Billi f'San Martin, (fl-inħawi tal-Għar tal-Madonna), limiti ta' San Pawl il-Baħar, hemm numru ta' arbli qodma tad-dawl li tħallew fil-post, minkejja li twaħħlu arbli ġodda ħdejhom, dawn l-istess arbli qodma jistgħu jikkawżaw danni, u huma ta' periklu għal min ikun għaddej minn dawn l-inħawi, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-arbli l-qodma jinqalgħu minn fejn qegħdin?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-arbli msemmija tneħħew wara li l-entitajiet privati li kellhom xi wires imwaħħla magħhom neħħewhom.
Billi fit-triq prinċipali ta’ Burmarrad, (qrib l-iScotts Supermarket) hemm żewġ postijiet fejn il-ħajt hu mwaqqa’ (probabilment wara xi inċidenti tat-traffiku), u anke hemm crash barrier li hi mkissra, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-ħsara tiġi msewwija?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettalji dwar iż-żewġ postijiet fejn il-ħajt huwa mwaqqa’. Rigward il-crash barrier, din ġiet miżjuda mal-lista ta’ tiswijiet li jridu jsiru skont il-prijoritajiet.
Billi issa għaddew numru ta' ġimgħat minn mindu t-tabella għad-daħla ta’ Buġibba/ Qawra, fl-inħawi ta' Kennedy Grove tkissret, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex mingħajr iktar dewmien din it-tabella terġa' titqiegħed f'postha?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 26797.
Billi l-ħruġ għall-Coast Road, quddiem Kennedy Grove tasal għalih minn triq li hi mħarbta, u li kompliet titħarbat minħabba x-xogħol li sar fuq l-istess Coast Road, jista' l-Ministru jassigura li din il-parti tat-triq li mhijiex mogħtija tarmac tingħata wiċċ, qabel ma tkun il-kawza ta' xi inċidenti li jistgħu jkunu wkoll fatali?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettalji dwar il-ħruġ li għalih qiegħed jirreferi.
Billi quddiem il-ħruġ f’salib it-toroq li tgħaqqad it-triq prinċipali ta' Burmarrad mat-telgħa tal-Wardija hemm parti mill-bankina li hi nieqsa (in-naħa l-oħra tat-triq fejn hemm il-bankina), jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jieħu l-passi neċessarji biex fil-fatt din il-parti tal-bankina li hi nieqsa ssir, biex jiġi evitat periklu għal dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet nota tas-suġġeriment u se tindirizza il-kwistjoni skont il-ħtieġa u prioritajiet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-perched beach tal-Qawra/Buġibba jew partijiet minnu fil-fatt humiex riservati għal min ikun qed juża l-lukandi ta' madwar, u li persuni oħra ma jitħallewx jużaw din l-istess bajja? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni privati jistgħux jitkeċċew minn dan il-post mill-operaturi tal-lukandi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, żewġ partijiet mill-Perched Beach huma riservati għal żewg lukandi fl-akkwata. Waħda topera minn naħa tax-xellug filwaqt li l-oħra topera minn naħa tal-lemin. Iż-żewġ lukandi ngħataw il-permessi sabiex joperaw dawn il-beach concessions mid-Dipartiment tal-Artijiet fl-2007. Fl-istess ħin hemm parti sostanzjali fin-nofs għall-użu tal-pubbliku u għalhekk il-pubbliku m’għandux għalfejn jitkeċċa minn fuq din il-bajja.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25858, ir-referenza għas-siti li jkerrhu hi għal dak li jikkonċerna numru ta' plots, li apparentement huma abbandunati, għaliex fihom la hemm ħidma agrikola u lanqas attività ta' kostruzzjoni, li hemm u b'mod partikulari fi Triq it-Tamar, Triq il-Port Ruman, Triq it-Turisti, u Triq il-Fugass. Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex is-sidien ta' dawn is-siti jiġu nfurmati biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex dawn l-istess siti ma jibqgħux abbandunati, u esposti għar-rimi ta' skart minn persuni rresponsabbli?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li illi uffiċjali tal- istess Awtorità spezzjonaw it-toroq imsemmija (jiġifieri Triq it-Tamar, Triq il-Port Ruman, Triq it-Turisti u Triq il-Fugass) fejn irriżulta illi l-plots vojta huma siti ta' kostruzzjoni, jew għelieqi kultivati, jew inkella siti li huma diġà mdawrin b'ħitan. Barra minn hekk, ma rriżultax illi kien hemm xi siti illi qegħdin jikkawżaw xi ħsara lill-ġmiel jew siwi taż-żona u li jimmeritaw azzjoni mill-Awtorità skont artikolu 99(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (2016).
Turisti — Ħlas ta’ 50 ċenteżmu għal kull lejl– proġetti minn fondi miġbura
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li mistennija li jiġu ffinanzjati mill-fondi miġbura mill-ħlas ta' 50 ċenteżmu għal kull lejl mit-turisti li jkunu f'Malta, billi l-proċess ta' permessi meħtieġa, jitlob li jiġi użat ammont ta' ħin qabel jiġu akkwistati l-istess permessi? Billi fl-okkażżjoni ta' ċerimonja f'Birżebbugia, dwar Għar Dalam, li għaliha fost l-oħrajn attenda l-Ministru, ingħad li l-fondazzjoni responsabbli minn dawn il-proġetti għandha bosta proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati b'dan il-mod. Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawn il-proġetti, u fejn jinsabu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li se jintgħażlu mill-Bord li twaqqaf għal dan il-għan, u li se jkunu ffinanzjati mill-fondi miġbura mill-Eko Kontribuzzjoni sabiex intejbu l-kwalità tal-prodott turistiku f’pajjiżna, jiġu mħabbra fil-mument opportun.
Fondi tal-Unjoni Ewropea – xogħlijiet f’toroq rurali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi/jew inizjattivi hu mistenni li jittieħdu matul l-aħħar xhur ta' din is-sena/ bidu tas-sena d-dieħla, biex jiġi assigurat li fondi tal-UE jkunu jistgħu jintużaw biex bihom isiru xogħlijiet f’toroq rurali fil-kampanja? Meta hu mistenni li jitħabbru dawn l-istess skemi?
Response (GRECH, LOUIS)
Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-sotto miżura 4.3 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020 ser tiffinanzja xogħolijiet f’toroq rurali fil-kampanja. L-applikazzjoni marbuta ma' din l-inizjattiva hija mistennija li tiġi varata fix-xhur li ġejjin.
Billi f'dawn l-aħħar jiem kien hemm fawran tad-drenaġġ ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, liema fawran wassal biex in-nies jiġu mitluba biex ma jgħumux f'dawn l-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex seħħ dan il-fawran? X'passi ser jittieħdu biex dawn it-tip ta' problemi ma jibqgħux jirrepetu ruħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-fawran imsemmi ġie kkawżat minn problema teknika fil-pumping station. Il-Korporazzjoni għamlet it-tiswijiet meħtieġa minnufih.
Billi fl-inħawi tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar, għal darba oħra qed jerġa’ jkun hemm irwejjaħ kbar ta' drenaġġ, liema rwejjaħ suppost li l-Water Services Corporation ħadet passi biex jitneħħew, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi fil-fatt ittieħdu dwar dawn l-istess irwejjaħ, kif kien ingħad f'domanda parlamentari preċedenti? Meta ttieħdu xi miżuri dwar dan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li mill-investigazzjoni li saret irriżulta li r-riħa ta’ drenaġġ fiż-żona tal-Veċċja kienet ikkaġunata minn fawran tad-drenaġġ minn sistema privata fi Triq San Pawl. Minħabba li l-fawran seħħ minn propjeta’ privata l-każ ġie rriferut lid-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Billi din is-sena qed jerġgħu jitfaċċaw problemi marbutin mas-sistema tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar, u billi jidher li matul is-snin li ġejjin il-lokalità ser tkompli tikber ħafna minħabba l-appartamenti li qegħdin jinbnew, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti marbuta mal-upgrade tas-sistema tad-drenaġġ, u dan qabel ma jkun tard wisq għal dan l-istess lokal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-Korporazzjoni qed tħejji pjan għas-snin li ġejjin għall-infrastruttura tal-ilma u d-drenaġġ għal Malta kollha.
Billi jirriżulta li numru ta' bozoz fuq l-arbli fit-toroq fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, suppost jiġu rranġati mill-Enemalta, dawn jinsabu maqtugħa, u wħud minnhom ilhom hekk maqtugħa għal numru ta' ġimgħat, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess bozoz jiġu rranġati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li sad-data li saret din il-mistoqsija parlamentari, il-Kumpanija ma kellhiex rapporti pendenti ta’ ħsarat ta’ dwal fit-toroq f’San Pawl il-Baħar.
Ħsarat ta’ dwal tat-toroq l-ewwel jiġu ċċekjati mill-Kunsill Lokali u jekk jinstab li ma jistgħux jiġu rranġati mill-Kunsill stess, dawn jużaw il-proċeduri stabbiliti biex jitolbu l-għajnuna tal-Enemalta plc.
Billi numru ta' Belisha lights madwar San Pawl il-Baħar huma bil-ħsara, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jassigura li ssir spezzjoni fuq dawn l-istess lights, u fejn meħtieġ jiġu msewwija, minħabba l-fatt li dawn jistgħu jkunu ta' periklu għal dawk li jaqsmu minn fuq l-istess zebra crossings li hemm fl-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettalji (t-triq) ta’ fejn jinstabu dawn il-belisha lights. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-belisha lights li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta huma dawk li jinstabu f’dawn it-toroq:
Xatt il-Pwales
Telgħa tax-Xemxija
Triq ta’ Xifer il-Kief
Kennedy Drive
Dawret San Pawl il-Baħar
Triq Burmarrad
Triq Toni Camilleri
Il-belisha lights tul it-toroq imsemmija jiġu spezzjonati minn Transport Malta kull ħmistax.
B'referenza għar-risposta ta' domandi parlamentari preċedenti, dwar l-irwejjaħ li ħerġin mil-land fill tal-Magħtab, b'detriment għar-residenti ta' San Pawl il-Baħar, Qawra, Buġibba, Burmarrad, Naxxar, u Għargħur, fost l-oħrajn, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess irwejjaħ jinqatgħu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li ttieħdu, kif diġa’ intqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, diġa’ ħallew ir-riżultati mixtieqa u fil-fatt il-complaints naqsu drastikament.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li jipprovdu servizz lill-Gozo Channel, kemm jekk direttament, kif ukoll jekk mal-kuntrattur, fl-aħħar ta' Lulju 2016?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema li jipprovdu servizz direttament lill-Gozo Channel sa l-aħħar ta’ Lulju huma:
186 ‘direct full time employees’
9 ‘board members part-time’
Numru ta’ siegħat għall-perjodu ta’ sena mingħand il-Kuntrattur huma:
Mooring Men 14,000 siegħa
Cafeteria Attendants 14,000 siegħa
Cleaners 14,500 siegħa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' makkinarju għal dak li jikkonċerna tifi tan-nar għandhu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?X'passi qed jittieħdu biex id-dipartiment ikollu biżżejjed makkinarju biex ilaħħaq mal-għoli dejjem jiżdied ta’ bini li għandna, jew li se jkollna f'Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu diversi tipi ta’ makkinarju għal dak li jikkonċerna tifi tan-nar. Dan il-makkinarju jvarja l-użu tiegħu skont it-tip tan-nar li jkun hemm, jekk jkun wieħed industrijali, domestiku, rubish, grass fires u oħrajn.
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-mistoqsija parlamentari 26517, ninformah li fil-programm ta’ tibdil u rinovar tal-vetturi hemm il-ħsieb li jinxtraw flotta ta’ sitt vetturi magħrufin bħala ‘Turn Table Ladders’/’Aerial Platform’ bi slielen/platform li jwasslu f’aktar għoli.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'permessi nħarġu minn Transport Malta għal xogħol li sar fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, fl-1 ta' Awwissu 2016? Għal liema xogħol inħarġu l-permessi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt ix-xogħlijiet li ħarġu l-permessi għalihom sarux kif kien miftiehem li jsiru? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlitx xi koordinazzjoni ma' Transport Malta dwar dan ix-xogħol li sar? Jekk iva, min ikkoordina x-xogħol, u x'kundizzjonijiet ġew imposti dwar l-istess xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija taqa’ taħt l-iskeda maħruġa mill-Awtorità tat-Turiżmu biex ma jsirx xogħol f’ċerti toroq minħabba li jaqgħu f’żoni turistiċi, u l-Awtorità tagħmel mill-aħjar biex tosserva din l-iskeda. Madanakollu, irriżulta li f’din it-triq ġie maħruġ permess tal-emerġenza fit-28 ta’ Lulju mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta minħabba li kien hemm drenaġġ difettuż.
Peress li dan hu permess ta’emerġenza, hi responsabilità tal-kuntrattur li jagħmel il-koordinazzjoni kollha. Il-kundizzjonijiet li ġew maħruġa fil-permess, mill-perit li kien inkarigat mill-emerġenza, kienu dawn:
- Li ma jagħlaqx it-triq;
- Li t-trasport pubbliku ma jiġix effetwat;
- Ikun hemm uffiċċjali biex jidderieġu t-traffiku;
- Jitneħħa l-parkeġġ minn faċċata jekk ikun hemm bżonn biex it-traffiku jgħaddi fiż-żewġ direzzjonijiet;
- Ix-xogħol jibda wara d-09:00am u għandu jieqaf fis-6:00pm
- Ma jsirx xogħol il-Ħadd 31 ta’ Lulju
-
Reinstatement
isir skont linji gwida li nħarġu f’Marzu 2016 mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura.
San Pawl il-Baħar — Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – sistemi tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni saret mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, waħedha, jew ma' korporazzjonijiet oħra, għal dak li jikkonċerna x-xogħol li sar b'rabta mas-sistema tad-drenaġġ, fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, fl-1 ta' Awwissu 2016? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm koordinazzjni fuq il-post, biex isiru s-superviżjonijiet neċessarji minn uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li huma marru fuq il-post indikat meta l-kuntrattur kien se jibda bix-xogħlijiet ħalli jassiguraw li l-connection bejn il-katusa privata u l-main tad-drenaġġ issir kif suppost.
Billi huma bosta l-każijiet, madwar Malta u Għawdex fejn arbli tad-dawl qegħdin fuq il-bankina, bil-problemi kollha li dawn jistgħu jikkawżaw, b'mod partikulari fil-postijiet fejn il-bankini mhumiex wesgħin ħafna, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm, lokalità b’lokalità, arbli li qegħdin fuq il-bankina? X'passi hu mistenni li tieħu l-Enemalta biex dawn l-inkonvenjenzi jonqsu u jekk jista’ jkun jispiċċaw?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li fejn ikun possibbli jiġi evitat twaħħil ta’ arbli fuq bankini. Kull meta l-Kumpanija tirċievi rapporti ta’ arbli li jkunu ta’ diffikulta’ għall-pubbliku, it-teknici jmorru fuq il-post biex jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi b’konsultazzjoni ma’ dawk li jkunu rrapurtaw il-każ. Jekk ikun teknikament possibbli li l-arblu jitneħħa, l-Enemalta ma jkollha l-ebda diffikulta’ li tagħmel dan.