa’ jsir?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li dan hu proċess fejn il-kuntrattur japplika direttament mat-TM, u hija TM li torbot lill-kuntrattur bil-kundizzjonijiet neċessarji. Il-Korporazzjoni tkun taf b’dawn il-permessi meta dawn jidhru fuq is-sistema ta’ TM.
Il-permessi kollha li jirrigwardaw
drainage house connections
li rċeviet il-Korporazzjoni permezz tas-sistema tal-permessi fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar, huma dawk imniżżla fir-risposta parlamentari 26245. Il-Korporazzjoni għamlet l-ispezzjonijiet meħtieġa biex tara li l-konnessjoni saret kif suppost mingħajr ebda ħsara fuq il-main tad-drenaġġ.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’hijiex responsabbli għal kwalita’ tal-wiċċ tat-tarmac li ġie mogħti. Il-kwalita’ hija regolata minn TM anke fil-permess innifsu.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26373, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għar-rigward l-irziezet imsemmija ġietx identifikata art fejn jistgħu jiġu rilokati, u jekk iva, x’passi u proċeduri qegħdin jittieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li giet identifikata art fejn l-irziezet imsemmija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26373 jkunu jistgħu jiġu relokati. Din l-art tinsab fil-limiti tas-Siġġiewi. Fuq din l-art, il-Gvern kiseb permess ‘outline development’ u bħalissa qiegħed fil-proċess li jissottometti applikazjoni ‘full development’ għal dan il-proġett ta’ rilokazzjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23063 u jgħid jekk il-mara tiegħu qattx siefret mingħajr il-Prim Ministru fuq xogħol uffiċjali tal-Gvern u jekk iva, fejn siefret, meta u f’kull każ jista’ l-Prim Ministru jagħti break down ta’ kemm kienu l-ispejjeż għal titjiriet, trasferimenti, lukandi, ikliet u per diem għal dan is-safar tagħha?
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se tibda tintuża l-wing il-ġdida tas-sixth form f'Għawdex u dan peress li din il-parti kellha tibda tintuża xhur ilu iżda sal-lum jidher li għadha ma bdietx tintuża? Jista' jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol kollu fuq din il-wing il-ġdida u liema kuntratturi għamlu dan ix-xogħol u kemm tħallas kull kuntrattur?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-wing il-ġdida tas-Sixth Form f'Għawdex tlestiet u diġà qed tintuża. Infurmat li x-xogħol li ġie ċċertifikat s'issa jammonta għal €1,959,520.69. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kuntratturi kif ukoll kemm tħallas kull kuntrattur li għamel xogħol fl-imsemmija skola.
Attachments:PQ 26697 - Ghawdex - Sixth Form - lista tal-kuntratturi u kemm thallas kull kuntrattur.pdf
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-isteering committee għad-Dwejra li għadu kif twaqqaf wara tliet snin li tħalla mhux attiv, m’hemmx rappreżentant tal-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz li fil-konfini tiegħu taqa' d-Dwejra? Jista' jgħid għaliex fuq dan il-kumitat, in-numru ta' Maltin fuqu huwa ferm akbar min-numru ta' Għawdxin meta se jieħu ħsieb sit f'Għawdex? Jista' jispjega għalfejn pereżempju hemm rappreżentant tal-MHRA u mhux tal-Gozo Tourism Association?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-kumitat inżamm iffukat fuq Awtoritajiet, Ministeri u Dipartimenti nazzjonali għal dan is-sit li huwa ta’ importanza nazzjonali u internazzjonali. Dan il-Kumitat ser ikollu konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra, li huma meqjusa importanti ħafna sabiex jintlaħaq l-għan komuni tal-ħarsien u l-immaniġġjar ta’ dan is-sit ta’ wirt dinji.
Bid-dovut rispett, l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx l-iskop ta’ dan il-kumitat. Għandu jiġi mgħarraf li s-sit tad-Dwejra huwa ddikjarat bħala sit Natura 2000. L-iskop ewlieni ta’ dan il-kumitat li huwa kkappeġġjat mill-Professur Timmy Gambin li jispeċjalizza fuq l-arkeologija Marittima huwa li jimplimenta l-management plan imħejjija mill-ERA u dan skont il-ligi.
Japprezza ukoll l-Onor. Interpellant li l-Kunsill ta’ San Lawrenz mhuwiex l-unika Kunsill Lokali f’Għawdex li jinkludi terittorju ta’ dan is-sit fil-konfini tiegħu. Japprezzax ukoll l-Onor. Interpellant li fiċ-ċirkostanzi huwa kollox irrelevanti u non sequitur kemm hemm Maltin jew Għawdxin fuq dan il-kumitat. Jgħarafx ukoll l-Onor. Interpellant li fuq dan il-kumitat diġa’ hemm rappreżentanza mill-Awtorita’ tat-Turiżmu u li ghalhekk dan is-settur huwa diġa’ ben rapprezentat. L-Interpellant għandu jkun jaf ukoll li dan non ostante ser issir laqgħa kordjali bejni u r-rappreżentanza tal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz fuq il-kwistjoni biex jiġi deċiż jekk hux opportun ukoll li dan il-Kunsill ikollu rappreżentanza f’dan il-kumitat.
Il-Mellieħa, Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – reserved parking bays
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn kien irrakkomandat li titneħħa reserved parking bay, fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 12-il xahar? F’liema toroq kienu dawn il-bays li ġew irrakkomandat li jitneħħew? Kemm minn dawn l-istess bays reġgħu ġew approvati u Transport Malta talbet li jerġgħu jinżebgħu l-istess bays? F’kull każ, x’kienet ir-raġuni li għaliha wara li kien rakkomandat li jitneħħew ċertu bays imbagħad reġa’ ġie rrakomandat li jerġgħu jinżebgħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u l-Imġarr ma kien hemm l-ebda reserved parking bay li tneħħa skont ir-rekords ta’ Transport Malta.
Il-parking bays indikati fil-lista ġew imneħħija wara li l-applikanti mietu jew bidlu r-residenza tagħhom. Kien hemm każ wieħed biss fejn ir-reserved parking bay reġa ġie mplimentat wara li l-applikant għamel appell lir-Review Panel tal-Bord Persuni b’Diżabbilta’ – tali parkeġġ jinsab fi Triq San Publiju, San Pawl il-Baħar.
Ta’ Qali – Pitkalija – kaxxi ta’ ġarr ta’ prodotti agrikoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibdew jintużaw kaxxi ġodda għall-ġarr ta’ prodotti agrikoli, mill-bdiewa għall-Pitkalija f’Ta’ Qali? Kemm kaxxi ġodda nxtraw matul dawn l-aħħar 12-il xahar, u kemm kaxxi ġodda oħra huma mistennija li jinxtraw matul it-12-il xahar li ġejjin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn l-aħħar 12-il xahar, jiġifieri minn Lulju 2015 sa Ġunju 2016, ġew mixtrija 71,146 kaxxa ġdida, li diġa’ qegħdin jintużaw. Wara sejħa għall-offerti gie ffirmat kuntrat għal perjodu ta' 3 snin, li permezz tiegħu jistgħu jinxtraw kaxxi kull meta jinħass il-bżonn.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-każ ta’ dak l-ikel li jiġi mill-Ewropa (u li għadu jiġi), dak li kien jibqa’ wara li jitqassam kien fil-fatt jingħata lil xi stituti, u issa dan m'għadux jingħatalhom? Jekk dan hu l-każ, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan l-istess ikel li jibqa’ żejjed hux qed jintrema? Jekk iva, x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skont kif hemm stabbilit fil-Progranmm Operattiv tal-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn għall-2014-2020 (FEAD) maqbul bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea, dawk il-pakketti tal-ikel li ma jinġabrux minn familji eliġibbli waqt it-tqssim li jsir, jiġu merfugħa u mqassma mill-ġdid fid-distribuzzjoni ta’ wara. B’hekk qed jiġi żgurat li l-ebda ikel ma jintrema. L-ikel li qed jitqassam taħt dan il-programm, li hu ko-finanzjat kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn Malta, mhux qed jiġi mill-Unjoni Ewropea iżda qed jinxtara minn Malta.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, meta kienu qed isiru l-preparamenti neċessarji biex jinxtara u jibda jitqassam dan l-ikel f’Malta u Għawdex, qagħdna ħafna attenti li l-ikel li jitqassam ikollu
long shelf life
biex b’hekk ma jkunx hemm bżonn li dan jiġi kkunsmat f’perijodu relattivament qasir.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26253, billi mill-1 ta' Ottubru 2015, il-gwardjani lokali bdew jiġu amministrati mill-Gvern Ċentrali, jista' l-Ministru jassigura li dawn l-istess gwardjani jingħataw inkarigi marbuta ma' ġbir, jew rimi ta' skart?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru huwa favur li r-rimi ta’ skart domestiku jiġi regolat skond dawn ir-regolamenti, kif ukoll huwa favur li każijiet ta’ littering għandhom ukoll jiġu nfurzati taħt dawn ir-regolamenti. L-prerogattiva tal-infurzar hija f’idejn il-Kunsilli Lokali filwaqt li l-immaniġjar tal-Gwardjani Lokali jaqa’ ukoll taħt il-Ministeru responsabbli mill-Gvern Lokali u ta’ dan nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Madanakollu l-Interpellant ghandu jkun jaf li bhalissa qed isir ir-ristrutturar tal-Awtorità magħrufa bħala ERA u li jien tajt direzzjoni politika ċara sabiex jigi msaħħaħ l-aspett ta’ infurzar ta’ din l-awtorità.
Ħal Tarxien – Triq Birżebbuġa – asfaltar ta’ gandott
Question
Jista’ l-Ministru jordna tiswijiet urġenti, inkluż asfaltar tal-gandott li żviluppa bl-inżul tat-triq, fil-parti ta’ fuq ta’ Triq Birżebbuġa f’Ħal Tarxien, minħabba li hu ta’ periklu kbir għas-sewwieqa u jista’ jkun ta’ ħsara għar-residenzi tal-familji f’din il-parti tat-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.