Legislature:
Category:
Reset
Active:

Widien — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-widien li tagħhom sar it-tindif matul din l-aħħar sena? Jista’ jgħid kemm ġie jiswa’ dan it-tindif?

Response (MIZZI, JOE)

Is-Sezzjoni għall-Immaniġġar tal-Widien fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura twettaq diversi nterventi fil-widien fosthom restawr u bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, tneħħija u kontroll ta’ speċi nvażivi u li m’humiex indiġeni, tneħħija ta’ materjal u ħamrija li jinġemgħu fil-wied u wara skontri, u tħawwil ta’ pjanti u arbuxelli ndiġeni. Matul din is-sena ser ikunu twettqu dawn ix-xogħlijiet: · Qlugħ ta’ qasab minn Wied Qannotta, Burmarrad · Qlugħ ta’ pjanti nvażivi minn Wied San’Antnin, Marsaskala · Qlugħ ta’ pjanti nvażivi minn Wied Għajn Żejtuna, il-Mellieħa · Qlugħ ta’ pjanti nvażivi minn Wied iċ-Ċawsli, Ħal Qormi · Tneħħija ta’ materjal li akkumula f’Wied Liemu, Rabat · Tneħħija ta’ materjal li akkumula f’Wied Għomor, San Ġwann · Tneħħija ta’ materjal minn Wied ta’ Ġnien Ħira, l-Imdina · Tkomplija ta’ bini ta’ ħajt tas-sejjieħ f’Wied Ħarq Ħamiem, Pembroke · Tħawwil ta’ arbuxelli ndiġeni f’Wied Baqqiegħa, Żebbuġ L-ispiża tal-makkinarju u l-materjal meħtieġ biex isir dan ix-xogħol mistennija li tammonta għal €14,809. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jibda x-xogħol ta’ restawr ta’ ħajt tas-sejjieħ u tħawwil ta’ arbuxelli ndiġeni f’Wied Għomor, San Ġwann u bini ta’ ħajt tas-sejjieħ f’Wied ir-Rum, Ħad-Dingli.

Talbiet ta’ servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka t-talbiet ta’ servizzi differenti li rċieva din is-sena minn Ministeri u dipartimenti differenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interperpellant li d-Direttorati fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura joffru diversi servizzi lill-Ministeri u dipartimenti differenti bħal: · Servizzi ta’ Periti u Inġiniera (PDED) · Servizzi ta’ tindif (CSD) · Xogħol ta’ ħadid, injam u aluminium (MSD) · Xogħol ta’ manutenzjoni (PID)

Pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li applika għall-pensjoni u għadu mingħajr risposta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separamtanet ġiet infurmata bl-eżitu, mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, permezz ta’ ittra.

Applikazzjoni għal Home – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li tinsab fl-Isptar Mater Dei u applikat għal Home peress li tinsab waħedha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-każ tal-persuna msemmija qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Leg 12 PQ #26975 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

Dental – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta’ dental peress li tinsab muġugħa u l-operazzjoni li trid tagħmel il-privat ma jagħmiliex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ġie segwit.

Bini ta’ skejjel ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-andament ta' bini ta' skejjel ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-Senior School f’Ħad-Dingli u l-Middle School f’Ħal Kirkop laqgħu l-ewwel studenti tagħhom għal din is-sena skolastika kif kien pjanat. Infurmat ukoll mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li rigward l-iskola primarja ġewwa Marsacala, is-sejħa għall-offerti għall-kostruzzjoni għall-imsemmija skola għalqet fis-27 ta’ Settembru 2016. Dwar l-iskola primarja f’San Pawl il-Baħar ix-xogħol ta’ skavar beda filwaqt li l-pubblikazzjoni tal-appalt għall-kostruzzjoni ta’ din l-iskola huwa mistenni li joħroġ fil-gimgħat li ġejjin. Bħalissa qiegħed ukoll jitlesta d-disinn tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex.

MCAST – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet infrastrutturali li saru fl-MCAST is-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-2015, fl-MCAST saru dawn ix-xogħlijiet: · Tkomplija tal-Parkeġġ (taħt l-art) - xogħlijiet relatati mal-kostruzzjoni, mal-installazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, u finituri; · Tkomplija ta’ Dar l-Istudent - xogħlijiet relatati mal-kostruzzjoni, mal-installazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, u finituri; · Landscaping f’parti mill-pjazza ċentrali tal-kampus – xogħol ta` pavimentar, dawl u tisbiħ ġenerali. Il-valur totali ta` dawn ix-xogħlijiet kien ta' €3.66 miljun. Fl-2016, l-MCAST bdew dawn ix-xogħlijiet: · Skavar tas-sit fejn ser isir il-bini tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport; · Alterazzjonijiet fiċ-Ċentru tal-Agrikummerċ biex jinħolqu zona għall-inkubaturi u workshops.

Università ta’ Malta – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet infrastrutturali li saru fl-Università ta’ Malta s-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-sena l-oħra u din is-sena saru dawn ix-xogħlijiet infrastrutturali fl-Università ta’ Malta: 1. Rinnovazzjoni ta’ ex-Porter’s Lodge fl-Università biex saret Klinika tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża – Tipprovdi faċilità ta’ tagħlim dwar il-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża kif ukoll prattika u trattament ta’ pazjenti. 2. Tlestiet l-estensjoni ta’ żewġ sulari fuq il-binja tal-Biomedical Sciences biex twaqqaf Ċentru tal-Mediċina Molekolari u Bijobank –Tipprovdi faċilitajiet li jikkonsistu f’uffiċini, laboratorji attrezzati għal skopijiet ta’ tagħlim u riċerka. 3. Rinnovazzjoni u restawr tal-pjan terran tal-Valletta Campus tal-Università biex jiżdiedu aktar faċilitajiet għal skopijiet ta’ lekċers u konferenzi. 4. Rinnovazzjoni totali tal-Arts Lecture Theatre fl-Università biex ġie attrezzat b’faċilitajiet tal-ogħla livell u b’teknologija moderna u avvanzata għall-użu waqt lekċers. 5. Rinnovazzjoni kompleta tat-tielet sular ġewwa l-‘Junior College’ li jikkonsisti f’uffiċini kif wkoll swali tal-lekċers. It-twieqi ġew mibdula għal sistema ta’ double glazing biex togħla l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. 6. Il-Laboratorji tal-Kimika ġewwa l-‘Junior College’ ġew rinnovati u attrezzati sabiex jipprovdu faċilitajiet aħjar għat-tagħlim ta’ dan is-suġġett. 7. L-istitut tal-Enerġija Sostenibbli tal-Università ġewwa Marsaxlokk ibbenefika minn rinovazzjoni kompleta li bidlet dan l-Istitut f’wieħed li joffri laboratorji attrezzati b’apparat tal-aħħar teknoloġija, utli għal riċerka u studji f’dan il-qasam. 8. Tlestiet l-estensjoni tal-binja tal-Fakultà tal-Media and Knowledge Sciences li kkonsistiet f’żieda ta’ laboratorji, kmamar għal-Lekċers, uffiċini kif ukoll informal discussion areas. 9. Installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq il-parti l-kbira tal-bjut tal-bini ġewwa l-Università kif ukoll ġewwa l-‘Junior College’. 10. Tibdil ta’ fittings tad-dawl fil-binjiet kollha tal-Università u l-Junior College, f’sistemi li joperaw b’LEDs sabiex jiġi promoss l-aħjar użu tal-enerġija b’aktar effiċjenza . 11. Iz-zoni esterni bejn il-Fakultajiet tal-MAKS u l-FEMA ġew rinnovati b’pavimentar ġdid biex ġiet mogħtija dehra isbaħ u aktar prattika kif jixraq. 12. Inbeda x-xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni relatat mal-proġett tal-Materials Engineering Laboratories. Dan il-proġett ser jikkonsisti f’faċilitatjiet aktar moderni u attrezzati għat-tagħlim u riċerka f’dan il-qasam. 13. Inbeda x-xogħol ta’ tħaffir fuq is-sit tal-proġett tal-‘Post Doc’. Dan il-proġett jikkonsisti f’parkeġġ taħt l-art, arkivji tal-librerija, uffiċini u faċilitajiet fejn studenti postgradwati u riċerkaturi ‘post-docs’ jistgħu jitħarrġu. 14. Xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni totali kważi tlestew fuq il-proġett tat-Teatru tal-Università ġewwa l-Valletta Campus tal-Università. Dawn ix-xogħlijiet ser jipprovdu Teatru attrezzat u ta’ livell mill-aqwa ta’ black box theatre. 15. Xogħlijiet li kienu għaddejjin matul is-sajf jinkludu: a) Rinnovazzjoni kompleta tar-raba’ sular ġewwa l-‘Junior College’ inkluż il-bdil ta’ żewg lifts eżistenti. b) Rinnovazzjoni totali ta’ żewg Teatri tal-Lekċers u seba’ kmamar oħra tal-Lekċers kif ukoll uffiċini ġewwa l- Lecture Centre, fl-Università ta’ Malta.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – kotba mixtrija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ kotba li nxtraw mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu fl-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġetti tat-tablets u eLearning

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġett tat-tablets u proġetti oħra tal-eLearning?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tat-tablets magħruf bħala One Tablet Per Child (OTPC) laħaq fażi oħra fejn wara li f’Settembru 2015, hekk kif matul dik is-sena kien spiċċa l-proġett pilota kien sar l-ewwel taħriġ fuq il-prinċipji tal-OTPC, fis-16, 19 u 20 ta’ Settembru 2016 ingħata t-tieni taħriġ lill-għalliema kollha li se jkunu qed jgħallmu lit-tfal fir-Raba’ Sena. It-taħriġ sar minn 26 għalliem speċjalizzat li ħadu t-taħriġ tagħhom mill-kumpanija li rebħet it-tender. Matul dawn it-tlett ijiem tqassmu l-ewwel tablets u materjal ieħor li se jgħin lill-għalliem fil-klassi. Tqassmu 483 tablets bis-software stallat lest u l-għalliema ħadu l-ewwel taħriġ fejn raw kif ikunu jistgħu jikkontrollaw il-klassi u jwasslu l-oġġettivi tat-tagħlim bl-aktar mod effettiv u effiċjenti. Is-sapport se jibqa’ jingħata matul is-sena biex l-għalliema jagħmlu progress bil-mod il-mod. Madwar 4,000 tablet se jitqassmu lit-tfal kollha mill-bidu ta’ Diċembru 2016. Għalhekk bejn issa u Diċembru se jkunu qed isiru laqgħat mat-tfal biex nitkellmu magħhom dwar kif jieħdu ħsieb it-tablet u kif jużawh kif ukoll laqgħat mal-ġenituri fejn se niddiskutu mhux biss it-tablet imma l-idea sħiħa ta’ litteriżmu diġitali. Il-proġetti l-oħra tal-eLearning se jkunu l-bidla fil-ħsieb ta’ x’irid joħroġ minn dan id-dipartiment fosthom li nibdew nitkellmu iktar fuq Litteriżmu Diġitali bi strateġija, fejn diġà tfasslu żewġ dokumenti dwar is-suġġett, tfassil ta’ kurrikulu li jirrifletti l-Litteriżmu Diġitali u binja rinovata fil-Ħamrun fejn se nuru kif għandha tkun klassi kreattiva u innovattiva hekk magħrufin bħala Creative Classroom labs.

Stipendji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa fl-għajununa lill-istudenti bħala stipendji f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-nefqa fl-għajnuna lill-istudenti bħala stipendji pagabbli kull erba’ ġimgħat (f’għaxar pagamenti kull sena akkademika) matul l-aħħar ħames snin kalendarji kienet kif ġej: Sena Nefqa Totali fi stipendji 2011 - € 15,252,865.56 2012 - € 15,686,619.57 2013 - € 16,136,063.99 2014 - € 17,445,508.92 2015 - € 17,289,268.05 Dawn il-figuri jinkludu l-ħlas li sar lill-istudenti fil-livell post sekondarju u terzjarju inkluż l-għotjiet supplimentari u inkluż ukoll il-ħlas ta’ stipendji lill-istudenti li applikaw taħt l-iskema Malta Government Undergraduate Scheme (MGUS) u kienu eliġibbli għall-istipendju. Din iż-żieda ta' żewġ miljuni fi stipendji ma tinkludix il-ħlas f’għotjiet ta’ darba (one time grant) u l-għotjiet fil-bidu tal-kors (annual grant) lill-istess studenti. In-nefqa fl-għajnuna lill-istudenti bħala grants (il-ħlas f’għotjiet ta’ darba (one time grant) u l-għotjiet fil-bidu tal-kors (annual grant)) pagabbli kull sena akkademika, fil-bidu tas-sena lill-istudenti fil-livell post-sekondarju u terzjarju (għajr dawk li jkunu qed jirrepetu sena fil-kors tagħhom) matul l-aħħar ħames snin kalendarji kienet kif ġej: Sena Nefqa Totali f’għotjiet/grants Sena 2011 – € 6,680,296.63 Sena 2012 – € 6,810,030.03 Sena 2013 - € 6,727,020.27 Sena 2014 - € 7,166,700.69 Sena 2015 - € 7,455,358.89
Leg 12 PQ #27169 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Monte di Pietà – deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietà sal-aħħar ta’ Lulju 2016 u jista’ jinforma lill-Kamra liema hu l-ixjeħ rahan u li għadu veljanti u li ma nġabarax sal-aħħar tas-sena li għaddiet?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Lulju 2016 kien hemm 3,115 depożitu ta’ deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietà u l-ixjeħ depożitu ta’ rahan li għadu ma nġabarx ilu depożitat mill-1981.

Il-Fgura – Triq Hompesch – bus stop shelters

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 20805, jista’ l-Ministru jinforma lill-Karma jekk kemm-il darba kienx hemm xi żviluppi fuq iż-żewġ bus stop shelters li jinsabu fl-aħħar tat-Triq Hompesch, Fgura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda fil-proċess li tippubblika Request for Proposals ġdid li jirrigwardja l-installazzjoni ta’ numru ta’ bus shelters ġodda f’diversi lokalitajiet. Infurmat ukoll li permezz ta’ din is-sejħa ser ikun possibbli jinbidlu iż-żewġ bus shelters li hemm fi Triq Hompesch fil-Fgura.

Nisa li jaħdmu fuq bażi part time

Question

Jista’ l-Ministru jindika skont l-aħħar statistika kemm hemm persuni ta’ sess femminili li huma impjegati fuq bażi part-time? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impjieg part-time wieħed prinċipali? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impjieg part-time tagħhom flimkien ma’ full time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2016, in-numru ta' nisa li kienu impjegati fuq bażi part-time kien ta’ 28,503. Minn dawn kien hemm 20,472 mara li kellha impjieg part-time bħala xogħol prinċipali u 8,031 mara li kellha impjieg part-time kif ukoll full-time.
Leg 12 PQ #27172 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Wied il-Għajn — berġa

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 26601, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet komplew saru fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Wied il-Għajn u x’servizz huwa pjanat li tagħti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Wied il-Għajn sar xoghol ta’ waterproof membrane. Is-servizzi li jingħataw huma dawk ta’ infermiera u tabib tal-familja u mit-30 ta’ Awwissu 2016 il-berga bdiet tinfetaħ tliet ijiem fil-ġimgħa sabiex b’hekk żdied aktar dan is-servizz.

Bus stop shelters ġodda

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 20807, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm bus stop shelters ġew mibnija jew installati ġodda mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena Transport Malta ħadet ħsieb it-tiswija ta’ bus shelters eżistenti. Infurmat ukoll li Transport Malta qegħda fi proċess li toħroġ Request For Proposals fir-rigward ta’ installazzjoni ta’ numru ta’ Bus Shelters ġodda f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex. Din ir-rikjesta hija mistennija li tiġi ippubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.

Persuni li laħqu l-età tal-pensjoni li huma impjegati fuq bażi part-time

Question

Jista’ l-Ministru jindika skont l-aħħar statistika kemm hemm persuni li laħqu l-età tal-pensjoni li huma impjegati fuq bażi part-time? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impjieg part-time wieħed prinċipali? Jista’ jindika kemm minnhom għandhom l-impjieg part-time tagħhom flimkien ma’ full time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2016 kien hemm 6,494 persuna li laħqu l-età tal-pensjoni u li kellhom impjieg part time. Minn dawn kien hemm 5,907 persuni li kellhom impjieg part time bħala wieħed prinċipali u 587 li kellhom impjieg part time kif ukoll full time.
Leg 12 PQ #27211 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – Koppji li għamlu l-IVF

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il koppja għamlet l-IVF fl-Isptar Mater Dei matul l-2016 u sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm-il tfal twieldu permezz ta’ din il-proċedura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2016 u Settembru 2016 saru 168 ċiklu tal-IVF/ICSI gewwa l-Isptar Mater Dei u s'issa twieldu 42 tarbija mill-IVF’s li saru fl-Isptar Mater Dei bejn Jannar 2015 u Dicembru 2015. Miċ-ċikli tal-IVF’s li saru ġewwa Sptar Mater Dei bejn Jannar 2016 u Lulju 2016, 30 koppja oħra qed jistennew tarbija.
Leg 12 PQ #27212 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għas-Saħħa

Pazjenti li marru għal kura barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna marret tieħu kura jew trattament barra minn Malta tul din il-leġiżlatura sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista jgħid ukoll kemm persuni bbenefikaw mill-inzjattiva li jitilgħu ż-żewġ ġenituri flimkien mal-ulied li jkollhom bżonn kura barra l-pajjiż tul din il-leġiżlatura sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2013 kien hemm 424 pazjent, fl-2014 kien hemm 459 filwaqt li s-sena li għaddiet kien hemm 499 li rċevew il-kura barra minn xtutna. Ħafna minn dawn il-pazjenti jkollhom il-bżonn sabiex isiefru aktar minn darba għalhekk fis-sena 2013 insibu illi saru 665 safra, fl-2014, 696 u fl-2015, 759. Minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena saru 651 safra. Għall-pazjenti Maltin li jintbagħtu għall-kura barra minn Malta il-Gvern qed jinvesti madwar 4 miljun Ewro. Dawn jinkludu n-nefqa tat-trattament, l-ivjaġġar, transport fir-Renju Unit u appogg finanzjarju ghal-NGO Puttinu Cares . Il-Gvern ħa l-inizzjattiva billi jħallas in-nefqa tat-titjiriet ghaz-zewg ġenituri ta’ tfal taħt it-18 il-sena. In-numru ta’ persuni li bbenefikaw mill-inzjattiva li jitilgħu ż-żewġ ġenituri flimkien mal-ulied li jkollhom bżonn kura barra l-pajjiż fl-2014 kien ta’ 177, fl-2015 kien hemm 182 u minn Jannar sat-30 ta’Settembru ta’din is-sena kien hemm 171. (Jista jkun li persuna tkun ibbenefikat aktar minn darba ghaliex il-familja jkollha bzonn aktar minn vista wahda.)