Santa Luċija – Triq il-Peprin u Trejqet Garnaw — resurfacing
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta Transport Malta se tagħmel resurfacing ta' Triq il-Peprin u Trejqet Garnaw f'Santa Luċija, wara d-diversi talbiet magħmula mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq il-Peprin tinsab fuq il-lista ta’ toroq li jridu jingħataw asfalt minn Transport Malta. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għandhom isiru skont il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist. Rigward Trejqet Garnaw, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija – Traffic light junction fi Triq Luqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’għamel Transport Malta dwar id-diversi talbiet magħmula mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija għal traffic light junction fi Triq Luqa, wara li r-residenti qed ibatu mill-għeluq tal-ħruġ għal fuq Xintill Roundabout kull filgħodu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet jinsabu fuq il-programm ta’ xogħlijiet li jridu jitlestew sal-aħħar tas-sena.
Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija – ċentru tal-komunità
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex it-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija għal Ċentru tal-Komunità tkun milqugħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Id-Dipartiment ghall-Gvern Lokali jinsab dispost li jagħti l-għajnuna possibli lill-Kunsill jekk dan japplika għal dan il-proġett taħt il-linji gwida tad-Devoluzzjoni ta’ siti pubbliċi, liema linji gwida ilhom fis-seħħ sa mill-1999.
Billi fil-ġurnali tal-Ħadd 23 ta’ Ottubru 2016 kien hemm referenza għall-pjanti ġodda għall-pjazza ta' Buġibba, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma dawn il-proposti, dwar min għamilhom, kif ukoll jista' jqiegħed kopja tal-istess pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proposti illi qed issir referenza għalihom fil-Mistoqsija Parlamentari jikkonċernaw tisbieħ mistħoqq għal pjazza ta’ Buġibba. Filwaqt li d-disinn tal-pjanti qed isir mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi, il-proposti għadhom fuq livell konċettwali u għalhekk wieħed irid jagħmel aktar xogħol u studji qabel ikollu verżjoni finalizzata. Il-Ministeru jixtieq jinforma lill-Interpellant illi fil-proċess kollu, il-Fondazzjoni qed iżomm lill-Kunsill Lokali rispettiv infurmat. Fil-fatt, diġa saru laqgħat fejn dan is-suġġett ġie diskuss mas-Sindku tal-lokal.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-pulizija, f’kull lokalità tat-Tnax-il distrett elettorali, kull xahar, din is-sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Transport Malta – investigazzjoni dwar il-kwalità tax-xogħol fit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) teħux inizjattivi waħidha, biex tinvestiga l-kwalità ta’ xogħol li jkunu wettqu l-kunsilli lokali, fit-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħhom? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm irċeviet ilmenti, Transport Malta dwar xogħol ħażin fit-toroq, jew nuqqas ta' xogħol, minn individwi, fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li simili għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 26798, 28066 u 28067, id-Direttorat tat-Toroq fi ħdan Transport Malta jispezzjona xogħlijiet tal-entitaijet kollha li jkunu saru bil-permess taħt is-sistema RPS (Road Permit System), matul is-sentejn garanzija u wara li jkun ġie ikkonfermat mill-perit f’isem l-istess entita’ responabbli li tali xogħlijiet ikunu saru ta’ livell ta’ kwalita’ aċċettabli u b’hekk id-Direttorat isegwi jekk jiżviluppawx xi ħsarat matul dan il-perjodu.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tat-Toroq rċieva talba mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fejn dan ta’ l-aħħar talab lil Transport Malta sabiex tispezzjona xogħol ħażin li jidher li sar minn kuntrattur imqabbad mill-istess Kunsill u li fir-rigward tiegħu l-istess Kunsill fetaħ arbitraġġ fil-konfront tal-kuntrattur minħabba l-kwalita tax-xogħol. Din it-talba ma ġietx milqugħa għar-raġunijiet imsemmija fl-ewwel parti ta’ din it-tweġiba u primarjament għaliex ir-rwol tad-Direttorat huwa li jsegwi xogħol lest waqt il-perjodu tal-garanzija u mhux li jidħol f’merti kuntrattwali bejn partijiet waqt l-andament tax-xogħol u/jew qabel ix-xogħol ma jkunx meqjus komplut mill-entita’ li kkumissjonat l-istess xogħol.
Awtorità tad-Djar – Applikazzjonijiet pendenti quddiem il-PA
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm applikazzjonijiet, f'isem l-Awtorità tad-Djar hemm pendenti quddiem il-Planning Authority bħalissa? Kemm-il applikazzjoni ġiet approvata, matul l-aħħar sentejn? Fejn kienu l-applikazzjonijiet approvati, u kemm kien hemm appartamenti f’kull każ? Kemm hemm appartamenti proposti fl-applikazzjonijiet li għadhom pendenti?
Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward benefiċċju soċjali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sinjura ġiet infurmata bl-eżitu tal-każ tagħha waqt diversi rappreżentazzjonijiet fl-uffiċċju distrettwali tal-lokalità tagħha.
Ġlieda fir-residenza tal-ex Prim Ministru Dom Mintoff — investigazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija hux se tieħu passi legali kontra l-ġlieda allegatament b'arma li taqta’ li saret fir-residenza tal-ex Prim Ministru Dom Mintoff u fejn allegatament fil-ġlieda kienu involuti kemm bint l-ex Prim Ministru s-Sinjura Yana Bland Mintoff li hi ex-kandidata tal-Partit Laburista u konsulenta tal-gvern kif ukoll binha? Fid-dawl li persuna barranija li kienet fir-residenza fil-ħin tal-ġlieda u li għadu qed jinżamm fit-taqsima tal-kura intensiva f’qagħda serja, l-pulizija bdiet l-interrogazzjonijiet tagħha u dan il-każ qed jitqies bħala każ ta’ attentat ta’ omiċidju?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet f’dan il-każ qed ikomplu u għadhom mhux konklużi anke fid-dawl li waħda mill-persuni involuti, għadha rikoverata l-Isptar. Malli l-investigazzjonijiet jitlestew u allura ir-riżultati jkunu magħrufa, jittieħdu il-proċeduri kollha kif mitlub mill-liġi.
Barra minn dan, hija ħasra li l-oppożizzjoni tagħti laqta politika fuq każ li huwa ta’ natura privata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għalfejn is-Sibt, 29 t'Ottubru, parti sostanzjali mill-Imsida kienet bla provvista tal-elettriku għal sigħat twal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-Enemalta plc għandha bżonn dettalji aktar speċifiċi tal-inħawi msemmija , bħal ismijiet tat-toroq jew indirizzi, sabiex tkun tista’ tagħti t-tagħrif meħtieġ.
Billi fil-front ta’ Buġibba l-arbli tal-globi qed jinqalbu wieħed wara l-ieħor, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jinbidlu fejn hemm bżonn u jiġu rranġati fejn meħtieġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li grupp ta’ ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li jaħdmu b’mod regolari fuq il-manutenzjoni tal-promenades ta’ Bugibba, il-Qawra u x-Xemxija, regolarment jagħmlu xogħol ta’ tiswija kif ikun meħtieġ fuq l-arbli tad-dawl dekorattivi ta’ dawn il-promenades. Bħalissa fil-fatt hemm numru minn dawn l-arbli, inkluż globi mkissra, li qegħdin fil-workshop biex jissewwew.
San Pawl il-Baħar – Menqa tas-Sajjieda — xogħlijiet
Question
Billi parti mill-Menqa tas-Sajjieda San Pawl il-Baħar inqalgħet bil-maltemp ta’ dawn il-jiem, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fl-iqsar żmien possibbli, u qabel issir iktar ħsara, din l-istess menqa tiġi rranġata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni tal-istrutttura msemmija mill-Perit tal-Marine Section tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u ġie deċiż li x-xogħol ta’ tiswija meħtieġa fuq dan l-ilqugħ tal-baħar ser jiġi nkluż fil-programm ta’ xogħol tal-istess sezzjoni.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li tinsab bla ebda dħul?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamel kuntatt mal-persuna msemmija u nfurmaha xi trid tagħmel biex tapplika għall-benefiċċji soċjali wara li tkellem magħha fuq il-każ tagħha.
Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ – tined fuq l-istages mill-Belt
Question
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex isiru tined fuq l-istages mill-Belt għal-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, qed jiġu ppreparati l-applikazzjonijiet sabiex jiġu sottomessi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar bil-għan li jigu installati Bus Shelter Canopies fiż-żoni B u C tal-Bus Terminus ġewwa il-Belt Valletta. Fost oħrajn, dawn iż-żoni jinkludu l-Bus Bays wżati mir-rotot ta’ Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.
Jista' l-Ministru jinforma x'xogħol qiegħed isir sabiex il-bdiewa jkollhom inċentiv li jaħdmu organic u jekk hemmx xi ħsieb li jsiru inċentivi jew policy f'dan ir-rigward?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru, mill-lat leġislattiv, jieħu ħsieb l-interessi tas-settur organiku lokali waqt it-tfassil ta’liġijiet fl-ambitu ta’ taħditiet li qegħdin iseħħu fil-livell Ewropew u jara li l-liġijiet li jittrattaw dan is-settur jiġu osservati.
Dan isir permezz ta’ kontrolli fis-suq li jikkumplimentaw is-sistema ta' ċertifikazzjoni eżistenti fil-waqt li jara li kull min għandu interess li jidħol f’dan is-settur ikollu punt ta’ riferiment fejn jirrikorri sabiex jikseb kull informazzjoni utli sabiex jopera f dan is-settur.
Dwar inċentivi finanzjarji nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fuq Sqaq tan-Nadur fis-Siġġiewi li pjanta tiegħu qed jingħataw separatament sabiex jitwessa’ u jkun aktar aċċessibbli għan-nies li għandhom l-għelieqi f’dan l-isqaq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fuq Sqaq tan-Nadur fis-Siġġiewi li pjanta tiegħu qed tingħata separatament sabiex jitwessa’ u jkun aktar aċċessibbli għan-nies li għandhom l-għelieqi f’dan l-isqaq?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 28186.