Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #28080 Sitting 446 2016-11-02 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għas-Saħħa

Morning After Pill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ Morning After Pill qed titħalla li tkun importata f'pajjiżna, x'jisimha u min jimmanifatturaha u min għandu liċenzja li jimportaha? Jista’ jippreżenta dokumenti jew data jew informazzjoni xjentifika li fuqha l-Awtorità dwar il-Mediċini wżat biex waslet għad-deċiżjoni tagħha li l-Morning After Pill tkun introdotta f'Malta? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità dwar il-Mediċini hijiex f'pożizzjoni li tgħid b’ċertezza assoluta li l-Morning After Pill introdotta f'pajjiżna hijiex it-tip li għandha xi effett li ma tħallix bajda fertilizzata tkun impjantata fl-utru tal-mara?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kumitat Konsultattiv dwar il-Bijoetika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Bijoetika, x'inhuma l-kwalifiki jew il-karatteristiċi tagħhom li fuqhom ġew magħżula, xi ħlas ta’ kull tip li jirċievu u x'inhu x-xogħol ta' dan il-kumitat?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor, Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lil Ministru kkoncernat.
Leg 12 PQ #28082 Sitting 446 2016-11-02 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għas-Saħħa

Kumitat Konsultattiv dwar il-Bijoetika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Bijoetika, x'inhuma l-kwalifiki jew il-karatteristiċi tagħhom li fuqhom ġew magħżula, xi ħlas ta’ kull tip li jirċievu u x'inhu x-xogħol ta' dan il-kumitat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 8 membri inkluż ic-Chairperson, li jiffurmaw il-kumitat konsultattiv dwar il-bijoetika. Il-membri huma: Prof Pierre Mallia: Chairperson, Fr Mark Sultana, Dr Bernard Caruana, Dr Alberto Vella, Ms Sylvia Spiteri, Ms. Nikita Zammit Alamango, Dr Vincent Moran u Dr Charles Cassar: Segretarju tal-Bord. Dawn il-membri għandhom ħlas ta’ €18.63 għal kull laqgħa ta’ 3 sigħat.

Għajnuna lill-Għaqdiet Sportivi tal-baħar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28030, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iskemi li hemm imsemmija fir-risposta tal-istess mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi hemm numru ta' skemi ta’ assistenza ta' SportMalta li huma aċċessibbli fuq: https://www.sportmalta.org.mt/assistance/sports-organisations u https://www.sportmalta.org.mt/assistance/tax-rebates Infurmat ukoll li skemi oħrajn ta’ assistenza, fosthom il-Capital Expenditure Scheme u l-iSports Tourism Scheme se jkunu mnedija iktar tard din is-sena.
Leg 12 PQ #28128 Sitting 446 2016-11-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem — diskussjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28035, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb parti mill-mistoqsija parlamentari li tirrigwardja l-Awtorità tal-Ippjanar u jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kellux diskussjonijiet mal-Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem dwar id-diffikultajiet li dawn qed jiffaċċjaw biex ikunu jistgħu jkomplu bid-delizzju tagħhom, partikularment minħabba l-lofts li huma għandhom? Jekk iva, meta saru l-laqgħat u x'irriżtulta minn dawn l-istess laqgħat? X'passi ħa l-Ministeru favur dawn id-dilettanti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil-Onor Interpellant li s-Segretarjat Parlamentari tal-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Process Amministrattiv iltaqa ma numru ta’persuni dilettanti tal-ħamiem. Filwaqt illi s-Segretarjat Parlamentari huwa konsapevoli tad-diffikultajiet meta saru diskussjonijiet fuq il-lofts mal-Awtorita tal-Ippjanar irrizulta li stante l-inkonvenjent illi jinħoloq fir-rigward tal-girien dawn huma kkundisdrati “injury to amenity”. Għaldaqstant la huwa permissibbli u lanqas huwa l-lok li jkun hemm regolamenti f’dan ir-rigward f’dan l-stadju.

Direttorat għat-Tindif – ġbir ta’ ħut mejjet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26947 jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar kull ka¿ imsemmi, u jekk kienx hemm każijiet ġodda, fejn instabu l-biċċiet tal-ħut, meta nstabu u x’kien il-ħut li nstab?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Belt Valletta – Sistema ta’ CVA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min imexxi s-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta? X’jisimha l-kumpanija u fejn qed imorru l-flus li persuna jkollu jħallas mal-liċenzja tal-vettura? Jista’ jgħid jekk hemmx eżenzjonijiet ta' kull ġeneru u x'inhuma r-rekwiżiti biex wieħed ikun eżentat milli jħallas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta hija sa mill-2007 mħaddma mill-kumpanija CVA Techonology Ltd, li hija l-operatur imqabbad wara sejħa pubblika għal dan il-għan minn Transport Malta, skont il-provedimenti tar-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni (L.S. 65.31). Il-ħlasijiet dovuti għall-aċċess fiż-żona tas-CVA imorru direttament għand Transport Malta, filwaqt li l-operatur jitħallas miżata ta’ ġestjoni fissa skont il-kuntratt. L-eżenzjonijiet kollha mid-dritt ta’ ħlas għal aċċess fiż-żona tas-CVA, kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom tkun tista’ tingħata eżenzjoni, huma elenkati fir-regolamenti 6, 7, 8 u 9 tar-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni (L.S. 65.31).

Xemxija – siti ta’ importanza storika

Question

Billi fl-inħawi tax-Xemxija hemm numru kbir ta' siti ta’ importanza storika, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta' programm ta' ħarsien qed tieħu Heritage Malta għal dawn l-inħawi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta hija responsabbli biss minn dawk il-muzewijiet u siti li jigu afdati lilha mill-gvern sabiex jigu amministrati minnha. Heritage Malta ma tamministra l-ebda propjeta fix-Xemxija u ghalhekk ma tistax twiegeb ghal din il-mistoqsija.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni, kumpaniji jew partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza fis-sena 2015 u fis-sena 2016 sal-lum mill-Ministeru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu? Jista' jgħid kemm minn dawn saru permezz ta' direct order? Jista' jgħid x'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? Jista' jgħid x'inhu l-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #28151 Sitting 446 2016-11-02 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Trust għal Leave tal-maternità – kontribut finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-kontribut finanzjarju għal Trust għal-Leave tal-Maternità sal-lum?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kontribut għat-Trust għall–Leave tal-Maternità sas-27 ta’ Ottubru 2016 miġbur mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni jammonta €5,576,192.60 .

Kennedy Grove – triq imħarbta – tarmak — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28059, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ġustifikazzjoni li għaliha partijiet oħra tal-istess triq li jaqgħu taħt lokalità oħra fil-fatt ingħataw it-tarmak? Jista’ jgħid ukoll liema xogħol sar f'dawn l-aħħar tliet snin fit-toroq li hemm fl-istess post minn quddiem il-kappella sat-Triq tal-Kosta, inkluż it-toroq mini għall-ilma u bini ta’ ħitan ġodda? Kemm ġie jiswa dan l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru kienu parti ntegrali mill-proġett ta’ Triq il-Kosta. Ix-xogħlijiet saru abbażi ta’ analiżi dettaljata mill-periti tul il-proċess ta’ disinn. Wieħed għalhekk irrid japprezza li l-perimitri tal-proġett ġew ibbażati fuq ir-riżultati mixtieqa tal-proġett.

San Pawl il-Baħar – tappiera fil-ġenb tas-santwarju — tiswijiet

Question

Billi jidher li t-tappiera li hemm fil-ġenb tas-santwarju ta' San Pawl, San Pawl il-Baħar, inqalgħet minn postha nhar il-Ħamis 27 ta' Ottubru 2016, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal għal dan, x’ħin reġgħet tpoġġiet f'postha, u x’passi ttieħdu biex dan ma jirrepetix ruħu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi l-isem eżatt tat-triq li għaliha qiegħed jirreferi.

Skema Interest Rate Subsidies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Interest Rate Subsidies fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema Interest Rate Subsidy, 12-il intrapriza bbenifikaw fl-2014 bl-għajnuna finanzjarja tammonta għal €529,990. Matul is-sena 2015, bbenefikaw 5 impriżi, bl-għajnuna finanzjarja tammonta għal €3,967,399. Mill-bidu ta' din is-sena sa l-aħħar ta' Lulju 2016, żewġ intrapriżi bbenefikaw minn din l-iskema, bl-għajnuna finanzjarja tammonta għal €280,736.

Skema Loan Guarantees

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Loan Guarantees fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema tal-Loan Guarantee, 3 impriżi bbenifikaw fl-2014 u 5 impriżi bbenifikaw fl-2015. Fl-2014 l-għajnuna finanzjarja ammontat għal €447,500 waqt li fl-2015 l-għajnuna finanzjarja ammontat għal €2,764,000. Sa l-aħħar ta' Lulju 2016, ma ġiet approvata l-ebda assistenza matul is-sena 2016.

Skema Micro Guarantee Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Micro Guarantee Scheme fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2014 sa l-aħħar ta' Lulju 2016, għaxar intraprizi bbenefikaw mill-iskema Micro Guarantee.

Skema Research and Development

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Research and Development fl-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2014, ingħata total ta' €79,168 taħt l-iskema R&D Feasibility Study lil-żewġ intrapriżi. Matul l-istess perjodu ingħatat assistenza ta' €166,135 taħt l-iskema R&D 2014-2020 lill-intrapriża waħda.

Knejjes – rapporti ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ serq minn knejjes bejn l-2006 u l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet kienu dawn il-knejjes ? Jista’ jgħid x’kienu l-affarijiet misruqa? Jista’ jgħid jekk kienx hemm nies li tressqu l-Qorti fuq dawn il-każijiet u jekk iva kemm kien in-numru ta’ nies li tressqu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-2006 u sa l-aħħar ta’ Awwissu 2016 kien hemm mitejn u tlieta u sebgħin (273) rapport ta’ serq minn knejjes. Dettalji dwar il-lokalitajiet minn fejn sar dan is-serq, sena b’sena jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Mija u dsatax (119) minnhom kienu propjeta tal-istituzzjoni filwaqt li mija u erbgħa u ħamsin (154) kienu rapporti dwar serq fuq viżitatturi. Dawn jinkludu serq ta’ u minn kaxxi ta’ donazzjonijiet, pitturi, televisions/monitors, apparat relatat ma’ amplifikazzjoni, apparat ta’ Hi-Fi, kompjuters u projectors, strumenti mużikali, ġojjellerija, u oġġetti reliġjuzi bħal pissidi u kurċfissi. Fil-każ ta’ rapporti ta’ serq minn persuni vizitaturi fil-knejjes, dawn kienu jinkludu mobile phones, cameras tar- ritratti, basktijiet/kartieri/portmonijiet li fihom kien hemm dokumenti personali varji, credit/debit cards u ċwievet. Kien hemm tnejn u sittin (62) persuna li tressqu l-Qorti fuq dawn il-każijiet matul l-istess perjodu.

Każijiet ta’ Omiċidji — vittmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ omiċidji fl-2015 u matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ vittmi ? Jista’ jgħid kemm mill-vittmi kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tal-vittmi? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet solvuti u kemm ġew akkużati nies quddiem il-qorti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.