Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – żieda jew bdil ta’ mains tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Water Services Corporation talbitx xi permessi minħabba xogħol li hu indikat li ser isir f'diversi toroq f'San Pawl il-Baħar, b'rabta ma’ bdil, jew żieda ta' mains tad-drenaġġ? Jekk iva, f'liema nħawi ntalbu l-permessi u liema minnhom ġew approvati? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn ix-xogħlijiet ma jħarbtux it-toroq kollha li ser isir ix-xogħol fihom, u jiġi assigurat li jingħata wiċċ ġdid (il-wisa’ tat-triq kollha) fejn tali xogħol ser ikun qed iseħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li kien hemm erba’ applikazzjonijiet min-naħa tal-Korporazzjoni tal-Ilma biex isir xi xogħol relatat ma’ bdil, jew żieda fis-sistema tad-drenaġġ, li minnhom inħarġu tnejn. Dawn iż-żewġ permessi jinstabu fiż-żona tal-Erba’ Mwieżeb, eżattament f’dawn it-toroq li ġejjin; Triq Ġulju, Triq Erba’ Mwieżeb, Triq il-Mosta. Dawn it-trinek jiġu asfaltati skont il-kundizzjonijiet maħruġa mill-perit tar-reġjun kif huma mniżżla fil-permessi. Il-Kunsill Lokali m’għamilx talba f’dawn il-permessi, fiż-żmien tal-konsultazzjoni, biex it-toroq jiġu mogħtija wiċċ ġdid.

San Pawl il-Baħar – xogħljiet mill-kumpanija GO

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet li ser isiru mill-kumpanija GO fl-inħawi kollha ta' San Pawl il-Baħar, intalbu permessi għalihom minn Transport Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex fejn dan ix-xogħol hu meħtieġ li jsir, fil-fatt jiġi assigurat li ma jħallix ħerba wara li jkun lest l-istess xogħol, kif ukoll jiġi assigurat li hekk kif ix-xogħol meħtieġ isir, jittieħdu wkoll passi biex fil-fatt, issir il-manutenzjoni neċessarja lit-toroq u lill-bankini li jkunu affettwati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm żewġ talbiet mill-kumpanija Go fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn il-permessi jiġu spezzjonati regolarment minn uffiċjali ta’ Transport Malta biex jiġi assigurat li t-toroq u l-bankini jitreġġgħu lura kif kienu qabel, ma jitħalliex periklu fit-toroq waqt li jkun għaddej ix-xogħol, kif ukoll li jitneħħa mit-triq kull materjal li seta’ nqala’ minħabba dan ix-xogħol.
Leg 12 PQ #27918 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21836 u jagħti lista ta’ kull direct order, kienet ta’ liema valur kienet, li ta kull dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, matul is-sena 2015? Jista’ jgħid f’kull każ x’inxtara jew x’servizz ingħata, kif ukoll il-valur u min ġie mħallas?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #27919 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – persuni li għandhom priority pass u free travel pass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li għandhom priority pass u/jew free travel pass biex jitilgħu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Jista’ jgħid x’inhu l-kriterju li jintuża mill-kumpanija biex tagħti dan il-priority pass u/jew free travel pass lil dawn il-persuni? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn il-kriterji fuq il-Mejda tal-Kamra? Id-deċiżjoni jekk jinħarġux dawn il-passes jew le, min jeħodha l-Ministru għal Għawdex jew il-Bord tal-Gozo Channel?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 22095.

Akkomodazzjoni Soċjali – Każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Akkomodazzjoni Soċjali – Każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hija persuna b’diżabilità li sfortunatament ilha tistenna akkomodazzjoni soċjali għal dawn l-aħħar erba’ snin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Institute of Education — ħaddiema

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27504, jista’ l-Ministru jgħid fejn kienet taħdem kull persuna qabel ma ġiet impjegata mal-Institute of Education li ġiet detailed jew inħatret fuq bażi ta' persuna ta' fiduċja jew b'kuntratt ta' servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif dwar fejn kienu jaħdmu l-persuni msemmija fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27504 qabel ma ġew impjegati mal-Institute of Education, huwa kif se nsemmi: CEO - persuna ta’ fiduċja – Sezzjoni tal-Assessjar, DQSE Uffiċjal Edukattiv – detailed – Sezzjoni tat-Taħriġ tal-Għalliema, DQSE Kap tad-Dipartiment (HoD) Primarja (Assessjar) – detailed - DQSE Kap tad-Dipartiment (HoD) Primarja (Assessjar) – detailed - DQSE Kap tad-Dipartiment (HoD) Primarja (Assessjar) – detailed - DQSE Assistant Principal – detailed – Sezzjoni tat-Taħriġ tal-Għalliema, DQSE Segretarja - direct appointment b’kuntratt ta’ servizz - mhux f’impjieg Uffiċjal Żvilupp, Implimentazzjoni u Riċerka ta’ Programmi - persuna ta’ fiduċja b’kuntratt ta’ servizz – Dipartiment tal-i Scholarships fi ħdan il-MEDE Uffiċjal Amministrattiv u Finanzjarju - persuna ta’ fiduċja b’kuntratt ta’ servizz - EUPA Espert fl-IT - kuntratt għal servizz -MEDE

Direttorat tal-Edukazzjoni – acting head – accreditation unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif intgħażlet l-Acting Head li bħalissa qiegħda tmexxi l-Accreditation Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CV u l-informazzjoni dwar l-esperjenza li għandha u li kellha fil-passat fis-settur edukattiv din il-persuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Accreditation Unit evolva mill-Education Regulatory Compliance Section fi ħdan id-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, hekk kif kompla jamplifika ruħu x-xogħol marbut mal-Akkreditar ta’ individwi, istituzzjonijiet u programmi. Il-persuna li dwarha qed issir il-mistoqsija għandha kuntratt li permezz tiegħu setgħet tibda tagħti servizz lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol f’xogħol marbut ma’ akkreditar fid-Dipartiment tal-Lifelong Learning fejn kompliet issaħħaħ l-esperjenza li ġa kienet bdiet tikseb fil-qasam matul is-snin. Hekk kif inħasset il-ħtieġa li jitwaqqaf l-Accreditation Unit, din il-persuna li diġà kienet qed tokkupa grad ta’ responsabbiltà fi ħdan il-MEDE, intalbet biex isservi ta’ delegat għad-Direttur Ġenerali għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni fuq dan il-qasam. Dispost li ngħaddi s-CV ta' din il-persuna lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.

Għawdex – Sixth Form – estensjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27713, jista’ l-Ministru jgħid x’jismu l-perit li ċċertifika li "the property is structurally safe for its users according to the present intended use."?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ċ-ċertifikazzjoni saret mill-Perit li ismu qiegħed jingħata lill-Onor. Interpellant separatament.

Foundation for Tomorrow Schools – reklam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa r-reklam bil-kulur fuq erba' paġni maħruġ mill-Foundation For Tomorrow Schools u li tqassam mal-gazzetta The Sunday Times of Malta tal-Ħadd 16 ta' Ottubru 2016? Jista’ jgħid min kien responsabbli mill-artwork ta' dan ir-reklam u kemm ġie jiswa l-istess artwork?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża tad-disinn ta' wraparound ammontat għal €265.50. Il-kumpanija li għamlet ix-xogħol tad-disinn hija Keen Advertising Ltd. L-ispiża għall-istampar, infilsar u ċirkulazzjoni ta' wraparound mas-suppliment 'Classified' ta' The Sunday Times tas-16 ta' Ottubru, 2016, ammontat għal €6,490.

Uffiċċji tal-Furjana – Bini tad-Direttorati — Xogħol ta’ Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li jsir xogħol ta' manutenzjoni fil-bini tad-Direttorati li jinsab fit-tielet sular tal-uffiċċji fil-Floriana? Jekk dan ix-xogħol se jsir, jista’ jgħid meta hu previst li jibda dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara li sar xogħol estensiv fl-ewwel sular bejn l-2013-14 u fit-tieni sular tad-Direttorati għall-Edukazzjoni u x-Xogħol matul din is-sena, huwa previst li xogħol ta’ manutenzjoni fit-tielet sular tad-Direttorati jibda s-sena d-dieħla.
Leg 12 PQ #27974 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sidien li investew f'sistemi ta' pannelli fotovoltajċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-alternattivi għas-sidien li nvestew f'sistema ta' pannelli fotovoltajċi li bbenefikaw minn fondi Ewropej u spiċċaw ma jistgħux jgawdu l-investiment minħabba dell ikkawżat minn żvilupp ġdid biswit?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Filwaqt li nirrikonoxxi li jista' ikun li jeżistu tali ċirkostanzi, kif nemmen li jifhem l-Onorevoli Interpellant, dawn huma issues ta’ natura ċivili bejn il-partijiet involuti.

Siġġiewi – Triq Mons. Mikiel Azzopardi – speed camera

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27898, jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun id-data li fiha ser jitlaqqa’ t-Traffic Management Committee sabiex jiddeċiedi dwar l-ispeed camera fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-talba għal Speed Camera fi Triq Mons Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi ġiet diskussa fil-Kumitat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fil-21 t'Ottubru 2016. Ġie nnutat li t-talba li ġiet sottomessa ma kienitx tinkludi l-istudji neċessarji hekk kif stipulati fl-iSpeed Management Policy. Għaldaqstant, tali studji ser jitħejjew mill-Awtorita’ tat-Transport sabiex il-kumitat ikun f'pożizzjoni li jieħu deċiżjoni bbażata fuq l-istudji stipulati skont il-polza.

Siġġiewi – Triq Dun Manwel Zammit – speed bumps

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27899, jista’ l-Ministru jitlob lil Transport Malta sabiex terga’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha dwar l-istallazjoni ta’ speed bumps fi Triq Dun Manwel Zammit is-Siġġiewi, speċjalment wara l-inċident li wassal biex persuna tilfet ħajjitha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-talba tal-kunsill lokali għal Rubber Road Hump diġa ġiet ikkunsidrata iżda ma tistax tiġi approvata għaliex ma tikkwalifikax skont il-kriterji tal-Awtorita’. Peress li din it-triq taqa’ taħt il-kunsill lokali huwa ssuġġerit li l-kunsill lokali jikkunsidra miżuri addizzjonali biex jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv f’din it-triq.
Leg 12 PQ #27978 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Siġġiewi – niżla ta’ Għar Lapsi – xogħlijiet fit-triq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27897, jista' l-Prim Ministru jgħid min hu l-Ministru responsabbli sabiex it-triq li tagħti għan-niżla ta' Għar Lapsi tingħata wiċċ ġdid?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Leg 12 PQ #27979 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – Top Management – pagi, allowances u bonuses

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27873, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb id-domanda oriġinali minflok jagħti deskrizzjoni, u jinforma lill-Kamra bil-pagi, allowances u bonuses mogħtija lit-top management tal-Enemalta, li jinkludu fost oħrajn l-Executive Chairman, iċ-Chief Executive Officer, l-Executive Directors, id-Divisional Managers u l-Managers?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli Lokali — insurances

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27791 u 27923 u jgħid kemm kull kunsill lokali jħallas għal kull tip ta’ polza ta’ insurance li għandu? Jista’ jgħid għal kull kunsill lokali individwali, kemm sar ħlas għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsilli Lokali — pożizzjonijiet attwali dwar bini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27868 u jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali (jekk hux mikri, mixtri, tal-Gvern eċċ.) ta’ kull bini, ta’ kull kunsill lokali u jpoġġi d-dokumenti relatati għal kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkun nista’ npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tinġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali kollha.

Kunsilli lokali – kuntratti għat-tindif, ġbir ta’ skart u xogħol ieħor konness ma’ upkeep

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27741 u 27909 u jgħid kemm hu l-kuntratt/i preżenti ta’ kull kunsill lokali għal tindif, ġbir ta’ skart u xogħol ieħor kollu konness ma’ upkeep u tindif fil-lokalitajiet u kemm hu l-ammont ta’ flus li l-Gvern jagħti speċifikament għal dan l-iskop lil kull kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-valur tal-kuntratt/i preżenti ta’ kull Kunsill Lokali għall-tindif, ġbir ta’ skart u xogħol ieħor konness ma’ upkeep u tindif fil-lokalitajiet. Magħha qed inpoġġi wkoll tabella oħra li turi l-ammonti ta’ flus li l-Gvern ta lill-Kunsilli Lokali fis-sena 2016 speċifikament għall-knis tat-toroq, tindif rural u maniġġjar tal-iskart.

Wardens – admistration fee imħallsa mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27740 u 27910 u jgħid kemm jitħallas bħala administration fee kull kunsill lokali tax-xogħol li jagħmel biex jiġu ordnati u jitħallsu l-wardens għal xogħlijiet privati mir-residenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-servizz ta’ traffic management illi jingħata mill-Kunsilli Lokali huwa servizz li l-operatur Guard and Warden huwa obbligat li joffri skond it-tender agreement illi sar mal-Kumitati Reġjonali. Il-Kunsilli Lokali ma jitħallsu l-ebda administration fee mill-operatur.