Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #27624 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – pazjenti jintalbu jixtrumediċini

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li pazjenti għall-kura fl-Isptar Mater Dei qed jingħataw riċetta tat-tabib biex jixtru l-mediċini li jkollhom bżonn waqt li jkunu għall-kura fl-isptar? Jikkonferma li fost dawn il-mediċini kien hemm: Augmentin 675mg, Bethadine Wash, Flagyl 400mg, Solpadeine u Catafast 50mg?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mediċini msemmija f’din il-mistoqsija jew varjazzjoni tagħhom huma disponibbli fuq il-formularju tal-Gvern. It-tobba għandhom il-possibilità li jindikaw mediċini li mhumiex fuq il-formularju tal-Gvern wara diskussjoni mal-pazjent.
Leg 12 PQ #27625 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Dipartiment tas-Servizz tas-Saħħa Pubbliku – ingaġġ ta’ infermiera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-infermiera li temmew il-kors tan-nursing b’suċċess fl-2016? Kemm minn dawn l-infermiera ġew impjegati mad-Dipartiment tas-Servizz tas-Saħħa Pubbliku? Jikkonferma li l-pjan tal-Gvern kien li jiġu mpjegati inqas infermiera imma n-numru żdied wara pressjoni mill-familjari tal-gradwati l-ġodda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 129 infermiera li għaddew mill-ezamijiet mill-ewwel u ġa bdew jaħdmu mad-Dipartiment tas-Servizz tas-Saħħa Pubblika. Filwaqt li dawk l-infermiera li għaddew mir-resets fit-3 ta’ Ottubru qegħdin fil-proċess li japplikaw.

Skejjel – inizjattivi tal-Gvern marbuta mal-Presidenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx inizjattivi min-naħa tal-Gvern li qed isiru jew se jsiru fl-iskejjel, marbuta mal-Presidenza u jekk iva jgħid x’inhuma? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx jew hux se jkun hemm involviment tas-settur privat f’dawn l-inizjattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċju tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017 li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali, flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qed iħejju pjan ħolistiku ta’ inizjattivi marbuta mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-pjan finali f’dan ir-rigward, se jkun qiegħed jiġi konkluż u jibda jiġi attwat fil-ġranet li ġejjin b’ċerti inizjattivi jinvolvu lis-settur privat.

Università u MCAST – studenti – maintenance grant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' studenti li ntalbu rimborż ta' parti mill-maintenance grant jew stipendji għall-kors fl-MCAST u l-Università matul is-sena akkademika li għaddiet? Jista’ jgħid kemm kien l-ammont ta ' Ewro effettivament mitluba għal kull entità u kemm inġabru? X'kien l-akbar ammont mitlub mingħand kull student individwali miż-żewġ entitajiet u x'kienu l-aktar raġunijiet li waslu għal dawn it-talbiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ studenti li ntalbu rimborż ta' parti mill-grant jew ħlas żejjed fuq stipendji għall-kors fl-Università matul is-sena akkademika 2015/16 kien ta’ 371 filwaqt li mill-MCAST in-numru huwa ta’ 458. L-ammont ta’ flus totali mitlub mill-Università kien ta’ €176,857.08 u mill-MCAST €136,082.36. Mill-ammont totali mitlub, mill-Università nġabru €142,211.17 filwaqt li €64,615.08 inġabru mill-MCAST. L-ikbar ammont individwali mitlub mill-Università fis-sena akkademika li għaddiet kien jammonta għal €1,762.74 u €1,694.80 mill-MCAST. L-aktar raġunijiet li wasslu għal dawn it-talbiet kienu riżenji bikrija mill-kors ta’ studju fl-istituzzjoni rispettiva wara li jkunu ġew kreditati l-għotjiet inizjali.

Għawdex – Sixth Form – estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-estensjoni tas-Sixth Form f'Għawdex bdiet tintuża, meta fil-Qorti ntqal li l-kuntrattur għamel xogħol ħażin fl-istruttura ta' din il-binja? Min iċċertifika x-xogħol u li din l-iskola tista' tintuża mill-istudenti, ladarba l-kuntrattur ma ġiex mħallas tax-xogħol tiegħu minħabba xogħol ħażin fil-konkos u bini?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq inkarigu tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, perit iċċertifika li "the property is structurally safe for its users according to the present intended use." Għalkemm il-kawża li qiegħed isemmi l-Onor. Interpellant għadha sub judice, infurmat ukoll li bejn l-FTS u l-kuntrattur hemm claims u counter claims dwar ix-xogħol li sar fl-estensjoni tas-Sixth Form f’Għawdex.

Master in Teaching & Learning – applikazzjonijiet ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti applikaw għall-kors tal-Master in Teaching & Learning (MTL) ġewwa l-Università għal din is-sena akkademika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kien hemm 111-il applikazzjoni għall-kors il-ġdid li jwassal għall-Master in Teaching and Learning (MTL) li 71 applikant għażlu bħala jew l-ewwel jew it-tieni preferenza. Minnhom 49 ġew aċċettati għaliex issodisfaw ir-rekwiżiti għad-dħul kollha. Fis-7 ta’ Ottubru 2016 L-Universita’ reġgħet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għal persuni li għandhom il-kwalifiki akkademiċi kollha iżda ma jkunux għaddew mit-testijiet ta’ profiċjenza tal-Malti u l-Ingliż biex jimtlew il-postijiet vakanti li baqa’. Dawk l-applikanti li jintgħażlu jkunu jridu jgħaddu minn dawn it-testijiet matul il-kors tal-MTL kif ukoll jagħmlu xi riflessjonijiet dwar esperjenza edukattiva, hekk kif speċifikat fl-Educational Encounters.

Learning Support Assistant – każ ta’ drogi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Learning Support Assistant li kellu każ ta' drogi u li kien instab ħati, baqax jaħdem fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, anzi tpoġġa fuq Scale 16 u ntbagħat ukoll jagħmel kors barra fuq diversity? Min ħa dawn id-deċiżjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-każ ta' dan il-Learning Support Assistant beda fl-10 ta’ Marzu 2014 u ntemm fis-27 ta’ April 2015, fejn instab ħati. Matul iż-żmien tal-kawża, l-impjegat kien sospiż fuq nofs paga (skont regolament 16(1) tal-PSC, Proċedura ta’ Dixxiplina), u wara li ħarġet is-sentenza tal-Qorti, l-OPM, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-PSC, ordnat illi l-impjegat jerġa' jidħol lura għax-xogħol, u jingħata l-penali li kien jinkludi:- · twissija ta’ tkeċċija valida għal sena (7/10/2015 – 7/10/2016); · jitlef is-salarju li nżamm matul il-perjodu ta’ sospensjoni tiegħu; · isir Rapport (kull sitt xhur) mis-Superjur tiegħu (matul is-sena tat-twissija ta’ tkeċċija), dwar il-progress fuq ix-xogħol. Ir-rapporti jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni. Din il-persuna ma tħallietx taħdem iżjed ġo skola, sabiex ma jkunx espost ma’ tfal, u għalhekk intbagħat jaħdem fuq xogħol klerikali fl-uffiċċju tal-Prinċipal tal-Kulleġġ. Infurmat li mid-9 ta’ Jannar 2010 dan l-impjegat kien ħa l-indefinite status meta ġie appuntat Uffiċjal fuq Skala 15 u meta daħal lura għax-xogħol fil-15 ta’ Lulju 2015, huwa żamm l-istess skala. Infurmat ukoll li ma ntbagħatx barra għall-kors fuq 'Diversity' iżda ntbagħat għal jumejn il-Ġermanja bħala parti mid-delegazzjoni tal-Kulleġġ sabiex jieħu sehem fit-'Transnational meeting'. Kienet fuq id-direttiva tal-Prinċipal tal-Kulleġġ li din il-persuna attendiet għal din il-laqgħa.

Inizjattiva dwar Restawr ta’ Postijiet Storiċi 2016 – applikazzjonijiet mill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni ġiet ippreżentata mill-kunsilli lokali taħt l-Inizjattiva dwar Restawr ta’ Postijiet Storici 2016 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali? Jista’ jagħti lista tal-binjiet li qegħdin jiġu proposti mill-kunsilli lokali biex isir ir-restawr tagħhom permezz ta’ din l-inizjattiva?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kienu sottomessi tlieta u tletin (33) applikazzjoni minn tletin (30) Kunsill Lokali għall-iskema li qed jirreferi għaliha hu. Iktar informazzjoni tinghata meta l - Bord tal-Aġġudikazzjoni ta’ din l-iskema jespleta l-inkarigu tieghu.

Kunsilli lokali – flus miċ-ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata flus kull kunsill lokali mill-flus miġbura miċ-ċitazzjonijiet minn Ottubru 2015 sal-aħħar ta’ Settembru 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat kif provdut mill-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) li jelenka l-flus li ngħata, jew li qegħdin fil-proċess li jingħata, kull Kunsill Lokali, bħala commission ta’ għaxra fil-mija (10%) fuq kull ċitazzjoni li tkun tħallset. Ninsab infurmat li fil-parti l-kbira tal-Kunsilli Lokali ġew rifuzi l-ammont dovut sa Lulju 2016. Irrid ngħid li apparti minn dawn il-fondi, l-Kunsilli Lokali se jibbenefikaw ukoll in toto jew in parte minn fondi in eċċess li fadal għand il-LESA wara sena ħidma u wara li jinqatgħu l-ispejjeż kollha. Se niltaqgħu mal-AKL dan ix-xahar stess biex niddiskutu aħjar kif l-aħjar jintużaw dawn il-fondi.

Wardens – admistration fee imħallsa mill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jitħallas bħala administration fee kull kunsill lokali tax-xogħol li jagħmel biex jiġu ordnati u jitħallsu l-wardens għal xogħlijiet privati mir-residenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli lokali – kuntratti għat-tindif, ġbir ta’ skart u xogħol ieħor konness ma’ upkeep

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-kuntratt/i preżenti ta’ kull kunsill lokali għall tindif, ġbir ta’ skart u xogħol ieħor kollu konness ma’ upkeep u tindif fil-lokalitajiet u kemm hu l-ammont ta’ flus li l-Gvern jagħti speċifikament għal dan l-iskop lil kull kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli Lokali – faċilitajiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-faċilitajiet sportivi li hemm f’kull lokalità u li huma fir-responsabilita tal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli Lokali – aġenti segretarju eżekuttivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għadhom b’aġent segretarju eżekuttiv? Jista’ jgħid fejn wasal kull każ biex kull kunsill lokali jkollu s-segretarju eżekuttiv tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Il-Mellieħa – għassa tal-Pulizija

Question

Il-fatt li llum il-popolazzjoni tal-Mellieħa qabżet l-10,000 persuna, , skont ir-reġistru elettorali (tal-kunsilli lokali), jista’ l-Ministru jara li fl-istess lokalità, l-għassa tal-pulizija tibqa’ miftuħa dejjem f`kull ħin u f`kull ċirkustanza? Dan però mingħajr ma’ tonqos il-preżenza tal-pulizija fit-toroq tal-Mellieħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ghassa tal-Pulizija fil-Mellieħa tinfetah erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Kif jista jifhem l-Onor. Interpellant, hemm ċirkostanzi li l-għassa tagħlaq għal ħin qasir,minħabba doveri oħra li jinqagħlu fil-komunità.

Il-Qawra/Buġibba — parties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu jew sejrin jittieħdu sabiex parties fiż-żona tal-Qawra/Buġibba, filwaqt li jibqgħu jsiru skont il-permessi , imma majikkawżawx inkonvenjent lir-residenti tal-madwar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li din is-sena l-Pulizija tad-Distrett, responsabbli mill-Qawra u Buġibba, ħarġu żewġ permessi għal parties. Wieħed kien f’Buġibba u l-ieħor fl-Armier. Bħalma tagħmel f’okkazzjonijiet simili, il-Pulizija ħadet ħsieb li jkun hemm numru ta’ Pulizija adekwat fuq il-post fejn ġew organizzati dawn l-attivitajiet barra milli żdiedu r-rondi fl-inħawi rispettivi biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm ksur ta’ liġi u tinżamm il-bon ordni.

San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, il-Qawra u n-Naxxar – numru ta’ pulizija fl-għases

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pulizija li bħalissa jinsabu assenjati fl-għases tal-Mellieħa, il-Qawra, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar, separatament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fl-għassa tal-Mellieha hemm tmintax, fl-Għassa tal-Qawra/San Pawl il-Baħar hemm tletin u fl-Għassa tan-Naxxar hemm sitta u għoxrin membru tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati.

Korp tal-Pulizija – membri assenjati għall-festi titulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija (b’mod separat)li kienu assenjati għall-festi titulari fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u n-Naxxar għall-festa tal-Vitorja u għall-festa ta’ Maria Addolorata f’San Pawl il-Baħar u fl-istess waqt jindika ukoll kemm kienet l-ispiża (b’mod separat) li l-kunsilli rispettivi ġew mitluba li jħallsu għal dan is-servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Minn nhar l-Erbgħa 27 ta’ Lulju sal-Ħadd l-1 ta’ Awwissu fil-lokalita ta’ San Pawl il-Baħar kien hemm stazzjonati erba’ u tletin membru tal-Korp rispettivament. Peress li dawn kienu fuq duty tagħhom ma sar l-ebda ħlas minn naħa tal-Kunsill Lokali Minn nhar il-Ħadd 28 ta’ Awwissu sal-Ħamis 8 ta’ Settembru fil-lokalita tal-Mellieħa kien hemm stazzjonati tmienja u ħamsin membru tal-Korp rispettivament. Wieħed u ħamsin minn dawn il-membri kienu qed jaħdmu id-duty tagħhom għalhekk ma kien hemm l-ebda ħlas minn naħa tal-Kunsill, filwaqt li s-seba’ l-oħra kienu qed jaħdmu extra duty u l-kunsill ntalab jħallas is-somma ta € 431.71. Minn nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru sal-Ħamis 8 ta’ Settemmbru fil-lokalita tan-Naxxar kien hemm stazzjonati wieħed u disgħin membru tal-Korp rispettivament. Peress li dawn kienu fuq duty tagħhom ma sar l-ebda ħlas minn naħa tal-Kunsill Lokali

Servizz ta’ Meals on Wheels

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-servizz tal-Meals-on-Wheels hux se jibqa’ jingħata kif dejjem ingħata s’issa għal dawn l-aħħar kważi 25 sena? Jekk le, jista’ jgħid jekk l-ikel hux se jibqa’ jitwassal sħun lill-anzjani li sal-lum dejjem twassal lilhom b’dan il-mod?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, għalissa, s-servizz tal-Meals-on-Wheels ser jibqa’ jingħata kif dejjem ingħata s’issa, għal dawn l-aħħar kważi 25 sena. Eventwalment, t-tender il-ġdid, ser ikun qiegħed iħaddan prattiċi skont pariri tekniċi li ngħataw lilna mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Meals on Wheels — servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li anzjani li bħalissa qed jingħataw/jew applikaw sabiex jibdew jingħataw is-servizz tal-Meals-on-Wheels ġew mistoqsija jekk fir-residenza privata tagħhom għandhomx fost l-oħrajn Microwave u Fridge ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz imsemmi minnu qiegħed jigi riformat u għaldaqshekk qed tinġabar l-informazzjoni kollha possibbli biex ikunu ndirizzti l-bżonnijiet tal-applikanti.

Akkomodazzjoni Soċjali – talbiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali sal-lum u jagħti l-informazzjoni kollha skont il-lokalità li minnhom ġejjin l-applikanti? Jista' jgħid kemm minnhom huma għall-ewwel dar tagħhom u kemm minnhom qed jitolbu li jbiddlu l-post għal post ieħor għal xi raġuni jew oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnha tinsabb fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.