Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'rappreżentazzjonijiet għamel il-Ministeru, kemm mal-Ministru tal-Finanzi, kif ukoll ma' dak tat-Trasport biex il-finanzi meħtieġa għat-toroq ta' Buġibba u l-Qawra jiġu provduti fil-iqsar żmien possibbli? X'kienet ir-reazzjoni ta' dawn il-Ministeri għat-talbiet li saru?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26248, datata 22 ta’ Ġunju 2016.
WSC – xogħlijiet matul tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux minnu li l-Water Services Corporation għandha policy li matul tmiem il-ġimgħa, (u fil-festi pubbliċi), isiru biss tiswijiet ta' urġenza li jolqtu residenzi, u mhux xogħol ieħor?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi l-Korporazzjoni m’għandiex il-policy msemmija.
Stabbilimenti kummerċjali, bars u ristoranti — skart
Question
Billi jidher li numru ta' sidien jew amministraturi ta' stabbilimenti kummerċjali, kemm bars/restaurants, kif ukoll lukandi, jidher li mhux qed jimxu ma' dak li hu mistenni minnhom, u/jew qed iħallu l-iskart tagħhom wara l-bibien tard billejl, u dan jibqa' hemm sal-għada filgħodu, u fil-każ ta' xi lukandi qed iħallu wkoll skips jiġru fit-toroq, minflok jaraw li dawn jinżammu fejn ma jkunux jidhru mill-pubbliku, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess operaturi jiġu mfakkra fl-obbligi tagħhom, u dan għall-benefiċċju tal-lokalitajiet fejn jinsabu u tagħhom stess?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, fil-bidu tas-sena, bagħtet ittra lil kull detentur tal-liċenzja ta’ stabbilliment tal-ikel tfakkarhom bl-obbligi legali tagħhom. Fosthom, kien hemm illi jrid ikollhom kuntrattur awtoriżżat għall-ġbir ta’ skart kif ukoll ġew imfakkra dwar il-regolamenti dwar l-iskart.
Miżura oħra li qegħda tittieħed hija li kull applikant ta’ stabbilliment tal-ikel huwa mitlub jippreżenta kopja ta’ kuntratt għall-ġbir ta’ skart qabel ma tinħareg liċenzja. Waqt spezzjonijiet li jsiru mit-Taqsima tal-Infurzar, l-operatur jiġi mistoqsi biex jippreżenta kopja tal-kuntratt u/jew kopji ta’ rċevuti relatati ma’ ġbir ta’ skart.
Billi l-membri tar-Rapid Intervention Unit (RIU) kien ingħad li għamlu taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar, u dan matul Awissu 2015, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk illum il-membri tar-RIU għadhomx l-istess li kienu dak iż-żmien, u jekk iva, reġax sarilhom xi forma ta' kors ieħor minn dak iż-żmien sal-lum? Jekk hemm membri ġodda, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn fil-fatt ingħatawx ukoll taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar? Jekk ma sarx taħriġ, meta hu mistenni li jseħħ dan it-taħriġ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Membri fi ħdan l-RIU li kienu ngħataw taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar matul Awwissu, 2015 ngħataw ukoll taħriġ ieħor fil-bidu tas-sena 2016. Kull membru li hemm ingħata dan it-taħriġ u ma jdumx ma jkun hemm taħriġ ieħor, għall-istess membri li jservu f’din it-Taqsima.
Billi jidher li matul dawn l-aħħar snin kien hemm problema kbira għal dak li jikkonċerna s-siġar tal-bajtar ta' San Ġwann u tat-tin, tant li f'bosta nħawi dawn is-siġar spiċċaw kważi meqruda għal kollox, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt kienx hemm rapporti partikulari dwar dawn is-siġar u jekk il-Ministeru mbarkax fuq xi programm partikulari biex ikunu jistgħu jiġu salvati dawn it-tip ta' siġar? Jekk iva, fiex jikkonsisti dan il-programm?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar snin kien hemm diversi rapporti mingħand bdiewa u l-pubbliku in ġenerali rigward mard fis-siġar tat-tin. Dan il-mard issa jidher li nfirex madwar Malta kollha u ftit inqas ġewwa l-gżira Għawdxija.
Il-Ministeru permezz tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed iwettaq pjan ta’ azzjoni għall-kontroll tal-insett
Hypocryphalus scabricollis,
li huwa
tip ta’ insett
li jtaqqab fiz-zokk tas-siġar tat-tin u li wassal għall-qerda ta’ dawn is-siġar.
Dan il-pjan jinkludi kampanja ta’ informazzjoni, żvilupp ta’ linji gwida għall-prattiċi ta’ biedja għaqlija, riċerka u l-konservazzjoni tas-siġar tat-tin, hekk kif kien indikat fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari 16997. Biex iwettaq
dan il-pjan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti għamel ftehim mal-Università ta’ Malta li jinkludi fih il-miżuri ta’ riċerka dwar l-insett u metodi ta’ kontroll, l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-kommunità ġenerali tal-biedja b’enfasi fuq il-varjetajiet lokali disponibbli f'Malta kif ukoll għall-aħjar prattiċi agrikoli li għandhom jiġu adottati għall-konservazzjoni ta’ dawn is-siġar. Ir-riċerka se tkun qed tiġi kkumplimentata b’kampanja intensiva ta' tagħrif għall-pubbliku sabiex jiġi mgħarraf aħjar dwar dan l-insett u tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-pesti li jattakkaw is-siġra tat-tin u kif dawn għandhom jiġu kkontrollati.
Apparti hekk, kif kien indikat fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari 21142 id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jinsab għaddej fuq proġett ta’ konservazzjoni sabiex jerġa’ jiddaħħal numru ta’ siġar tat-tin biex jikkumpensa għat-telf tagħhom. Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed joħloq ukoll inventarju ta’ siġar tat-tin sabiex ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla dan l-insett.
Familji li qegħdin f’kuntatt biex ikunu jistgħu jadottaw
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' familji Maltin li qegħdin f'kuntatt mal-Ministeru biex ikunu jistgħu jadottaw tfal, minn Malta jew minn barra minn Malta preżentament? Meta hu mistenni li dawn it-talbiet ikunu jistgħu jiġu milqugħa? X'tip ta' għajnuna jagħti l-Ministeru lil dawk il-persuni li jippruvaw jadottaw minn barra minn Malta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-familji Maltin li qegħdin fil-proċess tal-adozzjoni, kemm minn Malta, kif ukoll minn barra minn Malta, ma jkunux qegħdin f’kuntatt mal-Ministeru iżda mal-aġenziji akkreditati biex joffru servizzi ta’ adozzjoni. Fil-każ ta’ adozzjonijiet internazzjonali, jekk dawn it-talbiet jintlaqgħux jew le, jiddependi mill-Awtorijiet kompetenti tal-pajjiż li minnu jkunu ser jiġu adottati t-tfal. L-aġenziji tal-adozzjoni akkreditati lokalment jiggwidaw lill-ġenituri adottivi prospettivi matul il-proċess sħiħ tal-adozzjoni.
Proġett li mistenni jwassal l-ilma għand il-bdiewa
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proġett li permezz tiegħu hu mistenni li jitwassal l-ilma għand il-bdiewa, (second class water), biex ikun jista' jiġi wżat minnhom? F'liema nħawi għaddej xogħol biex dan ikun jista’ jsir? Kemm bdiewa hu mistenni li jibbenefikaw minn tali ilma, u x'inhi l-proċedura li jridu jużaw biex jagħmlu użu minn dan l-istess ilma?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li beda l-commissioning u l-ittestjar tal-ilma. Is-sistema tal-pajpijiet tinsab fi stat avvanzat ta' tlestija sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan l-ilma permezz ta’ bowsers. Se jkun possibli li jsir użu minn dan l-ilma fl-inħawi qrib l-istess impjanti kif ġej:
Taċ-Ċumnija: Pwales u partijiet minn Binġemma.
Ras il-Ħobż: Għajnsielem, Xewkija, Kerċem.
Barkat: Xgħajra, Marsaskala, Żejtun.
Billi saru numru ta' stqarrijet dwar il-mod li bih suppost ser ikun jista' jsir trasport bejn Malta u Għawdex, kemm għal dak li jirrigwarda l-mina, kif ukoll għal dak li jikkonċerna mezzi oħra ta' trasport, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema studji saru fuq kull wieħed mill-mezzi li hu mistenni li jiġi investigat? Min għamel dawn l-istudji, u jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istess studji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġibiet li ngħataw s’issa fuq dan is-suġġett. Kull informazzjoni oħra f’dan ir-rigward titħabbar fil-mument opportun.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir kors ieħor għal dak li jikkonċerna persuni li jkunu ċertifikati biex joħorġu ċertifikat ta' energy performance? X'qed iżomm biex tali kors jerġa’ jinżamm, meta hemm tant nies li jixtiequ jagħmlu dan il-kors, u hemm ukoll ħtieġa għalih fis-suq?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fuq il-pelican lights li hemm f'Mosta Road, San Pawl il-Baħar? Billi dawn il-lights qed iservu iktar ta’ tfixkil minflok ikunu ta’ għajnuna għat-traffiku, jista' jieħu l-passi neċessarji biex it-timing ta' dawn il-lights jiġi aġġornat skond il-ħtiġijet tal-area?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pelican lights kollha jiġu ċċekjati kull xahar sabiex ikun żgurat li qed jaħdmu kif suppost. It-timings ta’ dawn il-lights partikulari ġew ssetjati bħal oħrajn fl-istess sistema, u qatt ma nħasset il-ħtieġa li jiġu mibdula.
Studji dwar is-servizz bl-ajru bejn Għawdex u destinazzjonijiet oħra
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-istudji li suppost saru, jew qed isiru dwar is-servizz bl-ajru bejn Għawdex u destinazzjonjiet oħra? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ dawn l-istess studji? Kemm ġie jiswa kull wieħed minn dawn l-istudji?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li dawn l-istudji ġew finalizzati . Peress li din hija informazzjoni sensittiva u ta’ natura kummerċjali, dawn ir-rapporti ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. A rigward l-aħħar parti ta’ din il Mistoqsija Parlamentari nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari 11887.
Billi jidher li numru ta' arbli twaħħlu minn entitajiet differenti fuq bankini differenti, f'diversi toroq f’San Pawl il-Baħar, , jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Transport Malta tordna lill-entitajiet li waħħluhom biex jaqilgħuhom minn fejn qegħdin, minħabba l-inkonvenjenzi li qed joħolqu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettajli sew dwar il-post kif ukoll it-tip ta’ arbli li għalihom qed jirreferi.
Billi f'rapport fil-Malta Independent dwar ħsarat li saru fil-playing field tal-Baħrija, , fejn qed jingħad li xi residenti ltaqgħu ma' persuni f'Kastilja dwar dan il-każ, u kif ġie irraportat, ingħad li l-istess playing field se terġa’ tinbena mill-ġdid, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min se jibni mill-ġdid din l-istess playing field, u meta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qed jagħti fl-aħħar gimgħat attenzjoni lill-proġett tad-drenaġġ ġewwa l-Baħrija u l-inħawi tal-madwar li sewa €6.5 miljun, proġett li qatt ma twettaq minn Gvern preċedenti.
Illum il-maggoranza assoluta ta dawn ir-residenti għandhom servizz bażiku tad-drenaġġ għall-ewwel darba.
Ninsab informat li jeħtieg issir xi xoghol ta’manutenzzjoni fuq il-playing field li qed tissemma fil-mistoqsija tieghu u jitqiegħdu xi strutturi zgħar li jtejjbu s-sahha u sigurta.
Bypass ta’ San Pawl il-Baħar – tagħbija u ħatt ta’ merkanzija – ilmenti lill-pulizija
Question
Billi fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, kuljum, jew kważi kuljum, qed ikun hemm ħatt u tagħbija ta' merkanzija, u dan qed iġib miegħu numru ta' lmenti minn dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija rċevietx ilmenti dwar dan, u jekk iva, x'passi ttieħdu sa issa?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-pulizija ma jirriżultaliex u ma rċeviet l-ebda lmenti li fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar hemm xi attività kummerċjali li tinvolvi il-ħatt u tgħabija ta' merkanzija.
Bypass ta’ San Pawl il-Baħar – tagħbija u ħatt ta’ merkanzija – ilmenti lill-Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta rċevietx ilment dwar ħatt ta' materjal fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, liema ħatt qed isir b'mod regolari? Jekk iva, x'passi ttieħdu dwar dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta rċeviet ilment rigward il-każ li tressaq f’din il-mistoqsija parlamentari. Permezz tas-Sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan Transport Malta, qed isir moniteraġġ iktar frekwenti tal-post indikat, sabiex dan l-abbuż jiġi mwaqqaf.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru inspections fuq il-gaġeġ tat-tonn matul din is-sena minn Jannar 2016 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Meta saru u fuq liema gaġeġ saru? Kemm suppost jinżamm tonn minn kull operatur u kemm instab li għandu tonn kull operatur? X'passi ħadu l-awtoritajiet fir-rigward ta' dawk li nstab li għandhom tonn aktar minn dak awtorizzat ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox saru 57 spezzjoni mid-Direttorat ta’ l-Akkwakultura, waqt il-caging tat-Tonn, li fil-maġġoranza tagħhom saru bejn Ġunju u Settembru 2016. Dawn l-ispezzjonijiet saru fuq il-gaġeġ kollha tal-farms tat-Tonn.
Ninsab infurmat li kull operatur jista’ jżomm massimu ta’ piż ta’ tonn skont kif irreġistrat mal-ICCAT.
Għandu jiġi nnotat ukoll li kull qabda ta’ kull sajjied partikolari, minn pajjiż partikolari trid tiġi
caged
b’mod individwali u għalhekk f’gaġeġ separati. F’każ li l-ispetturi tas-sajd ma jaqblux fl-ammont ta’ tonn minn qabda partikolari, ġo gaġġa partikolari, isir kuntatt mall-pajjiż ikkonċernat biex jew jiġu emendati d-dokumenti tal-qabda jew inkella jiġi rilaxxat id-differenza tal-ħut skont il-każ. Fil-fatt din is-sena saru 7 rilaxxi ta’ ħut ta’ dan it-tip minħabba diskrepanza bejn l-ammonti.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn fit-30 ta' Awwissu ma kienx hemm servizz tat-trasport pubbliku fuq ir-Rotta 62 mill-Belt għas-Siġġiewi bejn is-14:30 u t-15:20?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li fit-30 t’Awwissu 2016, il-vjaġġ li kien skedat li jitlaq mill-Belt Valletta lejn is-Siġġiewi fit-3:15 ta’ wara nofsinnhar sar fil-ħin. Mill-banda l-oħra, il-vjaġġi li kienu skedati fis-2:35 u 2:55 ta’ wara nofs in-nhar ma sarux minħabba li x-xufiera li kellhom iwettqu dawn ir-rotot irrapurtaw ma jifilħux ftit qabel ma beda il-vjaġġ.
Żejtun – Triq tal-Barrani – central strip – barrier tal-ħadid
Question
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li ssir barrier tal-ħadid fis-central strip li hemm taqsam iż-żewġ lanes fi Triq tal-Barrani, iż-Żejtun u dan fid-dawl tad-diversi inċidenti li seħħew f’din it-triq fejn karozzi jitilfu l-kontroll u jaqbżu għal-lane l-oħra bil-konsegwenza li jiġu head on ma’ min ikun għaddej għall-affari tiegħu fil-lane l-oħra? Billi s-central strip hi pjuttost baxxa u tinqabeż malajr, jista’ l-Ministru jikkunsidra dan is-suġġeriment?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħlijiet bħal dawn isiru abbażi ta' prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.
Jista’ l-Ministru ġentilment jara għaliex dan il-pazjent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li hu insulin-dependent diabetic ma baqax jingħata l-aqueous cream li kien juża għall-saqajh u li ilu jieħu għall-snin twal? Billi dan ir-raġel jgħix bil-pensjoni, jista’ l-Ministru ġentilment jitlob lil xi ħadd jindaga dan il-każ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2012, l-gvern ta’ dak iz-zmien kien biddel l-entitlement ta’ pazjenti li jbatu bid-dijabete, b’konsegwenza ta’ dan meta skadewlhom l-permessi numru ta’ pazjenti tilfu xi beneficcji li kellhom access ghalihom qabel. Fil-Budget ta’ ftit granet ohra l-gvern bi hsiebu jindirizza din is-sitwazzjoni sabiex pazjenti bid-dijabete jergaw jakkwistaw beneficcji li kienu gew mcahhda minnhom mill-gvern precidenti.
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn nhar it-Tlieta 30’ t’Awwissu ma kienx hemm servizz tat-trasport pubbliku fuq ir-rotta numru 62 mis-Siġġiewi għall-Belt fil-5:30 u l-istess il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru fil-5:30 u fis-6?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi fit-30 t’Awwissu 2016, il-vjaġġ li kien skedat li jitlaq mis-Siġġiewi lejn il-Belt Valletta fil- 5:36 ta’ filgħodu sar għalkemm telaq 6 minuti tard.
Infurmat ukoll li fit-2 ta’ Settembru 2016, il-vjaġġ li kien skedat li jsir mis-Siġġiewi fil-5:56 ta’ filgħodu sar għalkemm telaq ftit minuti tard. Mill-banda l-ohra, il-vjaġġ li kien skedat li jitlaq fil-5:36 ta’ filgħodu ma sarx minħabba li x-xufier irraporta li ma kienx jiflaħ u ma kienx hemm żmien biżżejjed sabiex jinstab xufier ieħor sabiex jagħmel dan il-vjaġġ.