Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħamrun – Day Centre tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jattendu d-Day Centre tal-anzjani fil-Ħamrun? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-aħħar attività li saret għall-anzjani li jattendu dan id-Day Centre? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk l-anniversarju mill-ftuħ ta' dan id-Day Centre, għadux jiġi ċċelebrat kull sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fiċ-Ċentru ta’ Anzjanita’ Attiva tal-Ħamrun hemm 116–il membru. Bħal f’kull ċentru ta’ Anzjanita’ Attiva ieħor, ġewwa ċ-Ċentru tal-Ħamrun hemm programm ta’ Anzjanita’ Attiva li kull ġimgħa joffri lill-membri attivitajiet varjati. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, l-anniversarju ta’ dan iċ-Ċentru għadu jiġi ċċelebrat kull sena.

Bajja ta’ Wied il-Għajn – xogħol ta’ dredging

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn qed isir xogħol ta’ dredging fil-bajja ta’ Wied il-Għajn? Jista’ jgħid min qed iwettaq dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 28013.

Race Track — proposti

Question

Jista' l-Ministru jiċċara jekk mil-lokalitajiet magħżula mill-iżviluppaturi għar-race track, hemmx proposta li qed tipproponi li s-sit għandu jkun fil-limiti tas-Siġġiewi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent qed issir evalwazzjoni dettaljata tas-siti proposti minn dawk li tefgħu l-offerti għall-EOI relatat ma’ l-iżvilupp ta’ race track. Għaldaqstant, minħabba li din hi fażi sensittiva ħafna fil-proċess ta’ evalwazzjoni, ma jkunx għaqli li tingħata informazzjoni f’liema lokalitajiet jinsabu s-siti proposti.

Għajnuna lill-Għaqdiet Sportivi tal-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif il-Ministeru se jkun qed jgħin lill-għaqdiet sportivi fl-isports tal-baħar matul is-sena li ġejja? Liema għaqdiet ta’ dan it-tip huma mistennija li jkunu megħjuna? Kif se sseħħ din l-istess għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li SportMalta nidiet l-iskemi 2017 din il-ġimgħa u l-proċess jinsab f’idejn l-għaqdiet biex japplikaw. Eventwalment l-assistenzi jiġu approvati kmieni s-sena li ġejja.

San Pawl il-Baħar – ELC – soft area

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-ELC jieħdu ħsieb is-soft area li hemm ħdejn il-lights fid-daħla ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din iż-żona tagħmel parti mix-xogħol ta’ manutenzzjoni ta’ rutina u f’ din iż-żona wkoll qed jittieħdu l-passi meħtieġa skont il-programm ta’ xogħlijiet.

Il-Magħtab – miżbla — irwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema passi qed jittieħdu mill-Ministeru, jew xi entità li taqa’ taħtu biex l-irwejjaħ insapportabbli li ħerġin mill-miżbla (jew engineered landfill) tal-Magħtab jiġu kkontrollati bis-serjetà?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li ttieħdu, kif diġa’ ntqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, huma żieda fid-daily cover u użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser.

Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem — diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħtu tagħrif dwar jekk il-Ministeru kellux diskussjonijiet mal-Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem dwar id-diffikultajiet li dawn qed jiffaċċjaw biex ikunu jistgħu jkomplu bid-delizzju tagħhom, partikularment minħabba l-lofts li huma għandhom? Jekk iva, meta saru l-laqgħat u x'irriżulta minn dawn l-istess laqgħa? X'passi ħa l-Ministeru favur dawn id-dilettanti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja huwa kontinwament f’kuntatt mal-Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem fuq suġġetti li jikkonċernaw lil dan il-Ministeru. Dawn ma jinkludux ir-regolariżazzjoni fuq loftstal-ħamiem minħabba li dan ma jaqax taħt dan il-Ministeru. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kwota tal-pixxispad – sajjieda Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’pożizzjoni ħa l-Ministeru għal dak li jikkonċerna l-kwota tal-pixxispad li tista’ tinqabad mis-sajjieda Maltin? X’kienu r-riżultati li akkwistajtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fi ħdan l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea dwar dan, fejn Malta ħadet pożizzjoni kontra id-dħul ta’ sistema tal-kwoti tal-pixxispad. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ ittra mibgħutha lill-Kummissarju għall-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, bil-pożizzjoni uffiċjali ta’ Malta, liema pożizzjoni meħudha ttieħdet bi ftehim mall-Koperattivi tas-Sajd. Huwa mistenni li wara li jiġi fformulat mandat għall-Kummissjoni Ewropea, mill-Kunsill tal-Ministri, biex skont dan il-mandat isiru n-negozjati fi ħdan l-ICCAT. Dawn in-negozjati huma mistennija li jsiru matul il-laqgħa annwali tal-ICCAT li ser tinżamm fil-Portugal bejn l-14 u l-21 ta’ Novembru 2016. Għal din il-laqgħa, barra minn uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, għandhom jattendu wkoll rappreżentanti mill-Koperattivi tas-Sajd.
Leg 12 PQ #28043 Sitting 431 2016-10-25 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Cruiseliner terminal u yacht marina – diskors tal-Baġit

Question

B'referenza għad-diskors tal-Baġit għas-sena 2017, u billi fid-diskors tal-Bagit tas-sena 2016 kien intqal li għaddejjin negozjati mal-konsorzju li ssottometta l-proposti tiegħu dwar il-bini ta' cruiseliner terminal u yacht marina f'Għawdex, u peress li fid-diskors tal-baġit għas-sena d-dieħla ma kien hemm l-ebda referenza għal dawn iż-żewġ proġetti, jista' jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li dawn il-proġetti jitwettqu?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari 27715

Għawdex — Dar fil-Komunità – persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuna b'diżabilita fid-Dar fil-Komunità li ġiet inawgurata f'Għawdex fi Frar ta' din is-sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà weġibt f’Mistoqsija Parlamentari numru 27730, fid-Dar fil-Komunita ġewwa Taċ-Ċawla Għawdex, huwa maħsub li sal-aħħar ta’ din is-sena jkunu qegħdin jidħlu l-ewwel klijenti residenti, hekk kif kollox huwa lest biex jospita’ l-ewwel residenti. Diġà ġew identifikati l-ewwel residenti li ser ikunu qed joqogħdu ġewwa din id-Dar fil-Komunita. Dawn ir-residenti għaddejjin minn proċess ta’ taħriġ speċjalizzat, sabiex it-tranżizzjoni ssir bl-aktar mod seren.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – applikazzjonijiet dwar l-iżvilupp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' applikazzjonijiet saru dwar l-iżvilupp li hu ppjanat li jsir fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista' jgħid jekk dawn il-permessi nħarġux?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #28046 Sitting 431 2016-10-25 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex – applikazzjonijiet għal-lukandi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26889, fejn fit-tweġiba ngħad li hemm ħames applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġewwa Għawdex, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru (separatament) ta' sodod jew żieda ta' sodod, skont il-każ, f'dawn l-applikazzjonijiet - żewġ applikazzjonijiet ta' lukandi ġodda ta' żewġ stilel, applikazzjoni ta' lukanda ta’ 4 stilel, oħra għall-estensjoni ta' lukanda ta' 4 stilel, applikazzjoni ġdida għall-Guest house u oħra għall-Hostel?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor.i Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni minn Għawdex maqtugħa mir-reġistru tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu il-persuni minn Għawdex li matul is-sena 2015 u 2016 (separatament) inqatgħu mir-reġistru tax-xogħol? Kemm kienu dawk li nqatgħtu għax sabu xogħol? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li nqatgħu l-oħrajn li ma sabux xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, ir-raġunijiet li għalihom persuni minn Għawdex inqatgħu mir-reġistru tax-xogħol matul is-sena 2015 u minn Jannar sa Settembru 2016, huma kif muri fit-tabella hawn taħt, kif se nsemmi: Għawdxin li ġew maqtugħa 2015 Jannar sa Diċembru 2016 Jannar sa Settembru Sabu impjieg 149 123 Mhux interessati li jaħdmu 1 1 Mhux eliġibbli li jirreġistraw għax-xogħol 7 23 Laħqu l-età tal-pensjoni 1 2 Ġew riferuti lid-Dipartiment tas- Sigurtà Soċjali għax mhux tajbin għax-xogħol 6 3 Waqfu jirreġistraw mingħajr raġuni 1,324 1,002 Maqtugħa minn fuq ir-reġistru minħabba li nstabu jaħdmu u jirreġistraw 1 8 Maqtugħa minn fuq ir-reġistru minħabba li rrifjutaw opportunità ta' xogħol 92 43 Maqtugħa minn fuq ir-reġistru minħabba li rrifjutaw taħriġ 40 7 Kienu maqtugħa imma rebħu l-appell 27 6 Total 1,648 1,218

Persuni minn Għawdex – borza ta’ studju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il borża ta' studju ngħatat lill-persuni minn Għawdex fis-sena 2014, 2015 u 2016 (separatament)? Jista’ jsemmi l-iskema li taħtha ngħataw dawn il-boroż ta' studju u kemm kien il-valur ta’ kull borza ta' studju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn l-2014 u l-2016 ingħataw 78 borża ta’ studju lill-persuni minn Għawdex għall-valur kumplessiv ta’ €1,048,548.00. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni kollha kif mitluba, jiġifieri kemm il-borża ta’ studju ngħatat lill-persuni minn Għawdex fis-sena 2014, 2015 u 2016 (separatament) kif wkoll taħt liema skema ngħataw dawn il-boroż ta’ studju flimkien mal-valur ta’ kull borża ta’ studju.

San Pawl il-Baħar – menqa — spezzjoni

Question

Billi s-sajjieda li jużaw il-menqa ta' San Pawl il-Baħar huma inkwetati li l-istess menqa tista' tispiċċa bla lqugħ wara xi maltempata, għaliex qed isostnu li hemm ħsarat fuq il-ħajt li jifred il-menqa mill-baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk spetturi tas-sajd għamlux xi spezzjoni fuq din l-istess menqa? Jekk le, jista' jieħu l-passi neċessarji biex din l-ispezzjoni ssir?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkarigajt lid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura sabiex dwar il-kwistjoni li qed iqajjem tikkordina ma’ Transport Malta li hija responsabbli mill-infrastruttura marittima.

Siġġiewi – Triq Blat il-Qamar – wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tingħata wiċċ għall-ewwel darba it-Triq Ġdida fi Triq Blat il-Qamar (uffiċjalment imsemmija bħala Triq Nikola Azzopardi) fis-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq tinstab fuq il-lista ta’ toroq residenzjali li jridu jingħataw wiċċ asfalt għall-ewwel darba, minn Transport Malta. Ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq isiru skont prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist.

Transport Malta – taxxa fuq it-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta hux qed tikkunsidra taxxa fuq it-traffiku kif ġie rrapurtat f'sezzjoni tal-istampa? Billi Plan A u Plan B kienu mħabbra mill-istess Ministru, allura din it-taxxa se tkun Plan C?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif imħabbar fid-diskors tal-budget 2017, mhu ser tiġi ntrodotta l-ebda forma ta’ taxxa fuq it-traffiku.
Leg 12 PQ #28063 Sitting 431 2016-10-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Vitals Healthcare Group – due diligence

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma fir-rigward tal-Vitals Healthcare Group jekk: a. saritx due diligence li twassal għall-identità tal- ultimate beneficial owners ; b. jekk it-tali due diligence identifikatx l-identità ta’ kull ultimate beneficial owner li għandu mill-anqas 2% tal-ishma tal-kumpannija; c. jekk il-Gvern għandux kontroll fuq il-bejgħ ta' ishma minn ultimate beneficial owners ; d. min għamel it-tali due diligence ; u e. għal liema raġuni l-Gvern qiegħed iżomm mistura l-identità tal- ultimate beneficial owners ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret due diligence fuq l-identità tal-ultimate beneficial owners. Il-kuntratti li ġew imqegħda fuq il-mejda tal-Kamra jipprovdu dwar proċeduri dwar it-trasferiment tal-ishma.

Kunsilli lokali – live streaming tal-laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-Kunsilli Lokali li għad m’għandhomx fis-seħħ is-sistema ta’ live streaming għal-laqgħat tal-kunsill? Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li sal-15 t’Ottubru 2016 għalkemm għandhom is-sistema ta’ live streaming iżda mhux qed jittrasmettu “Live Streaming” tal-laqgħat tal-kunsill lokali tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkun nista’ npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tinġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali kollha.

Childcare Centres — rekwiżiti

Question

Jista l-Ministru jelenka x’inhuma r-rekwiżiti sabiex persuna tiftaħ u tmexxi Childcare Centre? Jista’ jelenka x’inhuma l-istandards li għandhom jiġu osservati meta jinbena Childcare Centre ġdid u x’permessi hemm bżonn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Skont l-Istandard nru. 1 tan- National Standards for Child Day Care Facilities ippubblikati fl-2006, ir-rekwiziti sabiex persuna tiftaħ u tmexxi Childcare Centre huma dawn: Sid ta’ Childcare Centre għandu bżonn: Eta ` Li jkun’lfuq minn 18-il sena Referenzi Ċertifikat tal-kondotta tal-Pulizija Ikollu bżonn iqabbad Superviżur Prinċipali / Maniġer li r-rekwiżiti tiegħu/ha huma: Eta ` ’lfuq minn 21 sena Esperjenza Esperjenza ta’ ħidma mat-tfal Kwalifiki Kwalifika fiċ-Childcare f’livell 5 tal-MQF u rikonoxxuta Taħriġ fil- Management jew Administration Ċertifikat fil-Paediatric First Aid Referenzi Ċertifikat tal-kondotta tal-Pulizija Żewg ittri ta’ referenzi Is-Supervi¿ur Prinċipali / Maniġer ikun mgħejun minn Carers li għandu jkollhom dawn ir-rekwiżiti: Eta ` ’lfuq minn 18-il sena Kwalifiki Kwalifika fiċ-Childcare f’livell 4 tal-MQF u rikonoxxuta Ċertifikat fil-Paediatric First Aid Referenzi Ċertifikat tal-kondotta tal-Pulizija Żewg ittri ta’ referenzi In-numru ta’ Carers irid ikun skont in-numru tat-tfal u mqassma bl-eta` kif ġej: Eta` tat-tfalTfal allokati ma’ kull Carer 0 – 12-il xahar3 13 sa 24 xahar5 25 sa 36 xahar6 Grupp imħallat li jista’ ikollu sa tifel / tifla wieħed / waħda biss taħt l-eta` ta’ 18-il xahar6 L-istandard li għandu jiġi osservat meta jinbena Childcare Centre huwa Standard nru. 2 li jispjega l-ambjent fiżiku, il-binja u t-tagħmir. Hemm ukoll il-policy tal-MEPA tal-2006 http://www.pa.org.mt/LpDocumentDetails?syskey=545 . Mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ Childcare Centre mad-DQSE, il-permess ewlieni li hemm b¿onn huwa dan: · Il- permess tal-Awtorita` tal-Ippjanar u pjanta tal-bini li tinkludi Sectional drawings bit-timbru tal-PA Dan minħabba li matul il-proċess biex jinħareg dal-permess, l-Awtorita` tal-Ippjanar tikkonsulta mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilita`, Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, Transport Malta u awtoritajiet oħra li l-Awtorita` tal-ippjanar tħoss li għandha tikkonsulta qabel jingħata l-permess tal-bini. Minbarra hekk, jintalab ukoll Health & Safety Audit Certificate u ċertifikazzjonijiet oħra li jkun hemm bżonn jintalbu skont il-kuntest taċ-Child Care Centre. Bħalissa m’hemm l-ebda obbligu li wieħed jirreġistra Child Care Centre sabiex jopera. Aktar dettalji fuq l-istandards u l-applikazzjoni sabiex tiftaħ u tirreġistra Child Day Care Facility jinstabu fuq dil-website: http://education.gov.mt/childcareservices/Pages/About-us.aspx