Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bord tal-Għażla tal-Premju Ħaddiem tas-Sena — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Bord tal-Għażla tal-Premju Ħaddiem tas-Sena ġewwa r-Residenza San Vinċenz liema ċerimonja saret ftit tal-jiem ilu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-membri tal-Bord tal-Għażla tal-Premju Ħaddiem tas-Sena ġewwa r-Residenza San Vinċenz De Paul kienu: Chairman: Mr Patrick Vella Membri: Ms Antoinette Musu` Mr John Attard Ms Melanie Magri Mr Raymond Barbara

Residenza San Vinċenz de Paul — Swali Madre Theresa, Padre Pio u Serenity – tined

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni jsiru tined barra s-swali Madre Theresa, Padre Pio u Serenity fir-Residenza San Vinċenz de Paul, liema nuqqas qed jikkawża inkonvenjent lill-anzjani residenti u ħaddiema li jaħdmu fl-istess swali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, it-tined barra s-swali li qed issir referenza għalihom, huma pjanati max-xogħlijiet ipproġettati għas-sena 2017.

Residenza San Vinċenz de Paul – akkużi ta’ diskriminazzjoni u inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar akkużi ta’ diskriminazzjoni u inġustizzji li qed iseħħu fost il-ħaddiema li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz u li għalihom kien hemm referenza fuq il-mezzi tax-xandir fl-aħħar ġimgħat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-akkużi ta’ allegat diskriminazzjoni u inġustizzji, li diġa ġew miċħuda bl-akbar qawwa, qed jiġu investigati mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Inizjattiva Live in Carer – Persuni li applikaw

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien in-numru ta’ persuni li applikaw biex jagħmlu użu mill-inizjattiva Live in Carer li kienet tħabbret fl-aħħar baġit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta – Pjazza Jean de Vallette – armar ta’ mwejjed

Question

B'referenza għas-sejħa HM 28/6/2016 ta' Heritage Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-operatur mhux se jkollu l-possibbiltà li jarma l-imwejjed fil-Pjazza Jean de Vallette?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument HM 28/6/2016, fejn hemm spjegat fid-dettall l-ispazju identifikat għall-użu msemmi, fil-Berġa tal-Italja. F’kull każ, Heritage Malta tista’ talloka biss spazju amministrat direttament minnha u l-ebda spazju pubbliku.

Heritage Malta – Ftehim Kollettiv – sejħa interna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ingaġġat Heritage Malta minn Marzu 2013 s’issa, kemm-il persuna, Heritage Malta ingaġġat bla sejħa interna skont il-Ftehim Kollettiv, bla sejħa mill-ETC jew inkella bla sejħa esterna (ġurnali) minn Marzu 2013 s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi gew ingaġġati 44 persuna ma’ Heritage Malta li kollha segwew il-procedura ta’ sejha interna jew sejha mill-ETC jew sejha esterna mill-gurnali ghajr: - Sitt persuni li ġew impjegati direttament mill-IPSL; - Persuna li gie trasferita minn entita’ tal-Gvern; - Tliet persuni li ġew ingaġġati f’ position of trust, cioe’ Board Secretary, Perit Arkitett u assistent amministrattiv dirett mac-Chairman.

Heritage Malta – Sejħa ta’ Conservastor-Painting

Question

B'referenza għas-sejħa li ħarġet Heritage Malta fir-rigward ta' Conservator - Painting (ETC 397/2016), jista’ l-Ministru jgħid kif il-bord tal-għażla ħa jistabbilixxi li l-applikanti li jaqgħu taħt il-kriterja li ġejja, ‘having proven experience of practice as a conservator - restorer for a period of not less than fifteen years.’ huma vera ġenwini?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi f’dan il-każ il-bord tal-għażla jista’ jistabbilixxi l-kredibbiltà tal-esperjenza dikjarata mill-applikanti kemm mid-dokumentazzjoni sottomessa minnhom, kif ukoll mill-verifiki li l-bord jiddeċiedi li għandu jagħmel, kif isir f’kull sejħa oħra meta jiġu mitluba kwalifiċi u/jew esperjenza.

Heritage Malta – family friendly measures u teleworking

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11479, 13294 u 16738, jista’ l-Ministru jagħtina 'update' ta' kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta qed jużufruwixxu mit-teleworking? Jista’ jgħid f’liema grad huma u f’liema dipartment qed jaħdmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm tliet impjegati ta’ Heritage Malta li qed jużufruwixxu mill-faċilità ta’ teleworking: senior executive fid-dipartiment tal-proġetti u żewġ executives fid-dipartiment tal-finanzi.

Heritage Malta – Head Conservation

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16394, jista’ l-Ministru jagħti update dwar jekk Heritage Malta tħossx il-ħtieġa li toħroġ is-sejħa għall-Head - Conservation?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi dan ir-rwol bħalissa qed jiġi kopert mill-Kap Eżekuttiv u għalhekk ma hemmx ħtieġa li tinħareġ sejħa għal Head-Conservation

Heritage Malta – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kull direct order li ħarġet minn Heritage Malta minn Ġunju 2015 s'issa? Jista’ wkoll jgħid lil min ingħataw dawn id-direct orders, in-natura tax-xogħol involut, l-ammont (bil-vat inkluż) kif ukoll ir-raġunijiet għaliex inħarġu dawn id-direct orders?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #27867 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Marsalforn – xogħlijiet ta’ tiġdid u manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' tiġdid u manutenzjoni fuq il-bini li hemm fuq l-għassa ta' Marsalforn f'Għawdex biex skont il-ftehim li għandu mal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u mal-Kumitat Amministrattiv ta’ Marsalforn, parti minnu tibda tintuża mill-istess kunsill u Kumitat Amministrattiv, biex joffru diversi servizzi lir-residenti fih?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-bini li hemm fuq l-għassa ta’ Marsalforn ser isir matul ix-xitwa li ġejja.

Kunsilli Lokali – pożizzjonijiet attwali dwar bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali (jekk hux mikri, mixtri, tal-Gvern eċċ.) ta’ kull bini, ta’ kull kunsill lokali u jpoġġi d-dokumenti relatati għal kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qiegħed jinġabar.

EASYtowns – ħaddiema tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif grupp ta' ħaddiema tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni f'Għawdex ħadu sehem fil-programm tal-Unjoni Ewropea 'Europe for Citizens' bl-isem EASYtowns (European Sustainable Young Towns) meta normalment dawn il-programmi huma mmirati għall-kunsilli lokali u għaċ-ċittadini tal-lokalitajiet? Min kienu l-uffiċjali li siefru f'dan il-programm u min għamel l-applikazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ‘Easy Towns’ (European Accessible Young Towns) huwa proġett ta’ sentejn iffinanzjat mill-programm tal-Unjoni Ewropeja ‘Europe for Citizens’. Fih hemm 10 pajjiżi Ewropej li qed jiddiskutu u jikkollaboraw dwar it-temi ta’ multikulturaliżmu u integrazzjoni. Malta hija rappreżentata f’dan il-proġett mill-Kulleġġ t’Għawdex. L-għan aħħari huwa li l-parteċipanti jsaħħu l-kapaċitajiet u l-kompetenzi tagħhom biex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar meta jiffaċċjaw il-klijenti tagħhom li jkunu ġejjin minn kull naħa tad-dinja u minn ambjenti soċjali diversi. Il-Kulleġġ t’Għawdex, li l-motto tiegħu huwa ‘Embracing Diversity’, jagħmel mill-aħjar biex jippromwovi komunità edukattiva inklussiva speċjalment fil-kuntest attwali fejn in-numru ta’ studenti barranin u bi bżonnijiet partikolari ġol-iskejjel qiegħed kull ma jmur jiżdied. L-edukazzjoni hija pedament fundamentali li fuqu hija mibnija kull lokalità għaliex permezz tagħha jiġu magħġuna iċ-cittadini tal-futur. Huwa għal din ir-raġuni li l-imsieħba barranin riedu li l-Kulleġġ t’Għawdex jagħmel parti minn dan il-proġett. Fil-fatt il-Kulleġġ t’Għawdex ġie mistieden jipparteċipa minn sieħba Ewropej li kellu kollaborazzjoni magħhom fil-passat fuq proġetti relatati mal-iskejjel, mela l-applikazzjoni u ġie aċċettat. Dan kien possibbli għaliex il-Kulleġġ f’dawn l-aħħar snin dejjem ipprova jħares lil hinn minn xtutna biex iwessa’ l-orizzonti u jtejjeb il-kompetenzi tan-nies tiegħu. F’dan il-proġett il-Kulleġġ qed jinvolvi anke l-komunità fosthom kunsilli lokali u għaqdiet volontarji. Fl-aħħar laqgħat li saru l-Ġermanja ġie deċiż li l-laqgħat li jmiss isiru ġewwa Għawdex mit-22 sal-25 ta’ Marzu 2017. Aktar minn 40 parteċipant minn 10 pajjiżi differenti se jkollhom l-opportunità li jżuru pajjiżna u jaraw il-Kulleġġ u l-komunità għawdxija x’kapaċi joffru f’dan il-qasam. L-erba’ parteċipanti li rrappreżentaw il-Kulleġġ fil-Ġermanja mis-6 sad-9 ta’ Ottubru 2016 kienu: Uffiċjal Edukattiv għal Għawdex, Career Advisor fil-Kulleġġ t’Għawdex, Uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prinċipal t’Għawdex, u Uffiċjal Reġjonali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u Chairman ta’ LGBTI+ Gozo.
Leg 12 PQ #27873 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – Top Management – pagi, allowances u bonuses

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'inhuma l-pagi, allowances u bonuses tat-top management tal-Enemalta, li jinkludi fost oħrajn l-Executive Chairman, iċ-Chief Executive Officer, l-Executive Directors, id-Divisional Managers u l-Managers?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li kuntrarjament għal dak li kien jiġri fil-passat, fejn kien hemm sistema ta’ executive heads, divisional managers u managers b’kuntratti u pagi li jvarjaw minn persuna għall-oħra, dawn issa ġew standardizzati fl-interess tal-Kumpanija, b’kuntratti simili għal kull livell u lkoll marbuta ma’ miri stabbiliti ta’ prestazzjoni u riżultati pożittivi li l-Kumpanija teħtieġ tikseb biex toffri servizzi aħjar lill-klijenti. Mill-2014 ’l hawn il-Kumpanija wettqet titjib fis-sistema tat-tmexxija tagħha u fil-mod kif l-uffiċjali tal- management jiġu mħallsa. Fil-fatt il- management tal-Enemalta huma mpjegati fuq bażi ta’ kuntratti ta’ prestazzjoni ( performance contracts) . B’hekk il-Kumpanija naqqset l-ispiża ta’ ħlasijiet għall- management waqt li tneħħew l-anomaliji ta’ qabel fejn kellek sitwazzjoni li managers kienu jitħallsu aktar mis-superjuri tagħhom.

Vetturi minn pajjiżi barranin — reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra b'dak li għamel minn mindu stqarr li qed jistudja sistema biex jiġu reġistrati u kkontrollati vetturi minn barra l-pajjiż, speċjalment fejn jitratta ħruġ ta' ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet li jiġu mwettqa għax sal-lum dawn jistgħu jiskapulaw b'diskriminazzjoni ma' karozzi rreġistrati f’Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27461.

Kunsill Lokali tal-Qala — minuti tal-laqgħat fuq il-website

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27737 u jgħid għaliex (sa l-Erbgħa, 5 t’Ottubru 2016) il-Kunsill Lokali tal-Qala m’għandux il-minuti tal-laqgħat kollha li saru, fil-website tiegħu kif mitlub mil-Liġi? X’inhu jsir mid-Dipartiment biex jiġi assigurat li l-minuti tal-Kunsilli Lokali jitpoġġew fuq il-websites rispettivi, kif stipulat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jieħu ħsieb li jsewgi u jimmonitorja l-uploading tal-minuti fuq il-wesbite ċentrali li hija www.lc.gov.mt. L-aħħar komunikazzjoni mid-Dipartiment dwar l-uploading tal-minuti ħarġet permezz ta’ Ċirkolari 28/2016 li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra

Rue' D'Argens — Tneħħija ta' parking

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27709, il-mistoqsija ma tirrigwardax il-loading/unloading, iżda it-tneħħija ta' ħafna postijiet ta' parkeġġ li jaffettwaw ir-residenti. Għaldaqstant, jista' l-Ministru jikkunsidra li jkun hemm xi forma ta' parkeġġ għar-residenti, imqar għal 5 minuti, kemm kemm iniżlu l-affarijiet tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Rue d’Argens hija waħda mir-rotot alternattivi għal tul il-Proġett tal-Kappara. Il-parkeġġ tneħħa minħabba iż-żieda sostanzjali fl-influss tat-traffiku li kien mistenni jgħaddi u qiegħed jgħaddi mir-rotot alternattivi. Għaldaqstant, filwaqt li nifhmu li huwa ta’ nkonvjent għar-residenti, f’dan l-istadju ma nistgħux nintroduċu, anke b’mod limitat, il-parkeġġi tul din it-triq minħabba raġunijiet ta’ spazju, sigurta’ u cirkolazzjoni tat-traffiku.

Kap ta’ skola tal-istat li ġie deployed

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li aktar kmieni din is-sena, kien hemm kap ta' skola tal-istat li ġie deployed f'kariga ta' uffiċjal edukattiv? F’każ ta’ konferma, jista’ jgħid x'kienet ir-raġuni li ttieħdet tali deċiżjoni u jekk kienx hemm każijiet preċedenti, qabel din is-sena, simili għal dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-każ li għalih x’aktarx qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant imur lura għas-sena skolastika 2014/2015 meta l-Uffiċjal Edukattiv għall-Mużika ħarġet fuq leave fit-tul biex takkumpanja lil żewġha fuq xogħol uffiċjali tal-gvern (PSMC 5.3.2). Il-vakanza li ħolqot imtliet temporanjament minn Kap ta’ Skola li għandha kwalifiċi fil-Mużika. L-Uffiċjal Edukattiv (Mużika) irreżumiet f’nofs Lulju 2016. Il-Kap ta’ Skola in kwistjoni ma komplietx tkopri r-rwol flok l-Uffiċjal Edukattiv (Mużika). Infurmat li għas-sena skolastika 2016/17 qed tissapportja lill-Uffiċjali Edukattivi (snin bikrin) minħabba l-esperjenza li għandha fil-qasam.

Korp tal-Pulizija – ħlas ta’ allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija, f’kull branka, li preżentament jitħallsu allowance kull xahar, minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom f’xi waħda mill-branki tal-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li skond l-aħħar rapport ta’ allowances ta’ Gunju 2016, l-ammont ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija, minn kull branka, li preżentament jitħallsu allowance kull xahar minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, kien jammonta għal disa mija u erbgħa u erbgħin (944).

Korp tal-Pulizija – ħlas ta’ allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’allowances il-membri tal-Korp tal-Pulizija fis-sena 2015 u fl-ewwel 9 xhur tal-2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2015 tħallas l-ammont ta’ Euros 8,326,094.70 f’allowances lil-membri tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li sas-7 ta’ Settembru 2016, l-ammont kien ta’ Euros 6,144,660.86.