Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju wasal il-proċess għar-reklutaġġ ta’ Uffiċjal Kap Operattiv (Chief Operating Officer) fi ħdan l-MFSA? Jista’ jindika kemm hemm applikanti u minn min hu magħmul il-bord tal-għażla?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proċess ta' rekluttaġġ għall-pożizzjoni ta' Uffiċjal Kap Operattiv (Chief Operating Officer) fi ħdan l-MFSA għadu ma ġiex konkluż. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Membru hija ta' natura kunfidenzjali u ma jkunx fl-interess tal-MFSA u tal-applikanti li din tkun ippubblikata. Il-proċess ta' proċedura għal kull reklutaġġ fi ħdan l-MFSA huwa deskritt fl-iStaff Handbook tal-MFSA. Bhal f’kull każ ta’ reklutaġġ ieħor, fit-tmiem ta’ kull proċess, l-MFSA tipprovdi rapport iddettaljat lill-Jobsplus (li kienet ETC), b’kopja lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi u kopja lill-PAHRO skont il-proċedura.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju wasal il-proċess għar-reklutaġġ ta’ Direttur tal-Unità Legali fi ħdan l-MFSA? Jista’ jindika kemm kien hemm applikanti u minn min hu magħmul il-bord tal-għażla?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proċess ta' reklutaġġ għall-pożizzjoni ta' Direttur tal-Unità Legali fi ħdan l-MFSA għadu ma ġiex konkluż. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Membru hija ta' natura kunfidenzjali u ma jkunx fl-interess tal-MFSA u tal-applikanti li din tkun ippubblikata. Il-proċess ta' proċedura għal kull reklutaġġ fi ħdan l-MFSA huwa deskritt fl-iStaff Handbook tal-MFSA. Bħal f’kull każ ta’ reklutaġġ ieħor, fit-tmiem ta’ kull process, l-MFSA tipprovdi rapport iddettaljat lil-Jobsplus (li kienet ETC), b’kopja lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi u kopja lill-PAHRO skont il-proċedura.
Tista’ l-Ministru tara jekk hemmx kollox skont kif suppost fil-ħlas li qed titħallas il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li taħdem bħala cleaner mal-privat fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla peress li qed titħallas €4.40 fis-siegħa filwaqt li ħaddiema oħra bħalha li jaħdmu fl-istess dar u impjegati eżatt bħalha, qed jitħallsu bis-€6.50 fis-siegħa?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg bħalissa qed jinvesitgaw il-każ imsemmi.
Jista' l-Ministru jara jekk l-affarijiet sarux sew fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jaħdem bħala purtier fil-Qrati f'Malta meta minkejja l-kważi 29 sena esperjenza tiegħu, ġie fis-seba' post għall-grad ta' Marixxal peress li sħabu li bħalu ħadu l-post ta' messaġġier fl-1992 (wara sentenza tat-Tribunal tal-Inġustizzji) illum huma kollha Marixxali, minbarra hu?
Response (BONNICI, OWEN)
Meta jkun hemm sejħa għal applikazzjonijiet hija r-responsabilita` tal-Bord li jara li l-għazla ssir b’mod ġust u trasparenti. Bħalma jgħallimni l-Onor. Interpellant kull applikant li jħossu aggravat mid-deċiżjoni tal-Bord għandu kull dritt li jissottometti petizzjoni lil Public Service Commission skont ma trid il-liġi.
Il-persuna ndikata ma għamlet l-ebda petizzjoni. Għandi nifhem li kieku l-persuna ħassitha aggravata kienet tagħmel użu minn dan id-dritt.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26708 u 26490 u ċjioè b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26050, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħiet li saru fil-gazzetti f'kull każ? Jista' jgħid kemm applikaw nies fil-każ ta' kull sejħa?
Response (VELLA, GEORGE)
Is-sejħiet li saru fil-gazzetti f’kull każ huma “public knowledge” u allura l-Onor. Interpellant għandu l-faċilitajiet li jsibhom jekk huwa interessat.
In-numru ta’ applikanti għal kull kariga kien:
Administration Assistant 95
Media Officers 38
Research Analyst 56
Media Officers 19
Research Analyst 20
MIC Support Officer 16
MIC Support Officer 28
Civil Society Coordinator 13
Funding Support Coordinator 29
Funding Support Officer 40
Media Officers 15
Research Analyst 13
Research Analyst 56
Malta – EU Information Centre – lista ta’ konsulent
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26707 u 26488 u ċjioè b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26048, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li abbażi tagħhom ingħataw il-konsulenzi msemmija?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nstabu biss żewġ kuntratti, wieħed intitolat “Agreement for the Engagement of the Head of the Malta – EU Information Centre with the Ministry of Foreign Affairs” u ieħor biex tingħata konsulenza għat-tfassil ta’ strateġija ta’ kommunikazzjoni u t-twettiq tagħha, iffirmat mas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, proprjetarja tal-kumpanija Proximus PR.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ewwel kuntratt, iffirmat anki mill-Onor. Dr Simon Busuttil, illum Kap tal-Oppożizzjoni, li b’dak il-ftehim inħatar konsulent għall-MIC.
It-tieni kuntratt diġa’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b’risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 33855 fis-Seduta 751 nhar il-5 ta’ Ġunju 2002.
Kunsilli Lokali tal-Kalkara, Ħad-Dingli, Xgħajra, Qrendi, Żurrieq, u Ħaż-Żabbar– Xogħlijiet — Kuntrattur
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26706 u 26221 u 26432 u jgħid kemm nefqu flus il-Kunsilli Lokali ta' Kalkara, Ħad-Dingli, Xgħajra, Qrendi, Żurrieq u Ħaż-Żabbar kull sena fuq bini jew tiswijiet ta' ħitan tas-sejjieħ bejn l-1 ta' April 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk dan ix-xogħol ingħatax b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura mill-Kunsilli Lokali. Intant id-DLG qed jistħarreġ is-sitwazzjoni ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li ma pprovdewx l-informazzjoni b’mod sħiħ.
Kunsilli Lokali tax-Xewkija u Ta’ Sannat – Kuntratti ta’ servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26705 u 26224 u 26429 jgħid liema kienu l-kuntratti ta' servizz li kellhom il-Kunsilli Lokali tax-Xewkija u Ta' Sannat Għawdex bejn l-1 ta' Jannar 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid jekk dawn il-kuntratti ngħatawx wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif ipprovduta mill-Kunsilli Lokali tax-Xewkija u Ta’ Sannat.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26696 u 23063 u jgħid jekk il-mara tiegħu qattx siefret mingħajr il-Prim Ministru fuq xogħol uffiċjali tal-Gvern u jekk iva, fejn siefret, meta u f’kull każ jista’ l-Prim Ministru jagħti break down ta’ kemm kienu l-ispejjeż għal titjiriet, trasferimenti, lukandi, ikliet u per diem għal dan is-safar tagħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum, kien hemm disa okkażjonijiet fejn il-mara tiegħi kellha impenji barra l-pajjiż u fejn jien ma kontx preżenti.
Dawn l-impenji kienu relatati ma’ stedinit li sarulha minn Puttinu Cares, The European Organisation for Rare Diseases, AIDS/LifeCycle u Special Olympics. Impenn partikolari kien marbut mal-kanonizazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Għal dan l-impenn fuq stedina tal-gvern, kien attenda wkoll rappreżentant tal-Oppożizzjoni.
L-impenji saru fir-Renju Unit, il-Belġju, l-Italja, l-Awstrija, Ċipru u l-iStati Uniti. L-ispiża medja fuq titjiriet, trasferimenti, lukandi u ikliet kienet ta’ €1,191 f’kull impenn. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-mara tiegħi ma tingħatax per diem allowance.
Ngħarraf ukoll lill-Onor Interpellant li l-prassi li kienet segwita fir-rigward tal-mara tiegħi minn Marzu 2013 ‘il quddiem hija l-istess prassi li kienet segwita fir-rigward tal-mara tal-Prim Ministru fil-legislaturi li għaddew. Fil-fatt bejn l-2007 u l-2011 kien hemm numru ta’ okkażjonijiet li matulhom il-mara tal-Prim Ministru kellha impenji barra l-pajjiż u fejn il-Prim Ministru ma kienx preżenti, f’Ċipru, r-Renju Unit, il-Belġju u l-Portugal.
Kunsilli Lokali tal-Kalkara, Ħad-Dingli, Raħal Ġdid, Birgu, Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Qrendi – Kuntratti ta’ Servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26704, 26225 u 26428 u jgħid liema kienu l-kuntratti ta' servizz li kellhom il-Kunsilli Lokali tal-Kalkara, Ħad-Dingli, Raħal Ġdid, Birgu, Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Qrendi bejn l-1 ta' Jannar 1999 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid jekk dawn il-kuntratti ngħatawx wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba skont kif miġbura mill-Kunsilli Lokali. Ninforma lilll-Onor Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar ma bagħatx risposta fiż-żmien stipulat u għaldaqstant mhux inkluż mat-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li preżentement, fl-għassa ta’ Birkirkara hemm spettur wieħed biss? Jekk fl-affermattiv, jista’ jispjega għaliex f’għassa lokali daqstant kbira hemm spettur wieħed biss? Jista’ jgħid humiex se jiżdiedu l-ispetturi fl-għassa ta’ Birkirkara, b’kemm se jiżdiedu u meta se jiżdiedu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minħabba esiġenzi tas-servizz, waħda miż-żewġ spetturi li kienu stazzjonati l-għassa ta' Birkirkara ġiet trasferita għal dmirijiet oħra fil-Kwartieri Ġenerali. Bħalissa fl-Għassa ta' Birkirkara hemm spettur wieħed u dan sakemm spettur ieħor jintbgħat f'din l-Għassa fi zmien opportun. Irid jingħad li l-Ispettur stazzjonat l-Għassa tan-Naxxar jilħaq ukoll, skond il-ħtieġa, peress li dan jagħmel parti mid-distrett ta' Birkirkara.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li preżentement fl-għassa tar-Rabat (Malta) m’hemmx spettur tal-pulizija? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti raġuni u spjegazzjoni għal dan? Jista’ jgħid jekk u meta se jintbagħat spettur tal-pulizija fl-għassa tar-Rabat (Malta)?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minħabba esiġenzi tas-servizz, l-Ispettur li kien stazzjonat fl-Għassa tar-Rabat (Malta) ġie trasferit għal dmirijiet oħra fil-Kwartieri Ġenerali. Sakemm jintbagħat, fi żmien opportun, spettur ieħor f'din l-għassa, iż-żewġ spetturi stazzjonati fl-istess distrett u cioè ġewwa l-Għassa tal-Ħamrun, qegħdin ilaħħqu l-Għassa tar-Rabat ukoll.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li preżentement ġewwa l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar m’hemmx spettur tal-pulizija peress li l-ispettur li kien hemm mhux jidħol għax-xogħol minħabba
sick leave
? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti raġuni u spjegazzjoni għal dan? Jista’ jgħid jekk u meta se jintbagħat spettur ieħor tal-Pulizija fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kunfidenzjalita', mhux prudenti li wieħed jagħti spjegazzjoni jew raġuni għala l-Ispettur ħareġ bis-'sick leave'. Sakemm is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u kif jiġri f’każijiet simili, qiegħed ilaħħaq id-distrett ta' Ħaż-Żabbar l-Ispettur stazzjonat l-Għassa ta' Bormla.
Il-Mosta – Triq il-Qalbiena Mostin – traffic management
Question
Jista’ l-Ministru jintervjeni biex fi Triq il-Qalbiena Mostin, isir traffic management aħjar u forsi anke jsiru speed cameras fil-post?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tali triq taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-kunsill lokali u t-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku fi ħdan Transport Malta m’għandha l-ebda talba pendenti għal Traffic Management f’din it-triq.
Skont il-proċedura eżisteni, il-kunsill lokali għandu jissottometti l-proposti tiegħu għal konsiderazzjoni tal-Awtorita’.
Ninforma wkoll lill-Onore. Interpellant li talbiet għal speed cameras għandhom jiġu sottomessi lil LESA.
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-play workers tas-summer school ma jingħatawx materjal bażiku, bħal kartonċin, biex iwettqu xogħolhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull ċentru li qed jopera matul il-perjodu ta’ Skolasajf 2016 ingħata r-riżorsi neċessarji biex il-Playworkers ikunu jistgħu jorganizzaw diversi attivitajiet mat-tfal hekk kif stabbilit fil-Programm li ġie mqassam lilhom mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES). Dawn ir-riżorsi nxtraw mill-koordinaturi ta’ kull ċentru, skont il-bżonnijiet ta’ kull ċentru. L-FES tħaddan policy li kemm hu possibbli tirriċikla l-karti u l-kartonċin u għalhekk ma jinxtarax kartonċin bla bżonn. Jinxtara biss l-ammont li jkun hemm bżonn fiċ-ċentru rispettiv.
Ħal Tarxien – Triq Birżebbuġa – asfaltar ta’ gandott
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26703 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u jordna tiswijiet urġenti, inkluż asfaltar tal-gandott li żviluppa bl-inżul tat-triq, fil-parti ta’ fuq ta’ Triq Birżebbuġa f’Ħal Tarxien, minħabba li hu ta’ periklu kbir għas-sewwieqa u jista’ jkun ta’ ħsara għar-residenzi tal-familji f’din il-parti tat-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li qiegħed jagħmel patching b’mod regolari u skont il-bżonn. Bħalissa qiegħed ukoll fil-proċess li joħroġ sejħa għall-offerti għal servizz ta’ resurfacing u major patching. Tajjeb wieħed jinnota wkoll li din it-triq ġiet fl-istat li hi peress li qed tintuża aktar frekwentement bħala rotot tal-linja.
Dipartiment tas-Saħħa — Environmental Health Officers
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux vakanzi għall-grad ta' Environmental Health Officers fid-Dipartiment tas-Saħħa? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm vakanzi? Meta hemm il-ħsieb li tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex dawn il-vakanzi jiġu mimlija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi ghat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 26686.