Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – screens u projectors fil-Mużew tal-Gwerra

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ta' spiss qed ikun hemm ħsara f'numru ta' screens u projectors ġewwa l-Mużew tal-Gwerra? Jista’ jgħid jekk Heritage Malta għandhiex pjan ta' kontinġenza jekk xi wieħed minn dawn l-apparat jieqaf jaħdem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li huwa normali li jkun hemm ħsarat f’apparat teknoloġiku f’mużew li jagħmel ċerta emfasi fuq prezentazzjonijiet awdjovizivi. Ghaldaqstant Heritage Malta xtrat numru ta’ bozoz u partijiet ohra li ma ghandhomx hajja twila sabiex tkun tista’ tintervjeni malajr kemm jista’ jkun f’kaz ta’ hsarat bhal dawn.

Heritage Malta – expression of interest għal-Senior Clerk

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħarġet Expression of Interest għall-Senior Clerk (Gozo Area) fost is-Settur Pubbliku meta hemm Għawdxin li diġà huma mpjegati ma' Heritage Malta meta għandhom l-istess nomenklatura u li wrew ix-xewqa li jitilgħu jaħdmu Għawdex? Se jikkunsidraw lil dawn l-impjegati għal din il-post, bħalma preċedentement ġiet kunsidrata l-post ta' Executive Stores & Administration fix-xhur li għaddew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din is-sejha ilha li giet irtirata u li se tigi wzata l-procedura stabbilita skond il-PSMC.

Heritage Malta – Bighi — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset overtime Heritage Malta lill-impjegati li jaħdmu ġewwa Bighi sena b'sena mill-2010 sal-2015? Jista’ jgħid liema sezzjonijiet tal-ħaddiema f'Bighi ħadmu u qed jaħdmu overtime b'mod regolari u x'ġustifikazzjoni hemm għal dan l-overtime?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoggi l-informazzjoni mitluba fuq il-mejda tal-kamra, maqsuma bejn haddiema tal-IPSL u impjegati ta’ Heritage Malta. Ninsab infurmat li b’mod generali l-overtime isir b’mod regolari mill-haddiema kollha, izda l-maggoranza assoluta tas-sighat jinhadmu mill-haddiema tal-maintenance minhabba l-ammont kbir ta’ wirjiet u progetti li kellha Heritage Malta f’dawn l-ahhar ftit snin, u minhabba li hafna mix-xoghol isir internament mill-haddiema taghha stess. Fost dawn nistghu insemmu: Wirja dwar Mattia Preti – 2013 Wirja dwar l-istorja ta’ Malta f’mitt oggett – 2014 Wirja dwar l-istorja tal-Inkwizizzjoni – 2014 Wirja dwar l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir – 2015 Wirja dwar l-450 anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta – 2016 Inawgurazzjoni tal-progetti tal-Ggantija (2013), tal-Katakombi ta’ San Pawl (2015), Tat-Tempji ta’ Hal Tarxien (2015), ta’ Forti Sant’ Anglu (2015), Forti Sant’Iermu (2015), il-Katakombi ta’ Bistra (2016), il-Mithna ta’ Kola (2016).

Trasport Malta – leak ta’ culvert – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament minħabba li għandu problema ma' Transport Malta fuq leak ta' culvert?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #27969 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Somma tal-Air Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament minħabba li għandu problema fuq is-somma tal-Airmalta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba tal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, ġiet mistħarrġa u ttieħdet deċiżjoni. L-individwu ġie mgħarraf permezz ta’ ittra li ntbgħatet personalment lilu, qabel saret din il-Mistoqsija Parlamentari.
Leg 12 PQ #27970 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ARMS – installment plan – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament minħabba li għandha problema fuq l-installment plan mal-ARMS?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Arms Ltd li l-persuna msemmija ġiet ikkuntatjata u l-każ huwa solvut.

Awtorità tad-Djar – appartamenti/residenzi allokati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien, kull sena, u f'kull lokalità, in-numru ta' appartamenti/residenzi li ġew allokati mill-Awtorità tad-Djar, bejn l-2013 u llum? F'liema lokalità ġew allokati, f'numru għal kull lokalità? Kemm minn dawn l-appartamenti li ġew allokati huma tal-gvern, u kemm tal-privat? Kemm minn dawk l-appartamenti li huma tal-gvern, fil-fatt inbnew wara Marzu 2013? Fejn jinsabu tali appartamenti li nbnew wara Marzu 2013, lokalità lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ir-risposta għall-ewwel żewġ mistoqsijiet, diġa ngħatat f’mistoqsija parlamentari numru 27770. Mit-total ta’ 505 appartamenti/residenzi, 308 kienu taħt Skema Kiri, waqt li 197 huma proprjeta’ tal-Gvern/Awtorita’ tad-Djar.

Università ta’ Malta – studenti li qed jistudjaw fil-livell ta’ PhD

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qed jistudjaw fil-livell ta' PhD, fl-Università ta' Malta, preżentement? F'liema oqsma ta' studju qed jistudjaw? X'inċentivi qed jingħataw biex l-ikbar numru ta' persuni possibbli jkomplu jistudjaw f'dan il-livell?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 28015.

Għalliema — inċentivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru hux qed jinċentiva, b'xi mod li persuni li diġà qed jaħdmu bħala għalliema, biex ikomplu jistudjaw ħalli jkunu f'pożizzjoni li jtejbu l-livell tat-taħriġ tagħhom, kif ukoll li jkunu jistgħu jwessgħu l-oqsma ta' studju li huma jkunu qed jgħallmu, fil-każi fejn hemm għalliema mill-iskejjel sekondarji, u kif qed jingħataw taħriġ iktar wiesgħa l-għalliema tal-iskejjel primarji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fost l-inċentivi li l-Ministeru qed joffri sabiex għalliema li diġà qed jaħdmu jkunu jistgħu jingħataw l-opportunità li jtejbu l-livell ta’ taħriġ tagħhom, ta’ min ifakkar li fis sena 2015 ġiet imħabbra l-skema ta’ Sabbatical għal gradi Edukattivi. Ta’ min jgħid li din l-iskema qed titwettaq kif ukoll ġiet estiża biex minbarra l-ħaddiema fil-gradi edukattivi tal-Gvern (ċjoè fis-servizz pubbliku) ikunu jistgħu jibbenefikaw minnha wkoll il-ħaddiema fil-gradi edukattivi li jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti. Din l-iskema tagħmilha aktar possibbli biex uffiċjali fi gradi edukattivi, fosthom l-Għalliema li jinvestu fl-iżvilupp professjonali u akkademiku tagħhom, ikunu jistgħu jiddedikaw ħin għat-taħriġ bl-anqas impatt possibbli fuq it-tagħlim fil-klassi. Biex jagħmlu dan l-uffiċjali jkunu jistgħu japplikaw taħt skema B għal leave biex ikunu assenti mid-doveri normali tagħhom għal perjodu qasir ta’ ftit jiem jew taħt skema A għal perjodu aktar fit-tul sa mhux aktar minn sena akkademika. Fil-każ tal-iskema A, toħrog sejħa għal applikazzjonijiet darba fis-sena għas-sena skolastika li jkun imiss. L-applikanti eliġibbli jintgħażlu skont proċess ta’ għażla. Mill-iskema kategorija A bbenefikaw sa issa tnejn u għoxrin uffiċjal fil-gradi Edukattivi fosthom 15-il Għalliem bi spiża totali li tlaħħaq ‘il fuq minn €800,000 fi ħlasijiet ta’ salarji tal-benefiċjarji u sostituti. Minn kemm ilha titħaddem l-iskema sebgħa u erbgħin 47 uffiċjal fi gradi edukattivi bbenefikaw minn leave qasir dwar studju taħt l-iskema B. It-tagħrif dwar din l-iskema jinsab fil-websajt tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Opportunitajiet mid-Dipartiment tal-Kurrikulu Bħalma jsir f’Lulju u f’Settembru ta’ kull sena, dan l-aħħar inżammu l-Inservice Courses mogħtija mid-Dipartiment tal-Immaniġġjar tal-Kurrikulu. L-għalliema tal-primarja u tas-suġġetti kollha tas-sekondarja kellhom l-opportunità li jsaħħu l-ħiliet u t-tagħrif tagħhom meta attendew għal xi wieħed mill-ħafna korsijiet li jinżammu f’dawk ix-xhur. Imma barra minn hekk fix-xhur li għaddew l-għalliema tal-Ingliż u dawk tad-Disinn u t-Teknoloġija kienu offruti l-opportunità li jattendu għal korsijiet speċjalizzati. Fil-fatt l-għalliema tal-primarja dan l-aħħar ingħatatilhom l-opportunità li jieħdu sehem fil-Cambridge English Course (Ceritificate in English Language Teaching - Primary, CELT-P). Dan hu kors ta’ blended learning li jingħata f’total ta’ 120 siegħa u hu miftuħ għal għalliema li ġejjin kemm mis-settur tal-istat kif ukoll dawk mhux statali. Il-kors jinkludi taħriġ mogħti minn nies speċjalizzati fejn jiġu żviluppati l-erba’ ħiliet tal-lingwa u l-użu tal-lingwa fil-primarja. Temi oħra f’dan il-kors jinkludu wkoll tagħrif fuq riżorsi għat-tagħlim fil-klassi tal-primarja, kif timmaniġġja l-klassi tal-primarja, u l-assessjar tat-tagħlim tal-lingwa fil-kuntest tal-primarja. Taħriġ simili qed jingħata wkoll lill-għalliema tal-iskejjel sekondarji. Dan il-kors, CELT-S ħa jingħata tul is-sena skolastika 2016/2017. Dan il-kors jinkludi kontenut li jkun segwit onlajn u l-għalliema jkollhom iċ-ċans li jipprattikaw fil-klassi dak il-materjal li jagħmlu fil-kors filwaqt li xorta jsegwu l-kurrikulu bbażat fuq il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Għalliema li jsegwu dawn il-korsijiet ser ikun akkreditati mill-Cambridge English wara li diġà segwew żewġ partijiet ta’ dan il-kors aktar kmieni din is-sena. F’Ġunju tal-2016 ingħata kors ieħor mill-Cambridge English għal għalliema tal-Ingliż. Dan il-kors kellu l-għan li jkompli jibni fuq tagħrif ta’ kif isir l-assessjar tal-istudenti u kif jista’ jkun żviluppat assessjar li jkollu impatt pożittiv fuq it-tagħlim. Dan il-kors saħaq fuq aspetti differenti tal-assessjar bħalma huma l-assessjar ta’ ħiliet reċettivi (il-qari u s-smigħ) u l-ħiliet produttivi (il-kitba u d-diskors). Barra minn hekk l-għalliema tal-Ingliż attendew kors Inservice msejjaħ Differentiation in the Secondary English Classroom li nżamm f’Lulju u f’Settembru ta’ din is-sena. Fix-xhur li għaddew gradi differenti ta’ edukaturi, fosthom għalliema, kapijiet ta’ dipartimenti, uffiċjali edukattivi u kapijiet jew assistenti kapijiet tal-iskejjel, ingħataw taħriġ li kien jinkludi attendenza u parteċipazzjoni f’seminars, workshops u webinars. It-temi trattati kienu jinkludu it-tagħlim ibbażat fuq il-logħob, Edukazzjoni għal Żvilupp Sostenibbli u pedagoġiji tat-tagħlim tal-Matematika u suġġetti oħra. F’suġġetti bħalma huma d-Disinn u Teknoloġija sar taħriġ speċjalizzat għall-għalliema permezz ta’ Sessjonijiet ta’ Sapport bil-għan li jkun hemm upskilling tal-ħiliet fl-użu ta’ magni u apparat li jintuża fit-tagħlim ta’ dan is-suġġett. Għalliema tal-ICT ser jingħataw il-possibiltà ta’ taħriġ bi preparazzjoni għall-introduzzjoni tas-sillabu l-ġdid tal-ICT. L-uffiċjali edukattivi responsabbli mill-primarja ħa jingħataw taħriġ fl-użu tat-tablets ħalli hekk ikunu jistgħu jagħtu s-sapport tagħhom lill-għalliema tar-Raba’ Sena tal-primarja li l-istudenti tagħhom qorbu biex jingħatalhom it-tablet. Bl-istess mod ġew imħarrġa l-edukaturi kollha li ser ikollhom x’jaqsmu mal-inizjattiva tal-One Tablet Per Child. Taħriġ għall-Għalliema li jixtiequ jgħallmu suġġetti vokazzjonali Għal dawn l-aħħar sentejn, id-Dipartiment tal-Kurrikulu, flimkien mal-Istitut għall-Edukazzjoni, organizza kors ta’ taħriġ għall-għalliema li wrew interess li jgħallmu xi wieħed mill-ħames suġġetti vokazzjonali ġodda fil-livell ordinarju tal-Bord tal-MATSEC. Il-kors joffri taħriġ fuq id-dokument uffiċjali fuq is-suġġetti vokazzjonali maħruġ mill-Bord tal-MATSEC, fil-kontenut tal-sillabu tas-suġġetti vokazzjonali, fil-kitba tal-programmi ta’ tagħlim, fil-mod applikat ta’ kif għandhom jiġu mgħallma dawn is-suġġetti, fil-proċedura innovattiva ta’ assessjar, u fuq il-mili ta’ dokumenti uffiċjali tal-MATSEC fuq il-proċess tat-tagħlim u tal-assessjar. Dan il-kors ta’ taħriġ huwa mifrux fuq 70 siegħa kif ġej: · Fl-ewwel sena: taħriġ ta’ 40 siegħa fuq l-ewwel Unit ( Form 3 ) · Fit-tieni sena: taħriġ ta’ 15-il siegħa fuq it-tieni Unit ( Form 4 ) · Fit-tielet sena: taħriġ ta’ 15-il siegħa fuq it-tielet Unit ( Form 5 ) Bi ftehim mal-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, dan il-kors huwa offrut ukoll lill-istudenti tal-Fakultà li waslu fl-aħħar sena tal-kors tal-B.Ed jew li qegħdin jagħmlu l-PGCE. Matul is-sena skolastika 2014-15 ġew ittrenjati 106 għalliem u 60 student universitarju f’Unit 1 tas-suġġetti vokazzjonali. Matul is-sena skolastika 2015-16 dawn ġew ittrenjati wkoll f’UNIT 2. It-taħriġ f’UNIT 1 reġa’ sar għal 75 għalliem u 17-il student universitarju ieħor li wrew l-interess jgħallmu xi wieħed mill-ħames suġġetti vokazzjonali. Opportunitajiet mill-Institute for Education L-Istitut għall-Edukazzjoni nieda l-Adaptation course li hu kors ta’ Post Graduate Certificate for Teaching and Learning in the Primary Sector f’Livell ta’ MQF 7 għall-għalliema gradwati fit-tagħlim f’suġġett mgħallem fis-sekondarja biex ikunu jistgħu japplikaw għal pożizzjoni regolari fil-Primarja skont l-MOU tal-2009 bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol u l-MUT. L-Istitut għall-Edukazzjoni nieda wkoll l-Introductory course li hu kors f’Livell ta’ MQF 6 għall-għalliema li mhumiex iggradwati fit-tagħlim. Dan ukoll sar skont l-MOU tal-2009 bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol u l-MUT. L-Istitut ħoloq ukoll korsijiet qosra u akkreditati bħala taħriġ kontinwu biex ikun jista’ joffrihom lid-diversi edukaturi skont il-ħtiġijiet li jkollhom fil-professjoni tagħhom. Dettalji dwarhom jistgħu jinkisbu minn www.instituteforeducation.gov.mt .
Leg 12 PQ #28086 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

Glucose Sticks għad-dijabetiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa ntitolat għall-glucose sticks għal dawk li jbatu mid-dijabete? Jekk huma ntitolati, jista’ jgħid kemm huma ntitolati sticks kull xahar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bil-miżuri mħabbra fil-budget li ġie ppreżentat dan ix-xahar, pazjenti b’type 1 diabetes ser jibbenefikaw minn 4 sticks kuljum minn din is-sena, waqt illi mis-sena d-dieħla l-pazjenti kollha li huma fuq l-insulina, inklużi dawk tat-type 2 ser jibbenefikaw minn 4 sticks kuljum.

Problemi fil-bieb ta’ barra ta’ flat – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn fil-flat hemm xi problemi fil-bieb ta’ barra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar għamlet kuntatt mas-Sinjur li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament fejn ġie spjegat lilu l-proċedura u aktar dettalji dwar il-każ tiegħu personali.

Pensjoni — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward reviżjoni tal-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali bagħat informazzjoni bil-miktub lis-Sinjur li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, bl-informazzjoni neċessarja.
Leg 12 PQ #28092 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Problema ta' dawl u ilma — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Prim Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament rigward problema tad-dawl u l-ilma?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Arms Ltd. li l-persuna msemmija ġiet ikkuntatjata u l-każ qed jiġi mistħarreġ.
Leg 12 PQ #26956 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – kilometri ta’ toroq asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra bl-ammont ta’ kilometri ta’ toroq li ġew asfaltati f’Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jipparaguna dawn il-kilometri mal-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ kilometri ta’ toroq li ġew asfaltati minn Marzu 2013 sal-lum kienet ta’ kważi 21 kilometri. Dan huwa numru konsiderevoli ta’ kilometri asfaltati meta paragunati mal-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista. L-spiża f’dawn l-aħħar tlett snin kienet ta’ kważi €9 miljuni. Mentri fl-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista kienu intefqu biss madwar €7 miljuni.
Leg 12 PQ #26957 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għajnsielem – Elderly Home – andament tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar l-andament tax-xogħol fis-sit fejn qed tinbena l-Elderly Home f’Għajnsielem, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li wara li tlesta x-xogħol tat-twaqqiegħ u taħmil f’Dar San Ġużepp ingħata bidu għax-xogħol ta' bini fl-istess sit. Ix-xogħol f’dan is-sit miexi b’ritmu tajjeb ħafna u sa issa tlesta x-xogħol fuq il-parkeġġ taħt l-art, restaurant u faċilitajiet anċillari kif ukoll nbeda x-xogħol ta' bini fuq l-ewwel sular li jinkludi kmamar għar-residenti u reception area.
Leg 12 PQ #26958 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għajnsielem – pjazza prinċipali — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed isir fil-pjazza prinċipali t’Għajnsielem?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-pjazza prinċipali t’Għajnsielem kien jinkludi diversi xogħlijiet estensivi, fosthom it-tiswija ta’ ħsarat ikkawżati minn l-għeruq tas-siġar. Ingħata l-konkos fil-post u nbnew ħitan tal-ġebel bħala lqugħ għall-għeruq tal-Ficus Nitida. Tħawlu siġar ġodda fil-ġnien tal-parroċċa u ġew ukoll rilokati erba’ (4) siġriet, reġgħu ġew mibnija mill-ġdid il-pedamenti tal-pjazza biex jingħata l-konkos, u nbena ġibjun ta’ tletin (30) metru kubu biex jilqa’ l-ilma tax-xita mill-bejt tal-knisja parrokkjali. Inbnew ukoll rampi u turġien għal aktar aċċessibbiltà u ġie allokat spazju fejn jistgħu jieqfu l-vetturi ( lay-by ). Il-proġett ħaseb ukoll għal trinek għas-servizzi, bħal irrigazzjoni, dawl u tiżjin tal-festa.
Leg 12 PQ #26959 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xagħra – pjazza prinċipali — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed isir fil-pjazza prinċipali tax-Xagħra, ċjoè Misraħ il-Vittorja u 8th September Avenue?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li sar xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq 8 ta' Settembru u tisbiħ estensiv ta' pjazza Vittorja. Dan ix-xogħol kien jinkludi bdil ta' mejns, xogħol gdid ta' pavimentar, tqegħid ta' porfido u asfalt kulur t-terrakotta. Ix-xogħol tlesta fl-intier tiegħu.
Leg 12 PQ #26960 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – Pjazza San Franġisk — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed jitwettaq minn dan il-Gvern fi Pjazza San Franġisk, Victoria, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-proġett tat-taraġ ta' pjazza San Franġisk tlestew il-piles u bħalissa l-proġett qiegħed fil-fażi ta’ kostruzzjoni tal-pjan terran liema livell ser jinkorpora Tourist information office, kif ukoll aċċess għal lift li ser jopera bejn Triq Salvatore Psaila u Pjazza San Franġisk.
Leg 12 PQ #26961 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – Toroq – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar ix-xogħol infrastrutturali li sar jew qiegħed isir f’diversi toroq tal-Belt Victoria, partikolarment fit-toroq Gedrin, Dawwara, Għajn Qatet, Vajringa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej xogħol estensiv ta' asfaltar u bini mill-ġdid ta' toroq prinċipali ġewwa r-Rabat. Uħud minn dawn it-toroq huma Triq Vajrinġa, Triq Għajn Qatet, Triq Għedrin, Triq Sant Ursola u Triq it-Tomba. Dawn it-toroq kienu jinsabu fi stat ħażin ħafna.

Ambaxxaturi tal-qari — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma tal-ambaxxaturi tal-qari? Kemm kien hemm sessjonijiet minn meta bdiet din l-inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan ewlieni tal-Programm ‘L-Ambaxxaturi tal-Qari’ immexxi mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu huwa li jkompli jrawwem in-namra għall-qari fost it-tfal, u dan bis-sehem ta’ personalitajiet magħrufa lokali li qed jagħtu spinta lill-qari permezz ta’ attivitajiet ta’ qari għall-gost u diskussjoni fi skejjel u postijiet differenti. Mill-bidu tal-programm sal-aħħar ta’ Awwissu tal-2016 saru 67 attività tal-qari għall-gost mill-Ambaxxaturi tal-Qari f’226 klassi, li fihom ipparteċipaw 5,390 student/a. Waqt dawn l-attivitajiet tqassmu wkoll 780 ktieb fil-libreriji tal-klassijiet.