Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta' Qali — Crafts Village - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol imwiegħed fil-Crafts Village ta' Ta' Qali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess għaż-żvilupp tal-Crafts Village ġie approvat mill-PA. Numru ta’ DNO’s għaż-żvilupp ta’ units inħarġu wkoll u sejrin jibdew jinbnew fil-ġranet li ġejjin. Ir-Rapport ta' evalwazzjoni tal-Kuntratt għas-servizzi ta' konsulenza fid-disinn u supervizzjoni ġie approvat mid-DOC fit-28 ta' Frar. It-tender għal Enabling Works ta' xogħlijiet ta' dranaġġ ġie ppublikat fid-29 ta' Frar 2017 u dan jagħlaq fl-14 ta' Marzu 2017. Appik ukoll li joħroġ l-ewwel stadju ta' Tender b'Competitive Dialogue għax-xogħlijiet ta' infrastruttura neċessarji għal dan il-proġett.

Heritage Malta — promozzjonijiet ta’ gallery and site officers

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-promozzjonijiet ta’ gallery and site officers f’Heritage Malta li ngħataw wara Marzu 2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 11-il promozzjoniji ta’ gallery and site officers minn Marzu 2013 sal-lum. Dawn kienu sitta fl-2014 u ħamsa fl-2017.

MCCAA – ittri mill-MFSA dwar il-prattika tal-bank charges u tal-interessi

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittri li ntbagħtu lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll lill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji sabiex tiġi mistħarrġa il-prattika tal-bank charges u tal-interessi għall-kumpaniji li għamlet referenza għalihom fil-budget speech f’Novembru 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — ilmenti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30596, fejn il-Ministru ġiet mistoqsija kemm irċieva ilmenti l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għas-sena 2016, kemm minn dawn ġew solvuti u x’kien l-ammont ta’ kumpens li ħadu l-konsumaturi wara l-intervent tal-imsemmi Uffiċċju, tista’ l-Ministru tipprovdi l-istess informazzjoni għal meta twaqqfet l-Awtorità, sal-aħħar tas-sena 2015?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul il-perjodu bejn is-sena 2011 u 2015, fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur solva dawn l-ilmenti: 2011 2012 2013 2014 2015 Solvuti 429 743 667 682 605 F’dan il-kaz ma nistgħux nikkwantifikaw l-ammont ta’ flus għaliex ir-remidji f’ħafna mill-kazi ma jkunx monetarju, imma jew jinbidel l-oġġett jew jiġi rranġat.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – investigazzjoni ta’ każijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30489, tista’ l-Ministru tindika wkoll il-ġurnata u x-xahar ta’ meta nfetħu l-investigazzjonijiet imsemmija mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – deċiżjonijiet dwar konċentrazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30594, tista’ l-Ministru, għal kull każ elenkat tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni użax is-simplified procedure biex ħareġ dawn id-deċiżjonijiet? Tista’ tgħid kemm kienu ċ-ċirkostanzi fejn l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma approvax konċentrazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fl-24 każ l-Uffiċċju uża is-simplified procedure. Ma kien hemm l-ebda każ fejn l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma pprovax xi konċentrazzjoni.

MCCAA u Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – stqarrijiet fuq kumpanija

Question

B’referenza għall-każ tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament , tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istqarrijiet li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għamlu fil-ġurnali lokali bejn Awwissu 2013 u Frar 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Fiż-żmien imsemmi f’din il-Mistoqsija Parlamentari, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ħareġ żewġ stqarrijiet dwar il-kumpanija msemmija, li ġew ippubblikati fuq is-Sunday Times of Malta nhar il-15 ta’ Settembru 2013 u nhar it-23 ta Frar 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-istqarrijiet hekk kif ġew ippubblikati fil-ġurnal.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — deċiżjonijiet tal-Qrati kostituzzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30630 fejn staqsejt dwar il-liġijiet li għandhom jiġu emendati wara d-deċiżjonijiet tal-Qrati Kostituzzjonali ta’ April 2015 u Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru twieġeb ukoll għal dik il-parti tal-mistoqsija fejn staqsejt meta se jiġi ppubblikat l-abbozz ta’ liġi f’dan ir-rigward, issa li għaddew 10 xhur mill-aħħar deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31610 fejn ġie spjegat li l-proposti legislattivi jitressqu fil-parlament kif ikunu finalizzati.
Leg 12 PQ #32044 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Allegazzjoni ta’ serq ta’ laħam mill-biċċerija – investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31726 fejn il-Ministru qal li saret investigazzjoni interna dwar allegazzjoni ta’ serq ta’ laħam mill-biċċerija, jista’ l-Ministru jgħid għaliex dan il-każ ma kienx mgħoddi lill-Pulizija kif inhi l-prassi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont ta’ laħam li allegatament kien misruq kif ukoll minn min saret l-investigazzjoni interna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saru il-verifiki mar-raħħala irriżulta li ebda serq ma kien irrappurtat. Ġie stabbilit li d-diskrepanza għall-piż kienet dovuta għall-proċessi tat-tkessiħ u tal-ispulpjar. Barra minn hekk jidher li xħin intiżnu l-karkassi, il-piż tal-ganċijiet tal-azzar ma ġiex imnaqqas.
Leg 12 PQ #32045 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Segretarjat Privat — karozzi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31725 fejn il-Ministru qal li s-Segretarjat Privat tiegħu qed jagħmel użu minn erba’ karozzi, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex il-Ministeru tiegħu mhux jimxi skont dak li jipprovdi d-dokument intitolat Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li ħareġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Marzu 2013? Jaf il-Ministru li dan id-dokument ma jippermettix l-użu ta’ aktar minn żewġ karozzi għall-uffiċjali fis-Segretarjat Privat ta’ Ministru?

Response (REFALO, ANTON)

Konvint li l-Onor. Interpellant jaf li l-karozza Mercedes (CQZ892) hija l-karozza li nuża jiena bħala Ministru fil qadi ta’ dmirijieti. Il-Vetturi bin numri tar-reġistazzjoni KBJ586 u GVN989 huma għad-dispożizzjoni ta-istaff tas-segretarjat tiegħi, filwaqt li l vettura elektrika IBS906 tintuża biss fuq distanzi zgħar u hija mislufa lilna mill MTI biex nippromwovu karozzi li jiffunzjunaw b’ enerġija pulita.
Leg 12 PQ #32046 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proċess tal-għażla tal-iskrivani

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid sa fejn waslu fl-ordni tal-mertu tal-proċess tal-għażla tal-iskrivani sabiex dawk li ġabu passmark jingħataw il-ħatra ta’ skrivan? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li dawk kollha li għaddew se jingħataw il-ħatra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġ ta’ skrivani qed isir bi gwida mal-HR plans li l-Ministeri ntalbu jħejju għal-ewwel darba, fuq bażi ta’ tliet snin. Infurmat li bħalissa għaddej it-taħriġ tal-iskrivani skont l-order of merit u l-vakanzi jimtlew skont l-esiġenzi tas-servizz.
Leg 12 PQ #32056 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Għawdex – akkomodazzjoni turistika – Eco Contribution

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ Eco Contribution fuq l-akkomodazzjoni turistika li nġabar minn Għawdex għall-perjodu minn Ġunju 2016 sa Ottubru 2016 u kemm kien l-ammont li nġabar għall-perjodu Novembru 2016 sa Jannar 2017?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ Eco Contribution fuq l-akkomodazzjoni turistika li nġabar minn Għawdex minn Ġunju 2016 sa Ottubru 2016 kien €95,159.35 waqt li l-ammont li nġabar f’Novembru 2016 u Diċembru 2016 kien €14,303.50. L-ammont ta’ Jannar 2017 isir magħruf iżjed ’il quddiem meta jinġabar it-tagħrif għall-ewwel tlett xhur tas-sena 2017.
Leg 12 PQ #32057 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa – flus imħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali ta’ flus li d-Dipartiment tas-Saħħa ħallas sena b’sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016: I. għal xiri ta’ mediċini; II. għal xiri ta’ servizzi; III. għal xiri ta’ makkinarju; IV. għall-manutenzjoni ta’ makkinarju; V. għal xiri ta’ proprjetà jew estensjoni ta’ bini u VI. għall-manutenzjoni tal-binjiet li jaqgħu taħt id-dipartiment?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għawdex – Uffiċċju tal-Konsumatur — ilmenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti li daħlu fl-uffiċċju tal-Konsumatur f'Għawdex matul is-sena 2016? Minn dawn l-ilmenti li daħlu f'Għawdex matul is-sena 2016 tista' l-Ministru tgħid kemm l-uffiċċju t'Għawdex irnexxielu jasal għal ftehim bejn konsumatur u negozjant wara medjazzjoni? Tista' tgħid kemm kien hemm ilmenti li daħlu fl-uffiċċju tal-Konsumatur f'Għawdex matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017? Minn dawn l-ilmenti li daħlu f'Għawdex matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017 tista' l-Ministru tgħid ukoll kemm l-uffiċċju t'Għawdex irnexxielu jasal għal ftehim bejn konsumatur u negozjant wara medjazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-2016 ġew irreġstrati 69 kaz fl-Uffiċċju ta’Għadex. Peress li ġew allokati ilmenti oħra minn Malta dan l-Uffiċċju wassal għal ftehim amikevoli bejn il-konsumatur u n-negozjant 107 kazijiet. Matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017 daħlu 10 ilmenti. L-ebda ilmenti ma kien allokat lill-Uffiċċju ta’ Għawdex.
Leg 12 PQ #32064 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ mal-Enemalta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-persuna msemmija ġiet ikkuntatjata u qed jingħata l-appoġġ meħtieġ mit-tim tal-customer care tal-Kumpanija.

Il-Pitkalija – tenders għal xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema tenders għal xogħol fil-pitkalija ġew aġġudikati, u x-xogħol fl-istess tenders għadu ma nbediex? Kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol u meta hu mistenni li jinbeda?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li jien infurmat illi bħalissa hemm tender waħda (xogħol tal-waterproofing) li ħarġet, ġiet aġġudikata, u x-xogħol mistenni jibda fix-xhur tas-Sajf meta jkun aktar ċert li mhix se taghmel ix-xita, sabiex ix-xogħlijiet isiru kif suppost. L-ispiża hija ta’ €6603 VAT eskluż.
Leg 12 PQ #32074 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Użu ta’ ilma mit-tisfija tad-drenaġġ

Question

Billi qed jingħad li l-ewwel ilma mit-tisfija tad-drenaġġ hu mistenni li jibda jintuża fil-futur qarib, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema nħawi hu mistenni jibda jintuża u liema parti mill-mains li kellhom jitqiegħdu, fil-fatt qegħdin fil-post? Meta hu mistenni li jitqiegħdu l-mains kollha meħtieġa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma li se tingħata iktar informazzjoni fil-futur.

Xogħlijiet fuq post tal-Gvern — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward irranġar ta' apramorta tal-bejt, tibjid fil-komun u rranġar ta' qiegħ ta' gallarija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar qed tagħti l-attenzjoni meħtieġa lil dan il-każ.
Leg 12 PQ #32076 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – siti storiċi jew arkeologiċi protetti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema siti storiċi jew arkeoloġiċi f’Għawdex, huma protetti? Kemm ilhom hekk protetti? Liema siti oħra hu mistenni li jiġu dikjarati bħala protetti, matul din is-sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.