Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jinfetaħ il-bini l-ġdid tal-ITS fi Smart City? Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jew il-Ministeru għat-Turiżmu qed jikkonsidra li jkollu xi post ieħor temporarju bħala ITS kemm-il darba l-bini preżenti jitbattal u dak fi Smart City ma jkunx għadu lest?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xoghol fuq il-campus il-ġdid ġewwa Smart City huwa mistenni illi jibda minnufih hekk kif jinħargu l-permessi mill-awtoritajiet kompetenti.
Sa meta jitlesta l-
campus
il-ġdid, l-ITS se tibqa topera minn ġewwa l-
campus
eżistenti. Għaldaqstant, m’hemmx ħtieġa illi jiġu kkunsidrati postijiet oħra temporanji.
Jista' l-Ministru jindika jekk u meta hemm il-ħsieb li ssir Triq Pawlu Mallia l-Gudja u tinfetaħ għall-pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta’ tal-iffurmar tat-triq hija tal-iżviluppaturi jew residenti. Ġaladarba t-triq tiġi ffurmata skont il-Liġi, Transport Malta tkun tista’ tesegwixxi xogħlijiet ta’ asfalt skond il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess ta’ akwist.
Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex isir il-qtugħ ta' ħaxix fi Triq il-Buskett, eżattament meta taqbeż ir-razzett ta' Xkejjer Ħaż-Żebbuġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ li l-qtugħ ta’ ħaxix taż-żoni mhux urbani jsir regolarment mill-ħaddiema tal-community work scheme, skont il-ħtieġa. Skont il-Kunsill Lokali l-akbar problema fl-inħawi hija r-rimi bl-addoċċ ta’ skart u l-ħruq tal-istess skart. Il-Kunsill Lokali qed jipprova jinstalla cameras apposta biex dan l-abbuż jinqata’.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tfal li attendew mill-ftuħ tal-Iskola Ġużè Ellul Mercer u qagħdu għall-eżamijiet tas-SEC? Jekk iva, kemm kien hemm? Għal liema eżamijiet qagħdu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li studenti fil-programm edukattiv GEM 16+ resqu għall-eżamijiet tas-SEC kemm f’Mejju 2016 kif ukoll f’Settembru 2016.
B’kollox kien hemm sittin (60) li qagħdu għas-sessjoni ta’ Mejju u tlieta u għoxrin (23) għal dik ta’ Settembru.
L-istudenti resqu għall-eżamijiet fis-suġġetti mgħallma fil-programm edukattiv li huma: il-Malti, l-Ingli, il-Matematika u l-Fiżika. Kien hemm ukoll xi studenti li għamlu eżamijiet f’suġġetti oħra b’mod privat.
Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward il-problema li għandha fuq każ tal-kumpanija li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kif ukoll persuni oħra fl-istess sitwazzjoni jew simili, ser ikunu qed jiġu kkuntattjati fil-mument opportun.
Dipartiment tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku – skemi u proġetti
Question
Jista’ l-Ministru għal Għawdex jelabora dwar skemi u proġetti li ħadem fuqhom id-Dipartiment tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fl-istess Ministeru, minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interppellant li minn Marzu tal-2013 ‘l hawn id-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku ħadem fuq diversi proġetti, inizjattivi u skemi fl-oqsma tat-turizmu, kultura u zvilupp ekonomiku u mexxa ‘ l quddiem l-interessi tal-gzira bħala parti mill-istrateġija ta’ dan il-Gvern biex Għawdex jizviluppa u jgawdi mill-ġid nazzjonali. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, rapport dettaljat dwar inizjattivi meħuda.
Attachments:MISTOQSIJA PARLAMENTARI NRU 26968 - rapport dettaljat.pdf
Jista’ l-Ministru jelabora dwar skemi u proġetti li ħadem fuqhom id-Dipartiment ta’ Eko-Għawdex fl-istess Ministeru minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant illi l-proġetti u inizzjattivi li saru minn Marzu 2013 sal-lum huma skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għawdex – Ix-Xewkija – Xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jelabora dwar xogħol infrastrutturali li sar fix-Xewkija minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum fix-Xewkija saru diversi xogħlijiet li jinkludu:
· Asfaltar ta’ diversi toroq fosthom Triq tal-Ħniena, Triq San Bert, Triq San Zakkarija, Triq Torri Tinghi, Triq Sant’Andrija, Triq tal-Gruwa, parti minn Triq San Leonardu, parti minn Triq il-Mitħna, parti minn Triq Kav. Lorenzo ¯ammit Haber.
· Asfaltar ta’ xi toroq fiż-Żona Industrijali.
· Fi Triq Santa Katerina, ġie restawrat fond li kien abbandunat. Dan inbidel f’uffiċcji u sala tal-wirjiet. Nbniet ukoll pjazzetta li ġiet imżejna b’funtana, pjanti u bankijiet biex b’hekk ħloqna spazju arjuż għar-residenti.
· Twaħħlu fanali ġodda fi Triq Widnet il-Baħar.
· Ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ floodlights madwar ir-Rotunda. Il-floodlights li ntu¿aw huma ferm aktar effiċjenti mill-qodma u jemettu inqas tniġġiż. Il-cables tajbin eżistenti tħallew f’posthom, filwaqt li dawk maħruqin nbidlu.
· Flimkien mal-kunsill lokali ġiet immodernizzata l-
public convenience
li tinsab fi Pjazza San Ġwann Battista. Din ġiet ukoll attrezzata b’lift biex tkun aċċessibli għal kulħadd.
Għawdex – Triq li minn Victoria twassal sas-Sannat — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar ix-xogħol li se jsir fit-triq li minn Victoria twassal għas-Sannat, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin bix-xogħlijiet fi Triq Sannat. Qed jiġu installati mejns ġodda ta' l-ilma second class għat-tisqija, hard shoulders tal-concrete u xogħol ta' asfaltar fi Triq Sannat. Ser jitkompla wkoll x-xogħol fi Triq Ta' Ċenċ. B'hekk t-toroq prinċipali ġewwa Sannat ser ikunu asfaltati mill-ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu trading licences bejn is-sena 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta’ Jannar 2013 sal-1 ta’ Awwissu 2016, is-Sezzjoni Liċenzi tal-Kummerċ ħarġet 6,891 liċenza tal-kummerċ kif ġej:
2013 - 1,965
2014 - 1,786
2015 - 1,779
2016 (sal-1 ta’ Awwissu) - 1,361
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Start up Finance fl-aħħar 3 snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta tnediet l-iskema, ma kien hemm l-ebda intrapriża li bbenefikat mill-Start-up Finance Scheme. Din l-iskema tnediet fi Frar tal-2016.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Micro Invest fl-aħħar 3 snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2014, kien hemm 897 benefiċjarji, b'total f'assistenza li tlaħħaq 5.7 miljun ewro.
Fis-sena 2015, kien hemm 1,193 benefiċjarji, b'total f'assistenza li tlaħħaq 9.2 miljun ewro.
Din is-sena, minn 767 il-applikazzjoni li sa issa ġew ipproċessati fost total ta' 1,323, l-ammont ta' assistenza jlaħħaq 5.1 miljun ewro.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Advisory Services fl-aħħar 3 snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2014 sa l-aħħar ta' Lulju 2016, kien hemm 94 il-beneficjarju li bbenefika minn l-iskema tal-Business Advisory.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' ksur ta’ bon ordni matul l-2016 sad-data li fiha tkun mwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infrurmat li n-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti fuq reati ta’ ksur ta’ bon ordni bejn Jannar u l-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena (2016) kien ta’ sebgħa mija u ħamsa u sittin (765). Dawn kienu jinvolvu ħames mitt (500) raġel li minnhom sitta u sebgħin (76) kienu barranin. Kien hemm ukoll mitejn u ħamsa u sittin (265) mara li sbatax (17) minhom kienu barranin. Numru minn dawn il-każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti, oħrajn kien hemm il-proċedimenti eżawriti u oħrajn kien hemm il-persuni liberati. Madankollu fil-każijiet deċiżi, is-sentenzi l-aktar kienu Reprimand and Admonish (twiddiba), probation jew conditional discharge u multi.
Reati ta’ tlajjar għall-prostituzzjoni – persuni mressqa l-Qorti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' tlajjar għall-prostituzzjoni matul l-2016 sad-data li fiha tkun mwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li tnejn u erbgħin (42) persuna tressqu l-Qorti fuq reati ta' tlajjar għall-prostituzzjoni minn Jannar sal-aħħar ta’ Awwissu 2016. Tnejn kienu rġiel Maltin, filwaqt li disa u tletin (39) kienu nisa li fosthom kien hemm tlieta (3) barranin. Bejniethom dawn inħarġulhom mija u sittax (116) il-taħrika għal dawn ir-reati. Ħafna mill-każijiet in kwistjoni għadhom pendenti (sub-judice) filwaqt li f’każijiet oħrajn kien hemm sentenzi sospiżi u multi, priġunerija u priġunerija u multi. Minn dawk deċiżi kien hemm każ fejn persuna ġiet liberata u żewġ każi preskritti.
Reati ta’ Vjolenza Domestika – persuni mressqa l-Qorti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza domestika matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2016, sa l-aħħar ta’ Awwissu, kien hemm tmien mija u ħamsa u erbgħin (845) persuna li tressqu l-qorti fuq reati ta' vjolenza domestika. Dawn kienu jikkonsisitu f’mitejn u erbgħa u sebgħin (274) mara li minnhom tnax (12) kienu barranin, kif ukoll ħames mija u wieħed u sebghin (571) raġel li ħamsa u sebgħin (75) minhom kienu barranin. Ħafna minn dawn il-każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti pero, is-sentenzi mogħtija fil-każijiet deċiżi kienu jvarjaw minn multi, liberat bil-kundizzjoni, liberat bla ebda kondizzjoni, proċedimenti eżawriti, ċanfira u twiddiba, probation order, ordni ta’ protezzjoni, garanzija, sentenza sospiza u priġunerija. Xi każi ġew irtirati u oħrajn preskritti.