Heritage Malta – siti taċ-Ċittadella – Gozo Museum
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan ta' Heritage Malta fir-rigward tas-siti taċ-Ċittadella ladarba jiġi inawgurat il-Gozo Museum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Habs il-Qadim u l-Muzew tal-Folklore huma attrazzjonijiet fihom infushom u se jibqgħu jiffunzjonaw bħal-lum. Casa Bondi, li llum tospita l-Mużew tal-Arkeoloġija, se tkun iċ-ċentru ta’ Heritage Malta fiċ-Ċittadella. Għadhom qed jiġu evalwati għadd ta’ possibiltajiet għal użu kulturali alternattiv fir-rigward tal-Mużew tan-Natura u l-ftit spazji okkupati bl-uffiċċji.
Heritage Malta – kundizzjonijiet tax-xogħol tal-periti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-periti li jaħdmu ma' Heritage Malta humiex ekwivalenti għal dak tal-periti li jaħdmu mad-Direttorat tar-Restawr? Jista’ jgħid jekk hux qed tingħata opportunità lil dawn il-periti sabiex jagħmlu skambji bejniethom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta u d-Direttorat tar-Restawr huma żewġ entitajiet differenti, u għalhekk il-periti kif ukoll il-ħaddiema l-oħra kollha huma rregolati mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew Ftehim Kollettiv tal-entitajiet rispettivi. Madanakollu f’dawn l-aħħar tliet snin il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet kibret ħafna u fil-fatt għadd ta’ proġetti qed isiru bi sħab. Insemmi wieħed biss: il-Proġett ta’ Riabilitazzjoni tal-Palazz tal-Granmastru, ko-finanzjat minn fondi strutturali tal-UE.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex Heritage Malta għandha tliet sistemi differenti għall-biljetti (sistema għall-biljetti u l-membership magħrufa bħala JTICKET, sistema għall-bejgħ mill-ħanut magħruf bħala SHIREBURN u sistema għall-bejgħ tal-biljetti tal-Ipoġew - li bħalissa huwa magħluq) għall-mużewijiet u għas-siti tagħha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-htigijet tas-sistemi tal-biljetti (JTICKET) u tal-bejgħ tal-prodotti (SHIREBURN) għandhom ħtiġijiet tekniċi speċfiċi u differenti minn xulxin, u għalhekk jeħtieġ li jkunu separati. Is-sistema tal-Ipoġew kienet teżisti qabel it-tnejn l-oħra msemmija u għadha taqdi dmirha tajjeb.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' sistema/i Heritage Malta tuża fir-rigward tal- Collections Management?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa Heritage Malta tuża għadd ta’ sistemi sabiex taqdi l-funzjoni ta’ collection management. Dawn huma MUSES (sistema żviluppata mill-aġenzija bħala riżultat ta’ proġett tal-UE), STERNA (l-istess bħal qabel), u sistemi oħra skond il-kollezzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħha. Bħalissa għaddej proċess ta’ preparazzjoni sabiex eventwalment dawn is-sistemi jkunu jistgħu jingħaqdu f’sistema waħda.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta minn skala ta' Senior Executive 'l fuq għandu permess biex ma jużax il-palm reader? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-e-mails li jinkludu l-approvazzjoni tas-CEO sabiex dawn il-ħaddiema jkunu eżentati milli jirreġistraw l-attendenza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ebda impjegat ma għandu permess li ma jużax il-palm reader salv is- CEO. Dawk kollha li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jużawh iridu jiġġustifikaw għaliex mas-superjuri tagħhom.
Heritage Malta – Forti Sant’Anġlu – servizz ta’ electric car
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fit-8 ta' Settembru li għadda, Heritage Malta ma fetħitx il-Forti Sant’Anġlu b'xejn għall-pubbliku iżda żammet €2 lil kull persuna li attendiet għall-open day? Jista’ jgħid jekk kienx hemm is-servizz tal-electric car għall-individwi bi bżonnijiet speċjali li kien diffiċli għalihom jitilgħu fil-Forti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-għadd kbir ta’ open days mingħajr ħlas li torganizza Heritage Malta matul is-sena iridu jiġu mwieżna b’oħrajn fejn il-pubbliku jintalab iħallas prezz minimu sabiex dawn ikunu parzjalment sostenibbli u jkunu jistgħu jibqgħu jsiru. Rigward l-electric car, din intużat fil-ftit okkażjonijiet li ntalab is-servizz tagħha.
Għawdex – bini ta’ yacht marina u cruise liner terminal — konsorzju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġi magħżul il-konsorzju li se jibni l-Yacht Marina u l-Cruise Liner Terminal f’Għawdex? Meta hu mistenni li jibda dan ix-xogħol u meta hu mistenni li dan il-proġett jibda jilqa’ fih l-ewwel yacht u l-ewwel Cruise Liner? Jikkonferma li dan il-proċess għadu quddiem il-Privitisation Unit fejn kien f'Jannar li għadda meta huwa kien wieġeb il-mistoqsija parlamentari 22471?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 27715.
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm intefqu fondi mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perjodu 2007-2013 fi proġetti u inizjattivi f’Għawdex? Jista' jelenka liema kienu dawn il-proġetti u inizjattivi f'Għawdex u kemm intefaq fuq kull waħda minnhom minn fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra meta l-proċess ta' verfikazzjoni tal-ispiża ta' proġetti implimentati f'dawn il-programmi ikun iffinaliżżat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm entitajiet applikaw bħala entità ta’ ADR (Alternative Dispute Resolution) skont l-A.L. 378.18 tal-Liġijiet ta’ Malta? Kemm minnhom ġew aċċettati u f’liema setturi joffru s-servizzi tagħhom?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li entita' waħda applikat bħala entità ta’ ADR (Alternative Dispute Resolution) skont l-A.L. 378.18 tal-Liġijiet ta’ Malta. Din l-entita' toffri servizzi ta' medjazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx każijiet quddiem l-Uffiċċju tal-Ombudsman li ilhom pendenti għal aktar minn sena? Jekk hemm, kemm hu n-numru, dwar xiex jittrattaw u x’inhi r-raġuni għalfejn ilhom pendenti għal aktar minn sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Ombudsman ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi.
MCCAA – Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – multi amministrattivi
Question
Tista' l-Ministru tgħid f’kemm-il każ id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-MCCAA impona multi amministrattivi minħabba allegat ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-Kap. 379 tal-Liġijiet ta’ Malta mill-2011 s’issa sena b’sena? F’kull każ kemm kienet il-multa imposta u jekk din fil-fatt tħallsitx jew le?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fis-sena 2015, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) impona multa ta’ €1,000 fuq intrapriza fis-settur tal-edukazzjoni li xekklet l-investigazzjoni tal-Uffiċċju billi damet ma pprovdiet l-informazzjoni mitluba filwaqt li multa ta’ €2,000 ġiet imposta fuq intrapriża oħra fis-settur tal-ikel li naqset li tinnotifika konċentrazzjoni skont regolament 5 tar-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet. L-intrappriżi konċernati ħallsu l-multi imposti.
Jista’ l-Ministru jgħid, kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, kemm tul ta' ġranet u kemm kienet in-nefqa għal kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar minn Marzu 2013 sal-lum? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – PR u media events
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru u aġenziji governattivi fil-perjodu Ottubru 2013 sal-lum, xahar b’xahar? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant minn Ottubru 2013 sal-lum, inkluż l-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea, hi kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, liema tabella tinkludi wkoll l-informazzjoni għall-perjodu Marzu - Settembru 2013. Dawn huma kontijiet imħallsa diġà.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – PR u media events
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru u agenziji governattivi mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija inkorporata fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27994.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – karozzi uffiċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru għall-karozzi uffiċjali? Jekk qed jinkrew kemm hi l-kirja fis-sena? Jekk inxtraw kemm inxtraw? Ħarġu offerti għall-kiri jew xiri u minn fejn qed jinkrew jew inxtraw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vettura li jien nagħmel użu minnha kienet inxtrat mingħand Michael Debono LTD għall-prezz ta’ €33,802,00. Il-vettura nxrat skont il-Guidelines MF6/2013 u kienet ġiet approvata mill-Financial Policy and Management Division, Ministeru għall-Finanzi.
Il-karozza li tintuża mis-Segretarju Parlamentari kienet inkriet wara li ħarġu l-offerti (quotes) għall-prezz ta’ €10,585 (VAT inkluża) fis-sena. Il-kumpanija hi South Lease.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – mobile telephone mħallas mill-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li hemm seba’ (7) persuni fis-Segretarjat tal-Ministru u tlieta (3) fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari li għandhom il-mobile imħallas mill-Gvern.
In-nefqa globali mill-2013 sal-lum tammonta għall-€53,197.69.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni mill-Università ta' Malta li gradwaw fl-aħħar sena akkademika? Kemm kien in-numru ta' gradwati minn kull lokalità ta' Malta u Għawdex, separatament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tkun tista' tingħata fit-tmiem taċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni ta’ din is-sena, jiġifieri wara s-7 ta’ Diċembru 2016. Bħalissa għadhom qed joħorġu r-riżultati u għalhekk l-għadd ta’ gradwati għadu provviżorju.