Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise – proġetti ta’ investiment barrani approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proġetti ta’ investiment barrani ġew approvati mill-Malta Enterprise mis-sena 2014 sad-data li fiha li tkun imwieġba din l-mistoqsija? Kemm se jkun il-valur tal-investiment? Kemm se jkunu qed jimpjegaw nies?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 sa issa, il-Korporazzjoni approvat 66 proġett b'investiment barrani. Hu previst li l-investiment minn dawn il-proġetti ilaħħaq 112 miljun ewro filwaqt li jinħolqu mhux inqas minn 2,100 impjieg ġdid.

Kumpaniji b’investiment minn barra li kabbru l-operat f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kumpaniji b'investiment minn barra li kabbru l-operat tagħhom f'Malta minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu 38 il-kumpanija b'investiment barrani li kabbru l-operat tagħhom min Malta fil-perjodu bejn Marzu 2013 sa issa.

Inċidenti fi kmamar tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fi kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex mis-sena 1980 sal-lum, sena b’sena b’mod separat? Jistà jgħid kemm mietu persuni f’dawn l-inċidenti sena b’sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li in numru ta’ inċidenti li seħħew fi kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex mis-sena 1980 sal-lum, sena b’sena b’mod separat huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt u kien jammonta għall-tmienja u tmenin każ. It-tabella tinkludi wkoll in-numru ta’ persuni li mietu persuni jew korrew fl-istess inċidenti sena b’sena. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 7864 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 438 nhar it-Ġimgħa, 28 ta' Ottubru 2016)

Persuni li għerqu fl-ibħra Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati li għerqu persuni fl-ibħra Maltin mis-sena 2006 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista' jgħid in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2006 sal-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena, kien hemm disgħin persuna li ġew irrapurtati li għerqu fl-ibħra Maltin. Dettalji ta’ dawn l-inċidenti separatament sena b’sena jidhru f’tabella A li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din it-tabella tinkludi in-nazzjonalità, is-sess u l-etajiet tagħhom. Tabella B li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra turi lista ta’ ħamsa u għoxrin (25) iġsma li nstabu fil-baħar u li l-identita tagħhom mhux magħrufa. Dawn setgħu għerqu barra mill-ibħra Maltin u narru lejn gżiritna. Barra min dan, hemm nieqsa tlett (3) persuni li ġew rrapurtati u li susspettati li għerqu wara zewġ inċidenti tal-baħar separati, matul il-perjodu msemmi u mhux misjuba. Dawn jidru f’tabella Ċ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li mietu f’aċċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tilfet ħajjitha minħabba aċċident tat-traffiku mis-sena 2001 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija sena b’sena b’mod separat? Jista' jgħid in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Drink Driving – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq drink driving matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, f’Malta u f’Għawdex b’mod separat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n -numru ta’ persuni li ttellgħu l-qorti fuq drink driving fil-perjodu Jannar sa Awwissu 2016 f’Malta u Għawdex, kien ta’ mija tmienja u erbgħin persuna.

Traffikar u pussess ta’ droga – persuni li tressqu l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti b’mod separat fuq traffikar u pussess ta’ droga, matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Jannar sal-aħħar ta’ Awwissu 2016 kien hemm sebgħa u tmenin (87) persuna li tressqet quddiem il-Qorti minħabba pussess ta’ droga. Ħafna każi għadhom sub judice u fil-każijiet fejn ingħatat is-sentenza, il-persuni konċernati weħħlu ħabs, multi, probation, sentenzi sospiżi jew ġew liberati skond il-provedimenti tal-artiklu 22 tal-Kap 446. Kien hemm ukoll ħames mija u tnejn u erbgħin (542) każ ta’ persuni li tressqu quddiem it-Tribunal tal-Gustizzja minħabba pussess ta’ droga. Hemm każijiet li huma sub judice, pero fil-każijiet deċiżi, il-persuni kkonċernati weħħlu ‘penali’. Fl-istess perjodu kien hemm disgħin (90) persuna li tressqet jew ser titressaq il-qorti fuq traffikar ta’ droga. Fejn il-każijiet ġew deċiżi is-sentenzi mogħtija kienu jinkludu priġunerija, liberati bis-saħħa tal-artiklu 22 tal-Kap 446, multi u sentenzi sospizi.

Qbid ta’ droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga fl-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsja? X'tip ta’ droga kienet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2016 kien hemm dawn iil-qabdiet ta’ Droga: Drug type Quantity Cocaine 18051.9354g Heroin 178.328g Cannabis Resin 104250.604g Cannabis Grass 6361.331g Ecstasy 1463 Cannabis joints 59 Crack Cocaine 7.538g Legal highs 108.377g Cannabis plants 84 MDMA Powder 443.927g LSD 2 Ketamine 8.515g Tramadol 36,050,000

Ħal Luqa – Toroq suġġeriti mill-Kunsill Lokali biex jiġu asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ġew issuġġeriti jew mitluba mill-Kunsill Lokali Ħal Luqa sabiex jiġu asfaltati minn Transport Malta fl-aħħar sena s’issa?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Każijiet ta’ vjolenza domestika psikoloġika

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika psikoloġika li ġew investigati u kemm persuni tressqu l-Qorti fis-sena 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2015 kien hemm ħames mija u erba’ u ħamsin (554) każ ta’ vjolenza domestika psikoloġika li ġew irrapurtati u investigati mill-pulizija. Fil-kazijiet kollha fejn irri¿ulta ksur tal-liġijiet relatati, il-persuni responsabbli dejjem jitressqu l-Qorti. Ma tinżamx sistema ta’ data elettronika ta’ kemm minn dawn il-każijiet, tressqu diġa.

Jobsplus – nefqa fil-pustaġġ u t-telekomunikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn kien hemm żieda fil-pustaġġ u t-telekomunikazzjoni fin-nefqa mill-korporazzjoni ETC illum Jobsplus bejn is-sena 2014 u s-sena 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żieda fin-nefqa hija attribwita għall-eżerċizzju ta’ tindif ta’ data li qed tagħmel Jobsplus. Eżerċizzju ta’ dan it-tip ilu snin ma jsir u għaldaqstant huwa meħtieġ sabiex tinħareġ data korretta. Infurmat li proċess bħal dan jirrekjedi spejjeż konsiderevoli.

Pensjonanti li kellhom dħul inqas minn €500 fix-xahar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti li d-dħul tagħhom kien ta’ inqas minn €500 fix-xahar, sal-aħħar ta’ Ġunju 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, b’żieda ma’ dak li tajt bħala risposta għal tweġiba parlamentari numru 27391, in-numru ta’ pensjonanti li d-dħul tagħhom mill-pensjoni jew pensjonijiet imma eskluż kull dħul ieħor, kien ta’ inqas minn €500, din id-darba iżda inkluż ukoll il-pensjoni mhux kontributorja u pensjoni mhux kontributorja (Pensjoni tas-Servizz), huwa kif ġej: Tip ta' Pensjoni Numru ta' Pensjonanti Pensjoni Kontributorja 9,162 Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz) 7,194* Pensjoni Mhux Kontributorja 7,354 Pensjoni Mhux Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz) 30* Total 23,740 * Ibba¿at fuq il-Pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali biss Huwa importanti li tali statistika ma tiġix interpretata strettament f’termini taċ-ċifri mogħtija. Il-persuni msemmija fuq jista’ jkun li għandhom benefiċċji oħra bħall-Ghajnuna Supplimentari, Benefiċċju tal-Enerġija, Għajnuna Medika u l-Karta r-Ro¿a li mhux ikkalkulati fid-dħul għall-fini tal-istatistika mitluba. Fil-każ tas-7,194 persuna kkwotati fuq, li għandhom pensjoni tas-servizz, aktarx li dawn, meta tgħodd iż-żewġ pensjonijiet tagħhom, jaqbżu sew il­-€500 fix-xahar. L-istatistika pprovduta tinkludi ukoll każijiet fejn koppja miżżewġa, bejniethom ikollhom aktar minn €500 fix-xahar, iżda statistikament ikunu qegħdin jidhru bħala żewġ persuni individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €500 fix-xahar. Iċ-ċifri mogħtija jinkludu wkoll nisa (jew ukoll irġiel f’xi każi) fejn żwieġhom (jew marthom) għandhom pensjoni li hi ogħla minn €500 fix-xahar u allura anke f’dawn il-każijiet, bejniethom ikollhom ħafna aktar minn €500 fix-xahar, iżda statistikament wieħed jew waħda mill-koppja ikunu qed jidhru bħala persuna individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €500 fix-xahar.

Jobsplus – call centre expenses

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn fis-sena 2015 il-korporazzjoni ETC, illum Jobsplus, nefqet is-somma ta’ €93,181 f’Call Centre expenses? Jista’ jinforma jekk saritx sejħa pubblika għal dan il-kuntratt?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt tal-call centre ġie outsourced. Dan il-kuntratt ingħata b’direct order.

EU Disposal of PPE — Jobsplus

Question

Mir-rapport annwali tal-ETC, illum Jobsplus, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jagħti spjegazzjoni li jħoss neċessarju dwar dak li ġie indikat bħala loss (gain) tal-EU Disposal of PPE li fis-sena 2015 intefqu €119,581 mentri fl-2014 kien hemm dħul ta’ €4,161?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont imsemmi huwa dwar disposal tal-infiq li sar fuq infrastruttura ta’ binjiet li Jobsplus kienet għamlet iżda li m’għadhomx jintużaw u li ma ġewx diprezzati kollha.

EU Projects related expenditure

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn tul is-sena 2015 intefqu inqas flus f’EU Projects related expenditure?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kuntrarju għal dak li qiegħed jingħad fil-mistoqsija, in-nefqa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol matul is-sena 2015 kienet fil-fatt l-iktar waħda għolja fejn jikkonċerna proġetti taħt il-Programm Operattiv numru 2 (ESF) - €25,393,825.00, filwaqt li kienet it-tieni l-ogħla taħt il-Programm Operattiv numru 1 (ERDF) - €28,878,452.33. In-nefqa totali mill-2007 sal-2015 għall-ESF kienet ta’ €96,969,943.70 waqt li tal-ERDF kienet ta’ €127,090,089.69 b’total ta’ €224,060,033.39. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ spreadsheets, waħda tal-ESF u l-oħra tal-ERDF, li jagħtu dettalji tal-infiq li sar bejn l-2007 u l-2015, b’żieda sinjifikanti fl-infiq matul l-aħħar tliet snin.

Awtorità dwar l-Ambjent – Deċiżjonijiet tal-ippjanar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell sar jew ġie ppreżentat mill-Awtorità dwar l-Ambjent minn deċiżjonijiet ta' ippjanar minn kemm ilha mwaqqfa din l-Awtorità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li minn kemm ilha mwaqqfa din l-Awtorità sa l-10 ta’ Ottubru 2016, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fetħet każ wieħed ta’ Appell minn deċiżjonijiet ta' ppjanar.

Awtorità dwar l-Ambjent – uffiċjali tal-infurzar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-infurzar għandha l-Awtorità dwar l-Ambjent fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant illi sal-10 ta’ Ottubru 2016 hawn 8 uffiċċjali li qed jaħdmu fuq compliance u nfurzar mal-Awtorità dwar l-Ambjent (ERA). Huwa ppjanat ukoll li jiżdied in-numbru ta’ dawn l-uffiċjali.