Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27743 u 27907 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għadhom b’aġent segretarju eżekuttiv? Jista’ jgħid fejn wasal kull każ biex kull kunsill lokali jkollu s-segretarju eżekuttiv tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoggi fuq il- Mejda tal- Kamra l- Informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kontra min spara jew qed jispara fuq ħamiem fiż-Żejtun? Apparti li din it-tattika li toqtol il-ħamiem hija kkunsidrata bħala moħqrija u inumana, jista' jgħid jekk hemmx metodri oħra aċċettati internazzjonalment fejn il-ħamiem tagħtih ikel b'kontraċettiv? Jaf li l-ħamiem spiċċa jaqa' nofsu mejjet fi proprjetà tan-nies?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24335.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-employment rate f’Għawdex ikkomparata ma’ dik ta’ Malta, speċifikament għas-snin 2000, 2010 u 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-employment rate tinħareġ biss mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Madankollu, skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni li kienu qed jaħdmu fuq bażi full time u part time bħala xogħol ewlieni f’Malta u f’Għawdex rispettivament għas-snin mitluba, huwa kif ġej:
Persuni fl-impjieg f’Malta u Għawdex
Full Time
Part Time bħala xogħol ewlieni
Malta
Għawdex
Malta
Għawdex
Diċembru 2000
128,590
8,169
13,965
1,327
Diċembru 2010
138,842
8,972
25,131
1,830
April 2016
167,303
10,448
32,890
2,163
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet għal-LSAs li għadhom ma ntlaqgħux? Jekk iva, kemm hemm tfal li għadhom qed jistennew servizz ta' LSA?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 14-il talba għal LSA li għadhom ma ntlaqgħux. Rigward kemm hemm tfal li għadhom qed jistennew servizz ta' LSA, infurmat li hemm erbatax (14)-il student statemented Shared in the Same Class u tlettax (13)-il student statemented Shared. Matul din il-ġimgħa ser jidħlu l-kumplament ta' LSAs.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-massimu ta' tfal li jistgħu jixxerjaw LSA?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li studenti jkunu statemented kif ġej:
Full time one to one (FT 1 to 1) jew Shared Support in the Same Class (SSC) jew Shared.
LSA tissapportja student/a wieħed FT 1 to 1 jew 2 studenti statemented Shared in the Same Class jew 2 studenti statemented Shared u ieħor Shared in the Same Class jew 3 studenti Shared fl-istess klassi jew 2 studenti Shared fi klassijiet differenti.
Servizz ta’ Home Help – talbiet li għadhom pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet għall-Home help li għadhom ma ntlaqgħux? Jekk iva, kemm hemm anzjani li għadhom jistennew dan is-servizz ta' home help?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent hemm 51 talba għas-servizz tal-Home Help li ġew approvati mill-Bord tal-Allokazzjoni li qed jistennew dan is-Servizz. Diġa’ ġew ippjanati l-visti meħtieġa biex ikun jista’ jibda jinghata s-servizz.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27906, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri fuq il-bord tal-aġġudikazzjoni ta' dan it-tender?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-ismijiet qed jingħataw lill-Onorevoli Interpellant separatament.
Unemployment Assistance, Social Assistance and Social Assistance for Single Unmarried Parents – tapering of benefits
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema tat-Tapering of Benefits tapplikax ukoll għall-persuni li jkunu fuq l-Unemployment Assistance (UA), Social Assistance (SA) jew Social Assistance for Single Unmarried Parents (SUP) imma li jsibu mpjieg b’paga li tkun taqbeż in-National Minimum Wage?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-sistema tat-Tapering tapplika għal dawk kollha li jaħdmu u jaqilgħu l-Paga Minima Nazzjonali jew aktar.
Il-persuni eleġibbli mit-Tapering of Benefits huma:
· Persuni li jkunu jirċievu Għajnuna Soċjali (SA), inkluż tal-Qagħad (UA), li jkunu ilhom sentejn fl-aħħar tlett snin fuq l-Għajnuna Soċjali u li jibdew jaħdmu sew bħala impjegati kif ukoll għal rashom imma li d-dħul tagħhom ikun l-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali jew aktar.
·
Single Parents
li jinkludu wkoll
single unmarried mothers
(SUP) bi tfal taħt it-23 sena u li jibdew jaħdmu anke
part-time
tal-anqas bi dħul tal-ekwivalenti ta’ 10 sigħat fil-ġimgħa, bir-rata fis-siegħa tal-Paga Minima Nazzjonali jew aktar.
Persuni li jkunu benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali li jidħlu fi żwieġ jew f’Unjoni Ċivili, u li l-konjuġi tagħhom ikun jaħdem u jaqla’ l-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali jew aktar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-għajnuna supplimentari li tħabbret fil-Baġit 2017 huwiex ser tingħata wkoll lill-pensjonanti single li għandhom dħul baxx?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, kif tħabbar fid-Diskors tal-Baġit, barra l-koppji miżżewġa, ir-riforma fl-Għajnuna Supplimentari għall-2017, tikkonċerna wkoll lill-persuni single li jgħixu għal rashom, jaħdmu u għandhom dħul nett li jlaħħaq sa €9,012, jew persuni single mhux kapijiet ta’ familja li jaħdmu u għandhom il-paga minima. Ser ikunu qed jibbenefikaw ukoll, ġenituri weħidom li għandhom tfal ta’ bejn is-sittax-il sena u t-23 sena, li mix-xogħol jaqilgħu l-paga Minima jew sa’ €9,012 netti, u li ser jibbenefikaw wkoll miż-żieda li tlaħħaq għal €126.3 fis-sena. Ir-riforma fl-Għajnuna Supplimentari se tkompli fl-2018.
Pembroke – Triq il-Profs Walter Ganado — garaxxijiet
Question
B’referenza għall-kirjiet tal-garaxxijiet fi Triq il-Profs Walter Ganado f’Pembroke li xi sentejn oħra jiskadu, u fl-isfond tal-bini kbir li ġej minflok l-ex Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), jista’ l-Prim Ministru jikkonsidra li dawn il-garaxxijiet jitwellew lil min jogħqod hemm bi prezz raġunevoli u mhux kummerċjali bħal tal-lum, speċjalment meta tara l-istat tal-istess garaxxijiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont Art 6 (h) tal-Iskeda annessa mal-Att dwar it-Trasferiment ta’ Proprjetà tal-Gvern (Kap 268) tal-Liġijiet ta’ Malta, meta jiskadu l-kirjiet ta’ dawn il-garaxxijiet, l-istess garaxxijiet jergġħu jinkrew lill-istess inkwilini bl-istess termini u kundizzjonijiet tal-kirja oriġinali, ħlief għal kera li trid terġa tiġi stabbilita mill-ġdid bi stima ta’ Perit. Iż-żieda li jista’ jkun hemm fil-kera ma tistax tkun inqas minn dak rifless fl-Indiċi tal-Inflazzjoni li jkun fis-seħħ meta tiskadi l-kirja.
Servizzi Residenzjali għall-Persuni b'Diżabilita — Standards Nazzjonali
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19793, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Istandards Nazzjonali tas-Servizzi Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità humiex se jiġu wkoll osservati fir-Residenzi/Hostels fejn hemm jgħixu persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Health Care Standards Directorat jagħmlu sorveljanza fuq il-hostels fejn jgħixu persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm kienet l-għajnuna finanzjarja li l-Gvern ta lill-Fondazzjoni Richmond biex jiġu megħjuna persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali s-sena l-oħra? Liema kienu s-servizzi li ġew mogħtija l-fondi u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja għal kull servizz mogħti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Health Care Standards Directorat jagħmlu sorveljanza fuq il-hostels fejn jgħixu persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4735, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li ġew referuti lis-Servizzi tas-Saħħa Mentali f’dawn l-aħħar ħames snin minħabba li kellhom bżonn għajnuna għax kellhom problema ta’ saħħa mentali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment Servizz għall-Istudent fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-professjonisti fi ħdanu ma jirreferux studenti lis-Servizzi tas-Saħħa Mentali direttament. Dan għaliex dawn is-servizzi ma jaċċetawx referrals jekk mhux mingħand it-tobba.
Meta l-professjonisti ta’ dan id-Dipartiment jew l-amministrazzjoni tal-iskejjel jinnutaw li xi studenti għandhom bżonn jiġu referuti lis-servizzi tas-Saħħa Mentali, dawn jikkuntattjaw lill-ġenituri tal-istudent/a kkonċernat/a u jgħidulhom biex ikellmu lit-tabib tal-familja tagħhom jew taċ-Ċentru tas-Saħħa ħalli jirreferi lit-tifel/tifla tagħhom lis-Servizzi tas-Saħħa Mentali.
Għaldaqstant, infurmat li d-Dipartiment Servizzi għall-Istudent m’għandux statistika dwar dan.
San Pawl il-Baħar – Skola Primarja tal-Qawra — tenders
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tenders ħarġu s’issa għal dak li jikkonċerna l-bini tal-Iskola Primarja fil-Qawra, San Pawl il-Baħar? Lil min ingħata dan ix-xogħol li sar jew li se jsir fuq dan il-bini? Kemm sar ħlas s’issa fuq l-istess xogħol? Min wettaq ix-xogħol li tħallas?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fir-rigward tal-Iskola Primarja ġdida tal-Qawra, San Pawl il-Baħar, s'issa ħarġu żewġ tenders, waħda għall-iskavar tas-sit u l-oħra għall-bini tal-iskola.
Il-kuntratt għall-iskavar ingħata lill-kumpanija Tal-Magħtab Construction. Għal xogħol li sar s'issa tħallsu €311,563.80.
It-tender għall-bini tal-iskola kienet pubblikata fis-7 ta' Ottubru, 2016, u tagħlaq fis-17 ta' Novembru, 2016.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jibni ċentru sportiv f’xi lokalità tat-12-il distrett? Jekk iva, fejn hu mistenni li jinbena dan iċ-ċentru u meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq l-istess ċentru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għalkemm ma hemmx pjanijiet min-naħa tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-isport li jinbena ċentru sportiv f’xi lokalità tat-12-il distrett, saret diskussjoni interna dwar il-ħsieb li bħala parti mill-proġett tal-iskola l-ġdida tal-Qawra jinbnew Assembly Hall u Ċentru Sportiv. Risposta definittiva dwar dan tkun tista' tingħata iktar 'il quddiem.
Gozo Airstrip Feasibility Study – Vote 17 – Recurrent line item 5777
Question
B'referenza għall-Estimi Finanzjarji tas-sena 2016 speċifikament għall-Vote 17 Recurrent line item 5777 - Gozo Airstrip Feasibility Study, fejn hemm indikat li fl-2015 kienu ġew approvati €100,000 u fl-2016 kienu vvutati €35,000, jista' l-Ministru jgħid min għamel dawn l-istudji? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istudji?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lil Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru W504.
Funding of non-Government Organisations – Vote 17 – Recurrent line item 5274
Question
B'referenza għall-Estimi Finanzjarji tas-sena 2016, eżattament Vote 17 Recurrent - line item 5274 - Funding of non-Government Organisations, fejn kienu ġew ivvutati €90,000, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dan l-ammont ġew allokati sa meta tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija? Jista' jgħid:
a) liema kienu l-NGO's li bbenifikaw minn din l-iskema; u
b) kemm kien l-ammont allokat lil kull NGO?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li għada qiegħda tiġi mfassla struttura adekwata li tagħmel ġustizzja mal NGOs kollha u dwar il modus operandi b’dan il-vot din is-sena.
Għas sena 2016, il-fondi kollha ta’ dan il-vot ġew allokati għall-Fondazzjoni Kenn u Tama’ li topera Dar Emmaus li qed tagħmel xogħol imprezzabli ma’ nies vulnerabbli fis-soċjeta’ Maltija.