Legislature:
Category:
Reset
Active:

Cruise Liners — żjarat

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika ta’ kemm cruise liners żaru Malta, sena b’sena, bejn l-2012 u l-2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej: Sena Cruise Liners Cruise Passengers 2011 318 557,585 2012 335 611,757 2013 297 484,183 2014 309 519,297 2015 324 678,270

Transport Malta – Taqsima tal-Infurzar — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fuq il-baħar mit-Taqsima tal-Infurzar ta’ Transport Malta matul ix-xhur tas-sajf? Jista’ jipprovdi statistika dwar kemm ġew spezzjonati opri tal-baħar matul dan il-perjodu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tal-Infurzar Marittimu fi ħdan Transport Malta wettqet numru ta’ spezzjonijiet u ħidma t’infurzar li jinkludu patrols madwar il-kosta u fil-portijiet, skorta ta’ vapuri, spezzjonijiet u nfurzar fuq opri tal-baħar, koordinazzjoni ta’ port closures waqt attivitajiet nazzjonali, spezzjonijiet ta’ swimmers’ zones, kif ukoll ġiet provduta assistenza lil aġenziji u entitajiet oħra t’infurzar. Statistika marbuta ma’ din il-ħidma hija kif murija hawn taħt: Bċejjeċ tal-baħar spezzjonati 991 Bastimenti kummerċjali spezzjonati fil-Blue Lagoon 312 Numru ta’ bastimenti li għaddew mill-ispezzjoni 605 Numru ta’ kontravenzjonijiet maħruġa 386 Numru ta’ multi proċessati 145 Numru ta’ twissijiet 241 Saru wkoll total ta’ 160 spezzjoni mill-1 ta’ Mejju sal-aħħar ta’ Settembru mill-Port Inspectorate Unit. Dawn kienu jinkludu spezzjonijiet fuq każi ta’ sigurta’ u tniġġiż, offshore drills, u bastimenti kummerċjali. Matul is-sajf saru wkoll spezzjonijiet fuq 13-il operatur ta’ water sports u l-bċejjeċ tal-baħar reġistrati magħhom.

Malta Maritime Forum — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Malta Maritime Forum matul din l-aħħar sena wara li ġie mwaqqaf lejn l-aħħar tas-sena 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Maritime Forum hija entità privata u għaldaqstant ma tistax tingħata informazzjoni f’dan ir-rigward. Madanakollu, inżid li Transport Malta tappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tal-Malta Maritime Forum għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-industrija marittima f’Malta.

Att dwar il-Bastimenti Merkantili – bastimenti u tunnellaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bastimenti u x’inhu t-tunnellaġġ totali reġistrat taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili? Kif jitqabbel dan mas-snin 2011 sal-2015, sena b’sena? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema pożizzjoni jinsab ir-reġistru marittimu ta’ Malta ikkumparat ma’ dak ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa kif ukoll fuq livell internazzjonali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar t’Awwissu 2016, l-ammont ta’ bastimenti reġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili kien jammonta għal 7,656 b’tunnellaġġ gross ta’ 70,254, 701. Bejn l-2011 u l-2015 it-tunnellaġġ reġistrat taħt l-istess Att kien kif ġej: 2011 - 5,847 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 45,626,545 2012 - 5,956 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 45,626,387 2013 - 6,249 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 51,373,705 2014 - 6,667 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 57, 873,158 2015 - 7,249 bastiment b’ tunnellaġġ gross ta’ 66, 163,167 Ir-Reġistru tal-Bastimenti Merkantili ta’ Malta huwa l-akbar reġistru tal-bastimenti fl-Ewropa u s-sitt wieħed fuq livell internazzjonali.

Players tal-football barranin f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ players tal-football barranin f’Malta u Għawdex b’mod separat, li jilgħabu f’xi diviżjoni? Minn liema pajjiżi huma? Jista’ jagħti l-informazzjoni diviżjoni b’diviżjoni b’mod separat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ players tal-futbol barranin f’Malta u Għawdex separatament, diviżjoni b’diviżjoni, huwa kif se nsemmi: Players tal-futbol barranin f’Malta Premier – 163 player l-Ewwel Diviżjoni – 64 player it-Tieni Diviżjoni – 76 player it-Tielet Diviżjoni – 68 player Players tal-futbol barranin f’Għawdex l-Ewwel Diviżjoni – 12-il player it-Tieni Diviżjoni – 4 players Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar minn liema pajjiżi ġejjin, diviżjoni b’diviżjoni, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni ‘l fuq minn 61 sena li jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni 'l fuq minn 61 sena li jaħdmu llum u x'xogħol jagħmlu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni ta’ 61 sena u ’l fuq li kellhom impjieg full time u part time bħala xogħol ewlieni fl-aħħar ta’ April 2016 kien ta’ 13,494. Dwar f’liema kategorija ta’ xogħol jaħdmu, l-informazzjoni hi kif se nsemmi: Kategorija ta’ xogħol Ta’ 61 sena u ’l fuq [0] Armed Forces 2 [1] Managers 2,228 [2] Professionals 2,372 [3] Technicians and Associate Professionals 972 [4] Clerks and support workers 1,035 [5] Services and sales workers 2,193 [6] Skilled Agricultural, fishery and forestry workers 396 [7] Craft and related trades workers 1,039 [8] Plant and machine operator and assemblers 729 [9] Elementary Occupations 2,528 Total 13,494

Boroż ta’ studju – fondi nazzjonali u Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment, b’fondi nazzjonali u Ewropej, allokat għall-boroż ta’ studju għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment Implimentazzjoni ta’ Programmi li fil-każ ta’ skemi li huma sostnuti minn fondi nazzjonali l-investiment kien hekk: - Malta Sport Scholarship Scheme – l-investiment kien ta’ €120,000.00 - Malta Arts Scholarships Scheme – l-investiment kien ta’ €250,000.00 - ENDEAVOUR Scholarship Scheme – Kategorija B - l-investiment kien ta’ €900,000.00 Infurmat ukoll li l-investiment b’fondi Ewropej allokati għall-boroż ta’ studju fl-ewwel sena tal-proġetti hawn taħt imsemmija huwa kif ġej: - ENDEAVOUR Scholarship Scheme – Kategorija A - l-investiment matul l-ewwel sena tal-proġett se jkun ta’ madwar €2,400,000.00 - REACH HIGH Scholars Programme – Post-Doctoral Grants, l-investiment matul l-ewwel sena tal-proġett se jkun ta’ madwar €900,000.00 Dawn iż-żewġ proġetti huma għall-perjodu 2015 - 2020.

Programm edukattiv GEM16+

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-programm edukattiv GEM 16+ fis-sena li għaddiet u x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Programm Edukattiv GEM16+ huwa rotta akkademika oħra mfassla mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jintlaħqu aħjar il-ħtiġijiet ta’ studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja f’dawn l-aħħar sentejn, filwaqt li jirċievu stipendju. GEM16+ għandu tliet għanijiet. Primarjament il-programm iwassal sabiex l-istudenti jġibu u jtejbu l-kwalifika tagħhom taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (ĊES – SEC) f’suġġetti bażiċi sabiex ikunu jistgħu jkomplu fir-rotta akkademika. GEM16+, bl-għajnuna tal-MCAST u l-ITS, jiffaċilita wkoll ir-rotta vokazzjonali lill-istudenti tiegħu meta jagħżlu li jidħlu f’istituzzjoni vokazzjonali, kif ukoll, bl-għajnuna tal-GRTU, hemm skedati esperjenza ta’ xogħol lil uħud mill-istudenti bi ħsieb ta’ karriera futura. Qegħdin isiru wkoll preparamenti sabiex isir job shadowing minn studenti interessati ġewwa l-Akkademja tal-Pulizija kif ukoll mal-Forzi Armati ta’ Malta. Permezz ta’ ħidma sabiex l-istudenti jħarsu aktar fit-tul, l-edukazzjoni u l-kwalifiki li jridu jġibu fil-preżent jingħataw aktar relevanza. Il-Programm Edukattiv GEM16+ joffri opportunità ta’ sena akkademika biex dawn l-istudenti jkomplu jitgħallmu suġġetti akkademiċi li jwassluhom għall-eżamijiet taċ-ĊES ta’ Mejju. Permezz ta’ kurrikulu riparatorju, l-għalliema jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti tagħhom. GEM16+ fil-Gżira joffri 240 post fi 15-il klassi ta’ 16-il student u studenta. In-numru limitat ta' postijiet jippermetti li l-istudenti jkollhom aktar appoġġ u inkoraġġiment mill-professjonisti, filwaqt li huma mistennija jagħmlu l-almu tagħhom u jimpenjaw ruħhom. In-numru massimu ta’ studenti reġistrati f’GEM16+ sal-aħħar ta’ Novembru 2015 kien ta’ 80. Minn dawn komplew sal-aħħar 65. L-amministrazzjoni ta’ GEM16+, l-għalliema, l-LSAs (li se jkunu ta’ appoġġ fis-suġġett mal-grupp kollu), il-Youth Workers, flimkien mat-taqsima tal-Guidance, se jkunu ta’ appoġġ u sostenn għall-istudenti sabiex dawn jemmnu fihom infushom u jagħrfu aktar il-ħiliet tagħhom. L-għan ewlieni huwa li jersqu aktar lejn tagħlim tul il-ħajja b’intenzjoni li jkunu ċittadini responsabbli u attivi b’impjieg xieraq fil-futur. Għal dan il-għan, GEM16+ jirrikonoxxi l-importanza ta’ appoġġ pastorali u gwida għal karriera futura flimkien ma’ għajnuna mogħtija minn Aġenzija Żgħażagħ.

Programm edukattiv ALP

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-programm edukattiv ALP fis-sena li għaddiet u x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2015/16 kien hemm 284 student li bdew il-kors u spiċċawh 255. Ħafna rnexxielhom jieħdu ċertifikat LSSCMP fl-Livell 1 u anke fl-Livell 2. Matul is-sena tajnihom esperjenza ta’ taħriġ fl-industrija taħt is-superviżjoni tal-għalliema u l-LSAs Ingħataw ukoll korsijiet speċjalizzati f’diversi oqsma, korsijiet li ħafna minnhom huma akkreditati. Matul is-sajf kienu offruti korsijiet speċjalizzati lill-istudenti fl-ICT u l-Multimedia fejn grupp partikulari eċċella f’kors speċifiku u ġab riżultati meħtieġa u ekwivalenti. Dawn l-istudenti issa ser jibdew kors għad-Diploma fl-MCAST. F’din is-sena skolastika 2016/17, sar proċess ta’ selezzjoni tal-istudenti fejn fih qed jingħata l-programm alternattiv li huwa aktar orjentat lejn taħriġ vokazzjonali u kreattiv u li hu mmirat għall-istudenti li jridu jkomplu f’dan is-settur. F’din is-sena skolastika, l-istudenti qed jingħataw iċ-ċans li jagħżlu żewġ suġġetti vokazzjonali minn għażla ta’ 22 u anke s-suġġetti bażiċi bħall-Malti, Ingliż u Matematika u suġġetti addizzjonali bħal PE, PSCD, Home Economics, ICT u Reliġjon. Għal din is-sena wkoll ser ikollna grupp ALP+ (post-sekondarju) fejn dawn se jingħataw l-opportunità li żewġ gruppi jistudjaw Welding & Fabrication Livell 3 u grupp ieħor ser jistudja Hospitality Livell 2. Dawn l-istudenti ser jieħdu wkoll l-istipendju u grants bħall-istudenti l-oħra kollha. Hekk qed nagħtu opportunitajiet aħjar biex l-istudenti jkunu ppreparati tajjeb biex ‘il quddiem ikomplu l-istudji tagħhom l-MCAST jew l-ITS jew inkella meta jilħqu l-livell meħtieġ ikunu jistgħu jibdew esperjenza ta’ xogħol. B’dan il-programm jidher ċar li dawn l-istudenti li kienu qed jintilfu fis-sistema edukattiva issa b’taħriġ vokazzjonali u addattat għalihom qed isibu r-rotta tajba għalihom. Bl-għajnuna kontinwa tal-għalliema u LSAs speċjalizzati f’dan il-qasam, qed ikollna riżultati sodisfaċenti.

Is-suġġett tal-Etika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif marret l-introduzzjoni tas-suġġett tal-Etika fis-sena skolastika li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-suġġett tal-Etika daħal fil-Kulleġġ Santa Klara (Primarja Tas-Sliema, u Skola Medja u Sekondarja, Pembroke) u fil-Kulleġġ Maria Reġina (Primarja San Pawl il-Baħar u Skola Medja Naxxar) fis-sena skolastika 2013/2014. Fis-sena 2015/2016 beda wkoll fil-Kulleġġ San Nikola (Skola Medja, Rabat). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, kif se nsemmi: Tabella ‘A’ - turi kemm studenti ħadu l-Etika s-sena l-oħra. Tabella ‘B’ - turi l-iskejjel li fihom daħal is-suġġett tal-Etika minn din is-sena skolastika (2016/2017) Is-suġġett intlaqa’ tajjeb mill-istudenti, ġenituri u għalliema, li wrew ħafna interess. Fil-fatt, skont ix-xewqa tal-ġenituri, fil-bidu tas-sena għandhom isiru xi laqgħat biex jiġu mgħarrfin aktar dwar is-suġġett li jkunu qed jitgħallmu uliedhom. Isiru eżamijiet fis-snin 7,8 u 9. Mis-sena d-dieħla jibda jkun hemm l-eżamijiet ukoll fis-snin 4 u 10. Fl-2018 l-istudenti se jkunu jistgħu jagħmlu l-eżami tas-SEC wara li s-sillabu ġie approvat mill-Bord tal-MATSEC. L-għalliema tal-Etika jridu jitħarrġu billi jattendu għal kors PostGrad fit-Tagħlim tal-Etika fl-Iskejjel. Kien hemm 43 għalliem/a li temmew il-kors (2014/2015) u gradwaw fl-2015, filwaqt li bħalissa hemm 42 oħra li qegħdin jagħmlu l-kors (2016/2017).

Persuni reġistrati bħala Third Country Nationals li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sal-aħħar statistika li għandu d-dipartiment relattiv, kemm kien hemm persuni li huma reġistrati bħala Third Country Nationals li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna? Jista’ jindika dettaljatament ta’ liema nazzjonalità huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ Awwissu 2016 kien hemm 49 persuna jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru bħala Third Country Nationals. Dwar ta’ liema nazzjonalità huma, l-informazzjoni hi kif ġej: Nazzjonalità Reġistranti Ċina 1 Eġittu 3 Eritrea 1 Etjopja 1 Ghana 1 Indja 1 Iran 1 Ġordan 1 Libja 20 Mali 1 Niġerja 1 Palestina 2 Filippini 2 Federazzjoni Russa 3 Serbja 3 Sierra Leone 1 Somalja 1 Sirja 3 Ukrajna 2 Total 49

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-operat tal-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum, rigward l-operat tal-Ministeru , dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jindika l-eżitu tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-operat tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum, hu kif se nsemmi: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Saru 33 każ mill-Ombudsman lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum, li minnhom: 8 huma każijiet pendenti; 3 huma każijiet li ngħalqu fuq talba ta’ min għamel l-ilment; 20 huma każijiet li ngħalqu favur il-Ministeru; 2 huwa każ li ngħalaq permezz ta’ azzjoni ta’ rimedju min-naħa tal-Ministeru. Kien hemm ukoll 5 każijiet li nbdew qabel l-1 ta’ Ottubru 2015 iżda ġew konklużi wara din id-data. Minn dawn il-każijiet: 1 huwa każ li ngħalaq fuq talba ta’ min għamel l-ilment; 4 huma każijiet li ngħalqu favur il-Ministeru. Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu Ninsab infurmat li kien hemm każ wieħed li huwa pendenti. Libreriji Maltin Ninsab infurmat li kien hemm 3 każijiet, li minnhom wieħed (1) ġie konkluż favur l-entità, u tnejn (2) huma pendenti. Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) Ninsab infurmat li kien hemm 9 każijiet, li minnhom 1 huwa każ li ngħalaq fuq talba ta’ min għamel l-ilment; 3 huma każijiet li ngħalqu permezz ta’ azzjoni ta’ rimedju min-naħa tal-MCAST; 3 huma każijiet li ngħalqu favur l-MCAST; 2 huma każijiet pendenti. Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Ninsab infurmat li kien hemm każ wieħed (1) li ngħalaq fuq talba ta’ min għamel l-ilment. Sport Malta Ninsab infurmat li kien hemm 8 każijiet, li minnhom 7 ġew konklużi favur l-entità, u wieħed (1) ġie konkluż permezz ta' medjazzjoni bejn l-entità u l-partijiet konċernati. Università ta’ Malta Ninsab infurmat li kien hemm 24 każ, li minnhom 9 huma pendenti, 8 ġew konklużi favur l-Università ta’ Malta, u 7 ġew riżolti permezz ta’ rimedju mill-Università ta’ Malta.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – talbiet lill-Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni dwar l-operat tal-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet lill-Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum, rigward l-operat tal-Ministeru, dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jindika l-eżitu tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kien hemm tliet talbiet li saru lill-Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum rigward l-operat tal-Ministeru. Waħda minnhom hija pendenti, oħra nqatgħet favur min għamel it-talba u ngħatat l-informazzjoni, u oħra nqatgħet favur il-Ministeru. Ma kien hemm l-ebda talbiet min-naħa tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru.
Leg 12 PQ #27184 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – talbiet lill-Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet lill-Kummissarju tad-Data u l-Informazzjoni mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum, rigward l-operat tal-Ministeru, dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jindika l-eżitu tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #27185 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-operat tal-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum rigward l-operat tal-Ministeru, dekasteru u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jindika l-eżitu tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Ombudsman ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru tas-Saħħa.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — talbiet lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data dwar l-operat tal-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum rigward l-operat tal-ministeru, tal-korporazzjonijiet u d-dekasteru kollu li jaqgħu, taħt il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #27223 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għas-Saħħa

Bereġ li ġew devoluti lill-Kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm bereġ ġew devoluti lill-kunsilli lokali s’issa u jekk hemmx pjan biex dan il-proċess jitkompla?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2014 ġew devoluti 6 bereġ: Kerċem u l-Għarb Għawdex, Ħal Tarxien, is-Siġġiewi, iż-Żurrieq u l-Kalkara. Fis-sena 2015 kien hemm Ħal Għaxaq, Msida u Ta’ Xbiex filwaqt li din is-sena ġew devoluti l-bereġ tal-Birgu, Santa Luċija, Ħal Safi u dalwaqt ħa tkun devoluta il-berġa ta’ Tas-Sliema ukoll. Fis-snin li ġejjin hu ppjanat li d-Dipartiment tas-Saħħa fil-Kura Primarja jkompli dan il-process ta’ devoluzzjoni.
Leg 12 PQ #27224 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għas-Saħħa

Emerġenza – medja ta’ ħin ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja li persuna tistenna biex tinqeda fit-Taqsima tal-Emerġenza, fil-preżent u kif din tikkompara mal-2012, mal-2013 u mal-2015?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena z-żmien ta' stennija fit-Taqsima tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei kien ta' 3 sigħat jew inqas f'85% tal-każijiet. Fl-2013, taħt gvern preċedenti, il-medja tal-ħin ta' stennija kien ta' 13-il siegħa.
Leg 12 PQ #27225 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għas-Saħħa

Introduzzjoni tal-Gliptins – persuni li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw bl-introduzzjoni tal-Gliptins (mediċina għad-dijabete) hekk kif dawn iddaħħlu fil-formularju tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta l-gliptins żdiedu fuq il-formularju tal-Gvern ftit tax-xhur ilu, diġà qed igawdu minnhom 881 pazjent dijabetiku. Dan in-numru mistenni jikber hekk kif aktar pazjenti jiġu assessjati mill-konsulenti tagħhom.
Leg 12 PQ #27226 Sitting 427 2016-10-17 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għas-Saħħa

ADHD – Mediċina Concerta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li fil-preżent qegħdin jieħdu l-mediċina Concerta għall-ADHD?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sat-13 ta’ Ottubru kien hemm 266 pazjent approvat fuq l-Iskeda V u qed jieħdu l-mediċina Concerta b’xejn.