Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn – Ground tal-Football

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’preparamenti hemm biex isir xogħol fuq il-ground tal-football propost f’Wied il-Għajn u f’liema stadju waslu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-pjanti ġew sottomessi lill-Awtorità ta’ l-Ippjanar fil-15 ta' Lulju u l-istess Awtorità bħalissa qegħda tħejji l-iscreening letter. Sadanittant beda x-xogħol fuq it-tħejjija tal-pjanti dettaljati u tat-tender, biex hekk kif joħroġ il-permess, din tkun tista' tiġi ippubbikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Xatt tal-Qajjenza – xogħlijiet fuq il-Promenade

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħol propost għax-Xatt tal-Qajjenza u x’se jsir mill-Promenade?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol jinvolvi t-twessiegħ u bini mill-ġdid tal-promenade u tat-triq. Ninfurmah ukoll li l-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar inħareġ u se tinħareġ sejħa għall-offerti minn Transport Malta biex isir ix-xogħol stutturali tal-bażi tat-triq u tal-ħajt tal-ilqugħ man-naħa tal-baħar. Sadanittant, ħarġet ukoll sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet tal-pavimentar, bankijiet u dwal u din qegħda fil-fażi ta' evalwazzjoni.

In-Naxxar – Salini tal-Melħ — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li l-proġett fis-Salini tal-Melħ fin-Naxxar tlesta, wara li dan il-proġett kien ilu wieqaf għal għadd ta’ snin, fiex kien jikkonsisti, kif se jkun qed jopera u meta se jkun jista’ jibda jitgawda mill-pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tas-Salini tal-melħ kien jikkonsisti fir-restawr u tranġar tat-tined tal-injam, it-tindif tal-Bur Mielaħ u r-restawr tar-Ridott ta’ Ximenes. F’wahda mit-tined sar mużew dwar l-istorja tal-produzzjoni tal-melħ fil-gżejjer Maltin u fir-Ridott ta’ Ximenes hemm wirja dwar il-flora u l-fawna tas-Salina u postijiet ta’ Natura 2000. Il-post qed jiġi operat minn ħaddiema li ġew ingaġġati speċifikament għal dan is-sit u l-post issa hu miftuħ għall-pubbliku. Fil-jiem li ġejjin se jkun imħabbar kif ir-responsabilta’ ta’ dan is-sit se jkun qiegħda tinfirex fuq iktar minn Ministeru wieħed.

Il-Kalkara – preparamenti għax-xogħlijiet għall-immaniġġar tal-ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti għax-xogħlijiet għall-immaniġġar tal-ilma tax-xita fil-lokalità tal-Kalkara b’mod partikolari fiż-żona ta’ wara l-Knisja Parrokjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li ħarġet sejħa għall-offerti biex isir dan ix-xogħol. Din is-sejħa għalqet u qegħdin jiġu aġġudikati l-offerti mitfuħa.

Birżebbuġa – Pitch tal-waterpolo

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xogħol fuq il-bini tal-pixxina u l-‘pump room’ tlesta xhur ilu. Fil-fatt matul is-Sajf, il-Klabb ħa l-immaniġġar tal-pixxina f’idejh u għamel użu minnha fejn saru numru ta’ korsijiet indirizzati għat-tfal u żgħażagħ ta’ etajiet differenti.

Misraħ il-Barrieri — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħlijiet f’Misraħ il-Barrieri (Triq l-Irmiġġ)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħareġ il-permess tal-Awtorità ta’l-Ippjanar u li nħarġu żewġ sejħiet għall-offerti: waħda biex isir ix-xogħol ta' landscaping tal-pjazza u l-oħra biex isiru x-xogħlijiet tat-toroq. Dik tal-landscaping qed tiġi evalwata waqt li dik tat-toroq, ingħatat. Kif tingħata l-offerta tal-landscaping, ikun jista’ jinbeda x-xogħol.

Servizz taċ-child care b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu t-tfal li bbenefikaw mis-servizz b’xejn ta’ child care li beda joffri l-Gvern fl-1 ta’ April 2014, fl-2014, fl-2015 u fl-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? X’kienet in-nefqa fl-istess perjodu fuq din il-miżura? Kemm hemm ċentri li qed jieħdu sehem bħalissa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn l-1 ta’ April 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 kien hemm 3,856 applikazzjoni għall-iskema ta’ Child Care b’xejn. Bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015 kien hemm 2,843 applikazzjoni. F’Jannar tal-2016 ġiet introdotta sistema kompjuterizzata (Childcare Information System) b’nefqa ta’ €250,000. Bħalissa n-numru ta’ tfal li qegħdin jibbenefikaw mis-servizz huwa ta’ 2,947. In-nefqa għal din l-iskema kienet kif se nsemmi: 2014 (April – Diċembru): €5.2 miljuni 2015 (Jannar – Diċembru): €10.01 miljuni 2016 (Jannar – Settembru): €9.26 miljuni Infurmat ukoll li hemm 93 ċentru rreġistrat fl-iskema.

Studenti li jingħataw kolazzjon nutrittiv — nefqa

Question

Kemm huma l-istudenti li qed jibbenefikaw mis-servizz fejn jitwasslu siegħa qabel il-ftuħ tal-iskola u jingħataw kolazzjon nutrittiv li beda joffri l-gvern mill-1 ta’ April 2014? X’kienet in-nefqa matul l-2014, l-2015 u l-2016 fuq din il-miżura?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-ftuħ tas-servizz tal-Breakfast Club, fis-sena skolastika 2014-2015 ibbenefikaw 2,433 student filwaqt li fis-sena skolastika 2015-2016 ibbenefikaw 3,362 student. In-nefqa mill-ftuħ tal-Breakfast Club minn April 2014 sal-aħħar ta’ Ġunju 2016 kienet ta’ €1,274,598.04. Din tinkludi ħlasijiet lill-Breakfast Coordinators (wieħed kull Kulleġġ), ħlasijiet lill-ħaddiema (għalliema, LSAs, eċċ.), kif ukoll ix-xiri tal-prodotti għall-Breakfast Club, kif se nsemmi: Sena Skolastika Nefqa 2014-2015 Ħlasijiet lill- Breakfast Coordinators €41,205.00 Ħlasijiet lis- Supervisors li jieħdu ħsieb it-tfal €397,783.52 2015-2016 Ħlasijiet lill- Breakfast Coordinators €41,420.76 Ħlasijiet lis- Supervisors li jieħdu ħsieb it-tfal €644,101.56 April 2014 – Ġunju 2016 Tqassim ta’ Fondi lill-iskejjel €150,087.20 TOTAL €1,274,598.04

Studenti li rrepetew sena — stipendju

Question

Kemm kien in-numru ta’ studenti li rrepetew sena fil-kors tagħhom u ngħataw l-istipendju xorta matul l-2014, l-2015 u l-2016? X’kienet l-ispiża fuq din il-miżura?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istudenti li rrepetew sena fil-kors tagħhom u ngħataw l-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti fis-snin skolastiċi 2013/14, 2014/15 u 2015/16 kienu kif ġej: Sena skolastika 2013/2014 Numru ta’ studenti 1043 Nefqa totali €421,774 Sena skolastika 2014/2015 Numru ta’ studenti 1031 Nefqa totali €702,320 Sena skolastika 2015/2016 Numru ta’ studenti 976 Nefqa totali €736,728 L-ammonti indikati jkopru studenti li rrepetew sena fil-kors ta’ studju tagħhom fil-livell post-sekondarju u terzjarju u ngħataw stipendju wara li applikaw. L-ammont jista jvarja bi ftit peress li matul is-sena jkun hemm studenti li jirreżenjaw. Xi studenti jkunu wkoll eliġibbli għall-għotja supplimentari

Studenti li attendew għall-klassijiet ta’ reviżjoni fis-suġġetti tas-SEC

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm studenti li attendew għall-klassijiet ta' reviżjoni fis-suġġetti tas-SEC minn Marzu 2013, sena skolastika b’sena skolastika? Kemm minn dawn l-istudenti qagħdu għall-eżamijiet? Kemm minnhom għaddew mill-eżamijiet li qagħdu għalihom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti li attendew għall-klassijiet ta’ reviżjoni fl-2014 (l-ewwel sena tal-klassijiet ta' reviżjoni), 2015 u fl-2016, kif ukoll il-perċentwali ta' kemm ġabu marka ta' 4 jew 5 fir-resits qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-istatistika dwar il marki li ġabu l-istudenti fir-resit ta' din is-sena għadha qed tiġi analizzata u tkun disponibbli fil-futur qrib.

Boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il borża ta’ studju ngħatat minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u taħt liema skema? Jista’ jagħti l-valur kumplessiv ta’ dawn il-boroż ta’ studju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment Implimentazzjoni ta’ Programmi li n-numru ta’ boroż ta’ studju li ngħataw minn Marzu 2013 sa Awwissu 2016, taħt liema skema u l-valur kumplessiv tagħhom huwa kif nsemmi: Bejn Marzu 2013 sa Awwissu 2016 Nru. ta’ boroż ta’ studju mogħtija Valur kumplessiv Malta Arts Scholarhisps Scheme (b’fondi lokali) 43 €250,000.00 fis-sena Malta Sport Scholarships Scheme (b’fondi lokali) 39 €120,000.00 fis-sena Malta Government Scholarships Scheme (MGSS) 148 €900,000.00 fis-sena ENDEAVOUR Scholarship Scheme – Katgorija B (b’fondi lokali) 56 €900,000.00 fis-sena ENDEAVOUR Scholarship Scheme – Katgorija A (b’fondi mill-EU) 247 €2,400,000.00 fuq perjodu ta’ 4 snin REACH HIGH Scholars Programme – Post-Doctoral Grants (b’fondi mill-EU) 16 €392,667.08 li tħallsu s’issa. Kull grant taħt l-iskema REACH HIGH jista’ jwassal sa massimu ta’ €200,000.00 fuq perjodu ta’ 3 snin.

Skejjel tal-istat – xogħlijiet – nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet infrastrutturali, inkluż nefqa, fl-iskejjel tal-istat għal dan is-sajf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet infrastrutturali fl-iskejjel tal-istat qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #27157 Sitting 424 2016-10-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Qala Għawdex – Istitut għat-Turiżmu — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2015/2016 kemm kien hemm korsijiet offruti fl-Istitut għat-Turiżmu tal-Qala Għawdex? Liema kienu dawn il-korsijiet? Kemm bdew studenti għal kull kors u kemm spiċċaw il-kors fl-aħħar tas-sena skolastika? Jista' jgħid kemm hemm impjegati full-time u part-time fl-istess Istitut u x’inhu x-xogħol ta' dawn l-impjegati? Kemm kienet l-ispiża rikorrenti totali ta' dan l-Istitut għas-sena 2015 u kemm kienet l-ispiża kapitali fl-istess sena?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba għall-ewwel tliet mistoqsijiet, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fi ħdan il-Kampus tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġewwa l-Qala Għawdex, hemm tliet ħaddiema fuq bażi full-time - Head of Administration, Lecturer u Senior Tradesman. Il-ħaddiema fuq bażi part-time jaħdmu kemm fil-kampus tal-ITS f’Malta kif ukoll f’Għawdex, skont l-iskeda tax-xogħol meħtieġa. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kampus tal-ITS f’Għawdex mhux iffinanzjat b’mod individwali. Madanakollu fl-2015 ma kienx hemm spejjeż kapitali ġewwa l-kampus tal-ITS t’Għawdex. Għall-ispejjeż rikorrenti tal-ITS Campus fil-Qala Għawdex għas-sena 2015, nitlob lill-Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 22472 li ngħatat fl-20 ta’ Jannar 2016.

Pensjoni tal-invalidità – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema dwar il-pensjoni tal-invalidità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separamtanet ġiet infurmata bl-eżitu, mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, permezz ta’ ittra.

PBS — pensjoni ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward problema ta’ pensjoni mal-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fir-ristrutturar li sar fil-PBS fl-2004, il-persuna li detallji dwarha intghataw separatament għażlet skema tal-irtirar ‘A’ li silta minnha tgħid kif ġej: “Din l-iskema ta’ rtirar kmieni mix-xogħol hi miftuħa għal dawk l-impjegati li jkunu għalqu 56 sa l-24 t’April 2004. Dawn l-impjegati jistgħu jagħżlu li jieħdu pagamaent kull xahar sakemm jilħqu l-eta’ pensjonabbli tagħhom skont il-liġi, ikkalkulat fuq il-paga bażika preżenti tagħhom. Impjegat li japplika għal din l-iskema jkun intitolat għal żewġ terzi tal-paga bażika sakemm jilħaq l-eta’ tal-pensjoni. L-ogħla rata li impjegat jista’ jieħu bħala pagament kull xahar taħt din l-iskema hi ta’ żewġ terzi ta’ Lm6,749 li hi l-pensjoni massima preżenti skont il-liġi Att Dwar is-Sigurta Soċjali, Kap 318). Kull min jieħu din l-iskema jkun intitolat ukoll għal żewġ terzi taż-żieda li tingħata kull sena għall-għoli tal-ħajja, kif ukoll għall-bonus sħiħ ta’ Ġunju u Diċembru u ż-żewġ terzi tal-bonus ta’ Marzu u Settembru.” L-aħħar grad tiegħu fil-PBS kien Receptionist/Telephone Operator, cioe grad li ma baqax fis-seħħ wara r-ristrutturar tal-2004. Dan l-individwu sar pensjonabbli fl-Lulju 2008 u beda jieħu l-pensjoni skont il-proċeduri normali tas-Sigurtà Socjali Nazzjonali. Għaldaqstant jien informat li l-PBS m’għandha l-ebda obbligu fuq dan il-każ.

Problema ta’ parkeġġ – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li għandu problema ta’ parkeġġ quddiem il-ħanut tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet kuntatt mal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament u se tkellem lill-Kunsill Lokal kkonċernat sabiex tinstab soluzzjoni għal dan il-każ.
Leg 12 PQ #27162 Sitting 424 2016-10-10 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaż-Żebbuġ – Triq Dun Salv Ciappara – ċint madwar għalqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li l-Awtorità tal-Ippjanar tara li l-liġi tiġi osservata u jinbena ċint madwar l-għalqa li tinsab fi Triq Dun Salv Ciappara f’Ħaż-Żebbuġ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li l-istess Awtorita qiegħda tħejji pjan mal-Cleansing Directorate sabiex, fejn qiegħed jintrema skart b'mod illegali fuq plots privati, tkun tista' tittieħed dik l-azzjoni neċessarja biex il-ħsara u l-inkonvenjent jitneħħew mill-aktar fis possibbli.

Żgħażagħ reġistrati bħala Not in Education, Employment or Training

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm żgħażagħ li skont il-figuri tad-dipartiment, preżentement jinsabu reġistrati bħala NEET (Not in Education, Employment or Training)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Jobsplus ser tkun qed tagħmel l-aġġornament tad-data fuq in-NEETS fl-aħħar ta’ Novembru u dan sabiex jingħata biżżejjed ċans lill-istituzzjonijiet edukattivi jilħqu jirreġistraw liż-żgħażagħ.

Heritage Malta — Kollezzjoni ta’ mapep

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 22560 dwar kollezzjoni ta’ mapep, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi jew passi ulterjuri ttieħdu sabiex din tiġi esebita permanentement flimkien mal-oħrajn li jinsabu f’idejn Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-mapep imsemmija se jkunu parti mill-wirja permanenti f’MUZA fuq sistema ta’ rotazzjoni skont prassi mużeografiċi moderni. Dawk li ma jkunux esibiti jkunu wkoll aċċessibbli għar-riċerkaturi u l-pubbliku ġenerali. Jiġu organizzati wkoll wirjiet speċjalizzati minn żmien għal żmien. Il-proġett MUZA għandu jiġi inawgurat fl-2018.

Raħal Ġdid – Vjal Sir Paul Boffa – żabar ta’ siġar

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 22561, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-aħħar li ġew miżbura s-siġar li jinsabu fi Vjal Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid u jgħid jistax jiġu mdaħħla fil-programm biex fix-xhur li ġejjin jiġu miżbura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-siġar ġew miżbura l-aħħar fil-21 ta' April 2016. Din it-triq tagħmel parti mill-programm ta’ żbir f’Malta u żabra oħra jmiss li ssir fil-ġimgħat li ġejjin.