Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #27444 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Policy għall-fish farms — proposti ġodda

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12882, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk, matul il-perjodu bejn ir-risposta għal din il-mistoqsija u llum, kienx hemm xi rakkomandazzjonijiet partikolari għal dak li jikkonċerna l-policy tal-MEPA, dwar il-fish farms? Jekk kien hemm, x'kienu r-rakkomandazzjonijiet li saru, u x'passi ttieħdu dwarhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li ma saru l-ebda proposti jew rakkomandazzjonijiet ġodda li tikkonċerna l-policy tal-PA rigward il-fish farms.
Leg 12 PQ #27459 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur – Triq Għajn Qasab – xogħlijiet fuq bankina quddiem iċ-Ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fuq il-bankina quddiem iċ-Ċimiterju l-ġdid tan-Nadur fi Triq Għajn Qasab ma tkompliex? Jista’ jgħid meta hu maħsub li jitkompla?

Response (REFALO, ANTON)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li għad jonqos tal-bini tal-bankina li tinsab quddiem iċ-ċimiterju fi Triq Għajn Qasab, Nadur qiegħed fil-programm tax-xogħlijiet tal-Ministeru u se jitkompla fil-futur qarib.
Leg 12 PQ #27460 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati b’eta pensjonabbli

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li qabżu l-età pensjonabbli u għadhom impjegati fis-settur pubbliku u fis-servizz pubbliku? Ma’ liema entitajiet u dipartimenti huma impjegati? F’liema gradi huma impjegati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li qabżu l-età pensjonabbli u għadhom impjegati fis-servizz pubbliku huwa ta’ 198 waqt li dawk impjegati fis-settur pubbliku huwa ta’111. Fis-servizz pubbliku il-kotra assoluta hija fil-qasam edukattiv fejn hemm 55 u fil-qasam tas-sahha fejn hemm 113. Il-bqija huma jew minhabba kazijiet umanitarji jew minhabba esigenzi tas-servizz sakemm jinstab sostitwit addattat. Fil-każ tas-settur pubbliku, madwar 20% tal-impjegati jaħdmu fil-qasam edukattiv filwaqt li l-kumplament qed jikkontribwixxu għal għoti ta’servizz aħjar f’diversi entitajiet.

Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija – ksur ta’ liġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni dwar karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija li jinqabdu jiksru l-liġijiet tat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozzi bi pjanċi barranin li qed jinqabdu jiksru l-liġi qed jiġu miġbura waqt spezzjonijiet li qed tagħmel Transport Malta bl-għajnuna tal-Pulizija. Fl-aħħar xahrejn, Transport Malta għamlet diversi spezzjonijiet li fihom inġabru aktar minn 85 vettura.

Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija – ksur ta’ liġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni dwar karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija li jinqabdu jiksru l-liġijiet tat-traffiku?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.

Siġġiewi – Triq Mons. Mikiel Azzopardi – miżuri ta’ saħħa u sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar u x’baqa’ jsir wara kien hemm l-evalwazzjoni u l-istudji ta’ Transport Malta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għal aktar saħħa u sigurtà fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi (il-bypass tas-Siġġiewi) biex jiġu evitati aktar aċċidenti fatali? F’hiex waslu miżuri bħal speed cameras u oħrajn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li speed cameras jiġu evalwati mil-LESA qabel ma jiġu sottomessi lil Transport Malta u sal-lum l-Awtorità ma rċeviet l-ebda talba f’dan ir-rigward. Transport Malta kienet ukoll infurmat lill-kunsill lokali bid-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ttieħdu wara li l-kunsill lokali ppropona ċertu miżuri.

Ksur tat-Taqsima VIII tal-Kap. 378 — sanzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew imposti sanzjonijiet minħabba xi allegat ksur tat-Taqsima VIII tal-Kap. 378 minn Mejju 2011 s’issa, sena b’sena? X’kienu dawn is-sanzjonijiet u kemm minnhom ġew ikkontestati quddiem il-Qorti u x’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sena 2012 kienu nħarġu ħames (5) Ordnijiet ta’ Tħaris minħabba ksur skont prattiċi kummerċjali mhux ġusti fir-reklamar fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Tnejn minn dawn appellaw lit-Tribunal tal-Appell għal-Kompetizzjoni u għal Konsumatur u dan l-appell għadu pendenti (sub judice). Fl-2015 ħarġet deċiżjoni ammistrattiva li biha ġew imposti multi amministrattivi ta’ €12,900 fir-rigward ta’ kumpanija stabbilita Malta minn ċittadin Żvediż bi ksur ta’ prattiċi kummerċjali mhux ġusti.

Ksur tat-Taqsima VII tal-Kap. 378 — sanzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew imposti sanzjonijiet minħabba xi allegat ksur tat-Taqsima VII tal-Kap. 378 minn Mejju 2011 s’issa, sena b’sena? X’kienu dawn is-sanzjonijiet u kemm minnhom ġew ikkontestati quddiem il-Qorti u x’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sena 2011 żewġ operaturi kienu għamlu użu minn termini mhux ġusti fil-kuntratti tas-servizz tat-televiżjoni. Wara diskussjonijiet irregolarizzaw ruħhom volontarjament. Għalhekk ma ġewx imposti multi amministrattivi. Fis-sena 2015 ġie investigat operatur tat-telekomunikazzjoni li kien uża termini mhux ġusti fil-kuntratti tas-servizzi rigward ħlasijiet fuq metodi ta’ pagamenti. L-operatur konċernat irregolarizza ruħu volontarjament.

L.S. 378.17 tal-Kap. 378 — sanzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew imposti sanzjonijiet minħabba xi allegat ksur tal-L.S. 378.17 magħmula taħt il-Kap. 378, minn Ġunju 2014 s’issa, sena b’sena? X’kienu dawn is-sanzjonijiet u kemm minnhom ġew ikkontestati quddiem il-Qorti u x’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2015 ġiet imposta multa ta’ €20,000, lill-kumpanija stabbilita Malta minn cittadin Żvediż. Dan kien qed jikser l-obbligu li jagħti tagħrif lill-konsumaturi Żvediżi dwar bejgħ mill-bogħod. Fl-istess sena, kampanija fil-qasam tat-telekomunikazzjoni kienet qed timponi ħlas żejjed fuq metodi ta’ pagamenti. Permezz tad-diskussjonijiet il-kumpanija għażlet li tirregolariżża ruħha billi neħħew il-ħlas.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – miżuri leġiżlattivi

Question

Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et, tista’ l-Ministru tispjega jekk hux se jittieħdu xi miżuri leġiżlattivi biex id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ikollu l-għodda kollha fil-liġi biex ikun jista’ jaġixxi f’każ ta’ allegat ksur ta’ liġi dwar il-kompetizzjoni u fejn meħtieġ jimponi jew jitlob l-impożizzjoni ta’ multi jew sanzjonijiet oħra? Jekk iva’ x’inhuma?

Response (DALLI, HELENA)

Jidher li Onor. Interpellant mhux infurmat li l-miżuri leġislattivi ġew mgħoddija lill-Oppożizzjoni, fl-1 ta’ Settembri 2016 għal-kunsiderazzjoni tagħha qabel dawn jitressqu għad-diskussjoni fil-parlament. Fil-fatt il-gvern qed jistenna il-ħsieb ta’ l-oppożizzjoni dwar dan.
Leg 12 PQ #27506 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – skejjel tal-Gvern — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, għas-sena skolastika 2016/2017 kemm hu n-numru ta' studenti f'kull skola tal-Gvern f'Għawdex, kemm tal-primarja kif ukoll sekondarji? Kemm hu n-numru ta' għalliema u LSAs f' kull skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #27525 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – individwu – training camps għal tfal Maltin

Question

B’referenza għall-kuntratt li ġie ffirmat lura fl-2014 bejn l-uffiċjali tal-Klabb tal-Futbol internazzjonali li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il training camp għal tfal Maltin fid-diversi nurseries imxerrda madwar Malta u Għawdex mexxa f’pajjiżna l-individwu li ismu qed jingħata separatment, matul l-2014, l-2015 u l-2016?? Jista’ jgħid fejn ġew organizzati dawn il-camps u kemm ħallas kull ġenitur biex ibnu/bintu setgħu jipparteċipaw?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt ta’ Javier Zanetti huwa ta’ natura promozzjonali fuq is-suq ġeografiku Taljan. Għaldaqstant, il-kuntratt jinkludi it-tnehid ta’ football training camps f’Malta li huma mmirati dejjem għas-suq Taljan u miftuħin għall-parteċipazzjoni ta’ individwi Taljani żgħar jew kbar, b’mod esklussiv. L-istess ftehim ma jinkludi fih l-ebda attivita ta’ training camps għat-tfal Maltin. Madanakollu Javier Zanetti b’permezz tal-Fondazzjoni PUPI li hi fondazzjoni mwaqqfa mill-plejer stess immirata biex tgħin tfal u familji żvantaġġjati fl-Arġentina, kellu diversi laqgħat ma tfal li jattendu Football Nurseries f’Malta. Fi Frar li għadda ġie organiżżat training camp b’kollaborazzjoni bejn Zebbug Rangers FC Youth Nursery, Fondazzjoni PUPI u l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu għal tfal bejn il-5 snin u l-15 il sena. Il-miżati ta’ €30 li nġabru minn kull parteċipant/a ingħataw donazzjoni lill-Fondazzjoni PUPI.
Leg 12 PQ #27526 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – avvenimenti sportivi, edukattivi u kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ avvenimenti sportivi, edukattivi u kulturali li saru barra minn xtutna u li ġew assistiti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bejn Jannar 2014 u Awwissu 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #27527 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – lista ta’ personalitajiet assistiti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ personalitajiet Maltin li ġew assistiti direttament mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu waqt il-parteċipazzjoni tagħhom barra minn Malta bejn Jannar 2014 u Awwissu 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #27534 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ir-Rabat – Vjal il-Ħaddiem — xogħlijiet

Question

Issa li x-xogħlijiet fi Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat (Malta) tlestew, jista’ l-Prim Ministru jieħu azzjoni sabiex tiġi investigata u solvuta l-problema ta' pressa tal-ilma fi Triq il-Ħobbejża, triq li tiġi biswit Vjal il-Ħaddiem, wara li r-residenti ngħataw l-impressjoni li l-problema se tiġi indirizzata waqt ix-xogħlijiet imsemmija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li bħalissa qed jiġu ppreparati d-dokumenti meħtieġa sabiex jinħareġ it-tender biex isiru x-xogħlijiet fi Triq il-Ħobbejża u Triq Fidloqqom, ir-Rabat.

Ir-Rabat – Triq Santa Rita — xogħlijiet fuq skavi

Question

Jista’ l-Ministru minnufih jieħu azzjoni sabiex mill-aktar fis jitlesta x-xogħol fuq allegat skavi f’nofs Triq Santa Rita fir-Rabat Malta?Jista’ wkoll jieħu azzjoni sabiex isir it-tindif u l-manutenzjoni neċessarja fiż-żona milquta, għaliex hi inkonvenjent, ta’ periklu u ta’ dannu estetiku għar-Rabat (Malta)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali lestiet l-iskavi fis-sit imsemmi fir-Rabat, Malta f’Novembru tal-2014. Ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta, li s-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jinsab magħluq b’fencing u tnaddaf bosta drabi. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sit instab waqt proġett li kien qed jitwettaq mill-Kunsill Lokali b’fondi Ewropej. Ix-xogħlijiet relatati mas-sit misjub ma kienux proġettati mill-Kunsill fl-istimi tiegħu u għaldaqstant ma kienux koperti mill-fondi tal-proġett li kien għaddej. Għaldaqstant il-Kunsill Lokali, f’Mejju 2016, ħareġ sejħa għall-offerti sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa. Ninsab infurmat li din l-offerta tinsab fil-proċess sabiex terġa' tinħareġ mill-ġdid, peress li l-unika offerta li ntefgħet fl-ewwel sejħa kienet taqbeż il-valur stmat waqt li l-offerent tagħha nstab li kien technically non-complaint.
Leg 12 PQ #27620 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ftehim bejn il-Gvern u Kumpanija — kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti u kull tip ta’ ftehim ieħor li sar bejn il-Gvern u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti li qed tagħmel referenza għalihom hi se jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra dan ix-xahar.
Leg 12 PQ #27621 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Kuntratti u ftehim ma’ kumpanija – protest ġudizzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu għaddiex il-kuntratti u kull tip ta’ ftehim ieħor li sar bejn il-Gvern u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għall-iskrutinju tal-Awditur Ġenerali kif il-MAM u l-UĦM kienu talbu permezz tal-protest ġudizzjarju tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interepellant sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27620
Leg 12 PQ #27622 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptarijiet ta’ Għawdex, Karen Grech u San Luqa – applikazzjonijiet u permessi għall-iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-applikazzjonijiet li saru u l-permessi li ħarġu sabiex jiġu żviluppati l-Isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech u San Luqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkoncernat.
Leg 12 PQ #27623 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptarijiet ta’ Għawdex, Karen Grech u San Luqa — tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hijiex liċenzjata biex tmexxi l-Isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech u San Luqa? Jista’ jikkonferma li l-liċenzja tal-isptarijiet imsemmija qegħda, u possibbilment se tibqa’, fuq isem is-CEOs rispettivi tal-isptarijiet imsemmija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll l-Isptar Karen Grech huma koperti b’liċenzja maħruġa skont il-liġi mis-Suprintendent tas-Saħħa.