Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Ir-Rabat – Taċ-Ċawla – xiri ta’ blokk bini

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma x-xiri ta' blokk bini f'Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex biex jintuża minn xi Dipartiment fil-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kien il-prezz li bih inxtara dan il-bini u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt u pjanta tal-istess bini? Jista' jgħid jekk din il-blokka nxtratx f'shell form jew finished? Jista' jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li hu maħsub li hemm bżonn, biex isiru spejjeż aktar biex din il-binja tkun tista’ tintuża jekk din il-binja nxtrat f'shell form? Jista' jgħid għal liema skop se jintuża dan il-bini u meta hu mistenni li jibda jintuża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-blokk ta’ bini f’Taċ-Ċawla, li qed issir referenza għalih, sewa €540,000.00; liema prezz jinkludi xogħlijiet ta’ finishing, installazzjoni ta’ lift u sistema ta’ arja kkundizzjonata kif ukoll il-kmamar tal-banju. Aktar dettalji jistgħu jinqraw fil-kuntratt li wieħed jista’ jagħmel referenza għalih faċilment hekk kif kopja tiegħu tista’ tinkiseb mill-arkivji notarili. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kif diġa’ kien ġie mħabbar, it- tliet appartamenti tal-blokka, ser ikunu qegħdin jintużaw bħala residenza għall-persuni b’ diżabilita, minn fejn ħa jkun qiegħed jingħata s-sapport meħtieġ biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jgħixu ħajja mill-aktar indipendenti, fil-komunita’. Fix-xhur li ġejjin, ħa jkunu qegħdin jidħlu l-ewwel klijenti ġewwa din id-dar. Huwa maħsub li sal-aħħar ta’ din is sena, ikun hemm l-ewwel klijenti residenti ġewwa din id-dar, hekk kif kollox huwa lest biex jospita l-ewwel residenti. Fil-preżent, madanakollu, id-Dipartiment tal-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunità qiegħed jirranġa warehouse li ġiet pprovduta skont kif miftiehem fuq il-kuntratt.

Pensjonanti li baqgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm hemm pensjonanti li għażlu li jibqgħu jaħdmu u ma japplikawx għall-pensjoni, skont kif ġie mħabbar fil-Baġit 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skont l-informazzjoni li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, in-numru ta’ persuni li sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena laħqu l-età ta’ 61 jew 62 sena u li jirriżulta li mhumiex jieħdu pensjoni, huwa ta’ 791.

Kunsill Lokali tal-Qala – minuti tal-laqgħat fuq il-website

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex (sal-lum l-Erbgħa, 5 t’Ottubru 2016) il-Kunsill Lokali tal-Qala m’għandux il-minuti tal-laqgħat kollha li saru, fil-website tiegħu kif mitlub mil-Liġi? X’inhu jsir mid-Dipartiment biex jiġi assigurat li l-minuti tal-Kunsilli Lokali jitpoġġew fuq il-websites rispettivi, kif stipulat?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Il-Mellieħa – Triq il-Kortin u Triq Għar u Casa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħditx deċiżjoni minn Trasport Malta dwar meta hu mistenni li jibda u jitlesta x-xogħol ta’ bini mill-ġdid fuq żewġ toroq fil-Mellieħa bl-isem ta’ Triq il-Kortin u Triq Għar u Casa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Għar u Casa hija mniżżla fil-lista ta’ toroq li jridu jingħataw wiċċ minn Transport Malta ġaladarba t-triq tiġi ffurmata skont l-iskema u l-obbligi legali tal-iżviluppaturi/residenti. Rigward Triq il-Kortin nidderiġi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 22157, filwaqt li nżid li dawn ix-xogħlijiet isiru skont il-fondi disponibbli.

Il-Mellieħa – Skola Primarja – żieda ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet futuri tal-Gvern b’rabta maż-żieda ta’ studenti fl-iskola Primarja tal-Mellieħa? Jista’ jikkonferma jekk il-Gvern hux se jżid sular ieħor bini fuq l-iskola eżistenti inkella hux se jkun hemm estensjoni mal-bini eżistenti fuq art biswit l-istess skola li tinsab bejn Triq il-Mitħna l-Ġdida u Triq Napuljun Caruana Dingli?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu ppjanat li ssir estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa fl-2018. Deċiżjonijiet teknici u applikazzjonijiet għandhom isiru għal ħabta ta’ nofs l-2017.

Il-Mellieħa –rapport ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadet il-pulizija fl-aħħar ġimgħat, wara li fil-lokalità tal-Mellieħa kienu rappurtati diversi serqiet minn residenzi f’żoni varji tal-istess lokalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Il-Mellieħa – żieda fin-numru ta’ pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk żdiedx in-numru ta’ pulizija fil-Mellieħa wara numru ta’ serqiet li seħħew fl-istess lokalità fl-aħħar ġimgħat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Bypass tal-Imrieħel – pont pedonali

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta ser jitlesta l-pont pedonali li għandu jsir fil-bypass tal-Imrieħel biex jgħaqqad iż-żona fuq tal-Blat f'Ħal Qormi u l-Imrieħel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li abbażi tal-pjan sottomess mill-kuntrattur, ix-xogħlijiet fuq il-pont pedonali mistennija li jkunu lesti sat-tieni kwart tas-sena d-dieħla.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26159 tista’ l-Ministru tgħid ma’ kemm-il skola l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għamel laqgħat magħhom u kemm b’kollox saru laqgħat ma’ dawn l-iskejjel? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm partijiet li qed jiġu investigati u kemm-il laqgħa saret magħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni talab għat-tagħrif u għal dokumentazzjoni lil disa’ skejjel. Fejn inħasset il-ħtieġa, l-iskejjel intalbu għal aktar kjarifika. Parti waħda qed tiġi investigata u saret laqgħa magħha kif ukoll intalbet tipprovdu tagħrif u dokumentazzjoni li l-Uffiċċju ħass li għandu jkollu.

MCCAA – Investigazzjoni fuq żieda ta’safe deposit boxes

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26160, tista’ l-Ministru tgħid ma’ liema liġijiet issa hemm konformità? Tista’ telenka dawk it-termini u kundizzjonijiet għas-servizz imsemmi li kienu jmorru kontra dawn il-liġijiet u kif dawn ġew riveduti a benefiċċju tal-konsumatur? Tista’ tgħid kif issa għandhom jidhru dawn it-termini u kundizzjonijiet għas-servizz imsemmi? Peress li l-ilment tal-konsumaturi kien ukoll dwar iż-żieda fit-tariffi għas-servizz imsemmi, tista’ l-Ministru tgħid ukoll jekk bħala riżultat tal-intervent tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-imsemmi bank reġġax lura t-tariffi għolja għal dawk li kienu qabel ma qam il-każ?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision — break down tan-nefqa

Question

Peress li l-Gvern kien iddikjara li wara sejħa għal aktar trasparenza jħoss li jista' anke jippubblika kuntratti kbar, li s'issa nżammu sigrieti, bħal dawk tal-power station u tat-Trasport, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25690 li ilha li ġiet sottomessa minn Mejju 2016? Għala għadu ma tax l-informazzjoni mitluba, ċjoè, kemm kienet l-ispiża totali u l-break down tan-nefqa għall-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision li sar f'Malta aktar kmieni din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif spjegat fir-risposta 25522, din is-sena kien hemm żieda għal PBS ta’ 120% fuq is-snin ta’ qabel fid-dħul mir-reklamar u sponsors u għaldaqstant dan id-dħul addizzjonali wassal biex il-PBS setgħet tesegwixxi l-politika’ tagħha ta’ awto-finanzjament u awto-sostenibilta’. Kif diġa’ ingħad fir-risposta.25524, l-Onor Interpellant jifhem li l-PBS hija entita' kummerċjali u l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali.

Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision — ħlasijiet

Question

Peress li l-Gvern iddikjara li wara sejħa għal aktar trasparenza jħoss li jista' anke jippubblika kuntratti kbar, li s'issa nżammu sigrieti, bħal dawk tal-power station u tat-Trasport, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25691 li ilha li ġiet sottomessa minn Mejju 2016? Għala għadu ma tax l-informazzjoni mitluba, ċjoè, xi ħlasijiet saru jew għad iridu isiru u fuq xiex saru għall-organizzazzjoni tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Eurovision li sar f'Malta aktar kmieni din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 26759.

Festival tal-Eurovision — spiża fuq il-parteċipazzjoni Maltija

Question

Peress li l-Gvern iddikjara li wara sejħa għal aktar trasparenza jħoss li jista' anke jippubblika kuntratti kbar, li s'issa nżammu sigrieti, bħal dawk tal-power station u tat-Trasport, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25692 li ilha l ġiet sottomessa minn Mejju 2016? Għala għadu ma tax l-informazzjoni mitluba, ċjoè, kemm kienet l-ispiża totali u l-break down tagħha tal-parteċipazzjoni Maltija fil-Festival tal-Eurovision fi Stokkolma din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 26759.

Eurovision — nefqa fuq il-parteċipazzjoni ta' Malta

Question

Peress li l-Gvern iddikjara li wara sejħa għal aktar trasparenza jħoss li jista' anke jippubblika kuntratti kbar, li s'issa nżammu sigrieti, bħal dawk tal-power station u tat-Trasport, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25693 li ilha li ġiet sottomessa minn Mejju 2016? Għala għadu ma tax l-informazzjoni mitluba ċjoè, x'kienet in-nefqa fuq il-parteċipazzjoni Maltija f'kull edizzjoni tal-Eurovision fl-aħħar 10 snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 26759.

Transport Malta – tħaffir fit-toroq

Question

Billi jidher li Transport Malta tagħti permessi biex ikun jista' jsir tħaffir fit-toroq, lil bosta entitajiet kemm tal-Gvern kif ukoll privati, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'follow up isir mill-istess Transport Malta biex jiġi assigurat li x-xogħol ta' patching isir kif suppost? Kemm kien hemm każijiet, matul l-aħħar 12-il xahar fejn Transport Malta talbet li jinqala' x-xogħol ħażin li sar u jerġa’ jsir mill-ġdid, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 26775.

San Pawl il-Baħar – Storbju matul il-lejl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi ta' rapporti ta' storbju, matul il-lejl, matul l-aħħar sitt xhur, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? X'passi ttieħdu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu minn Jannar u l-aħħar ta` Gunju ta’ din is-sena, il-Pulizija tal-Qawra rċeviet sebgħa u għoxrin (27) rapport dwar storbju matul il-lejl. Wara investigazzjonijiet tal-Pulizija kien hemm dsatax (19) il-każ, fejn ir-reat irriżulta fil-posittiv u il-persuni responsabbli tressqu l-qorti.

Persuni reqdin barra — rapport

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi ta' rapporti ta' persuni reqdin barra, matul il-lejl, matul dawn l-aħħar sitt xhur? F'liema lokalitajiet, u f'kull każ, x'passi ttieħdu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm erba każijiet ta’ rapporti mal-pulizija, ta’ sitt persuni li kienu reqdin barra. Dawn ir-rapporti kienu l-Belt Valletta, l-Isla u Kemmuna u kien hemm każ ta’ tlett persuni ġewwa il-Qawra. Erba’ minn dawn il-persuni eventwalment sabu akkomodazzjoni altenattiva, wieħed ġie rriferut u assistit mir-rapprezentanza diplomatika tieghu f’Malta u f’kaz ieħor il-persuna konċernata kienet qed tagħmel ir-rappre¿entazzjonijiet tagħha ma’ entitajiet li jistgħu jassistuha.

Qrati – każijiet pendenti — notifiki

Question

Billi jidher li l-Qorit għad m'għandhiex mod ta' kif tassigura li persuni li jiskartaw milli jiġu notifikati għall-każijiet li jkollhom pendenti quddiem l-istess qrati, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li dawn il-persuni ma jibqgħux jiskartaw tali taħrikiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bl-istess suġġett 26576.

Finanzjament ta’ kunsilli lokali – bdil ta’ formula

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tinbidel il-formula tal-finanzjament tal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari bl-istess suġġett 20167, 24022, 26255.

Ix-Xemxija – Triq is-Simar – bini ta’ Triq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Triq is-Simar, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar tkun tista' tinbena, almenu fil-partijiet fejn l-istess triq hi kompletament mibnija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni tinsab fuq il-lista ta’ toroq residenzjali li għandhom jingħataw wiċċ minn Transport Malta ġaladarba jkunu ffurmati mill-iżviluppaturi jew residenti, skont l-obbligi tagħhom. Meta l-iffurmar ikun lest, Transport Malta tasfalta din it-triq skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akkwist.