Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni parti mill-1718 – tindif f’inħawi privati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-persuni li huma parti mill-1718, fil-fatt jintbagħtux inaddfu proprjetajiet li huma fil-privat? Jekk iva, liema inħawi fil-privat ġew imnaddfa matul dawn l-aħħar ġimgħat? X’tindif sar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-prassi li jsir tindif f’żoni ta’ sidien privati. Qed isiru arranġamenti mal-Awtorita’ tal-Ippjanar sabiex ikun hemm delega lid-Direttorat għat-Tindif fejn ikun jista’ jsir infurzar fuq żoni li s-sidien tagħhom huwa l-privat. Rigward tindif fil-privat, preżentament, id-Direttorat għat-Tindif jagħmel pressjoni sabiex jiġi identifikat is-sid, u jagħmel dak kollu possibli sabiex isir it-tindif mis-sid stess.
Leg 12 PQ #28398 Sitting 449 2016-11-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Paceville – pjan strateġiku ta’ investiment

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari W528, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta nħarġet is-sejħa ta' espressjoni ta' interess, li hi ndikata fir-risposta? Kemm u min kienu dawk li rrispondew għal din is-sejħa? X’kienu l-kriterji li waslu għall-għażla ta’ dan il-grupp partikulari? Kemm kienet it-talba ta' ħlas li saret minn dawk li wrew interess? Kemm tħallsu s’issa dawk li ntgħażlu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-espressjoni ta’ interess ħarġet fl-1 ta’ Marzu 2016 u ġew ikkuntattjati tmien kumpaniji ta’ konsulenti Brittaniċi u żewġ kumpaniji Spanjoli. Sa l-aħħar ta’ Marzu 2016 kienu rrispondew żewġ kumpaniji għal din is-sejħa li huma IBI Group u Mott MacDonald. Fl-4 ta’ April 2016 reġgħu ntbagħtu reminders lill-kumpaniji l-oħra pero xorta waħda ma ssottomettewx proposta. Fil-11 ta’ April 2016 intbagħtu t-Terms of Reference lil dawn iż-żewġ kumpaniji u fis-27 ta’ April 2016 Mott Macdonald tefgħu l-offerta tagħhom. Din l-offerta ġiet evalwata fuq il-kriterji hawn taht u li wasslu għall-għażla ta’ dan il-grupp fis-6 ta’ Mejju 2016. Does the proposal demonstrate a good degree of understanding of the required tasks? Does the proposal fall within the scope of the Terms of Reference? Does the proposal present a realistic set of assumptions affecting execution of the contract? Does the proposal indicate how each task will be managed? Is the proposed approach acceptable? Are the proposed delivery time lines acceptable? Does the proposal clearly identify suitably qualified participants for the required tasks and the roles to be undertaken? Does the proposal require unacceptable additional technical support by the Authority? It-talba ta’ ħlas li saret minn Mott Macdonald kienet ta’ GBP 242,000 (teskludi l-VAT) u li s’issa Mott Macdonald tħallsu GBP 197,511.70. Minn naħa l-oħra l-IBI Group qatt ma ppreżentaw proposta għal dan ix-xoghol u għalhekk l-espressjoni ta’ interess tagħhom ma ġietx ikkunsidrata.

San Pawl il-Baħar – Il-Menqa – Ħajt mwaqqa’

Question

Peress li minħabba l-maltempata tal-jiem li għaddew il-ħajt tal-Menqa f'San Pawl il-Baħar spiċċa mwaqqa’, u minkejja mistoqsija parlamentari preċedenti u r-risposta għaliha, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbena mill-ġdid l-istess ħajt, u dan qabel ma' sseħħ iktar ħsara fl-istess bini?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kont diġa’ nfurmajtu, l-infrastruttura portwali ma taqax taħt r-responsabbilta’ ta’ dan il-Ministeru. Għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Appoġġ – medja ta’ każijiet soċjali lil kull ħaddiem soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema soċjali mpjegati mal-Appoġġ? Kemm hija l-medja ta’ każijiet li jkollu f’idejh kull ħaddiem soċjali? Kemm huma frekwenti l-kuntatti li dawn il-ħaddiema jkollhom mal-klijenti tagħhom? Bħala ħaddiema li jiffaċċjaw stress mentali u emozzjonali, għandhom aċċess għal appoġġ psikoloġiku huma wkoll?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, bħalissa, l-Aġenzija Appoġġ timpjega 313 –il ħaddiem li minnhom 194 huma ħaddiema soċjali. Il-medja ta’ każijiet li jkollu f’idejh kull ħaddiem soċjali hija ta’ madwar 30 każ. Il-kuntatt mal-kljienti ivarja min każ għall-ieħor, b’każijiet fejn il-kuntatt ikun ta’ kuljum, għal oħrajn fejn il-kuntatt mal-klijent jkun madwar darba f’ġimgħa waqt li oħrajn ikunu jesiġu kuntatt inqas frekwenti. Il-ħaddiema soċjali jiffaċjaw każijiet serji u, għaldaqstant, l-istress mentali u emozzjonali huwa dejjem preżenti. Sabiex l-Aġenzija Appoġġ tassigura l-wellbeing tal-ħaddiema soċjali, l-Aġenzija tagħmel ċert li kull ħaddiem soċjali jirċievi supervizjoni regolari, jattendi support groups, kif ukoll jara li jkollu aċċess għal għajnuna psikoloġika jekk ikun hemm l-bżonn.

Każijiet rrappurtati relatati ma’ pornografija tat-tfal jew abbuż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu rrappurtati każijiet relatati ma’ pornografija jew abbuż tat-tfal permezz taċ-Childweb Alert fi ħdan l-FSWS minn meta dan il-proġett twaqqaf, sena b’sena? Kemm minn dawn il-każijiet ittieħdet azzjoni fuqhom? Kemm minnhom kienu seħħew f’Malta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta nbeda s-servizz Childweb Alert kienu rrapurtati numru ta’ każijiet relatati ma’ pornografija u abbuż ta’ tfal, kif muri fl-informazzjoni mogħtija hawn isfel: · Fl-2011 – daħlu b’total ta’ 145 rapport. Ittieħdet azzjoni fuq 69 ir-rapport, mill-liema każijiet – 5 kienu dawk il-każijiet fejn kienu involuti tfal Maltin. · Fl-2012 – daħlu b’total ta’ 58 rapport. Ittieħdet azzjoni fuq 27 ir-rapport, mill-liema każijiet – 13 kienu dawk il-każijiet fejn kienu involuti tfal Maltin. · Fl-2013 – daħlu b’total ta’ 160 rapport. Ittieħdet azzjoni fuq 147 ir-rapport, mill-liema każijiet – 15 kienu dawk il-każijiet fejn kienu involuti tfal Maltin. · Fl-2014 – daħlu b’total ta’ 168 rapport. Ittieħdet azzjoni fuq 115 ir-rapport, mill-liema każijiet – 46 kienu dawk il-każijiet fejn kienu involuti tfal Maltin. · Fl-2015 – daħlu b’total ta’ 204 rapport. Ittieħdet azzjoni fuq 117 ir-rapport, mill-liema każijiet – 41 kienu dawk il-każijiet fejn kienu involuti tfal Maltin. · Fl-2016 – daħlu b’total ta’ 207 rapport. Ittieħdet azzjoni fuq 74 ir-rapport, mill-liema każijiet – 40 kienu dawk il-każijiet fejn kienu involuti tfal Maltin.

Qorti – sentenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqatgħu sentenzi mill-Qorti ta’ Malta u Għawdex, sena b’sena, bejn l-2010 u l-2015? Kemm mis-sentenzi mogħtija kienu mill-Qorti Ċivili (eskluż is-sezzjoni tal-familja), mis-Sezzjoni tal-Familja, mill-Qorti Kriminali kif ukoll mill-Qorti tal-Appell?

Response (BONNICI, OWEN)

Kawzi terminati mil- Qorti Civili Malta bejn 2010 u 2015 huwa kif muri fit- Tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Kawzi terminati mil- Qorti Civili ta’ Ghawdex bejn 2010 u 2015 huwa kif muri fit- Tabella B li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Kawzi terminati mil- Qorti Kriminali ta’ Malta u Ghawdex bejn 2010 u 2015 huwa kif muri fit- Tabella C li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

OHSA – rapporti ta’ ħaddiema li qed jaħdmu b’mod perikoluż

Question

Tista' l-Ministru tgħid, mill-bidu tas-sena, kemm waslu rapporti ta’ ħaddiema li jkunu qed jaħdmu b’mod perikoluż għand l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA)? X’azzjoni tieħu l-OHSA meta jsiru dawn ir-rapporti? Fl-istess żmien kemm kien hemm rapporti ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, u kemm minnhom kienu fatali?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mill-bidu ta-sena, l-OHSA rċeviet 301 rapport ta’ ħaddiema li allegatament ikunu qed jaħdmu b’mod perikoluż. Barra minn hekk, l-OHSA rċeviet 653 notifika ta’ korrimenti. Irid jingħad li skont il-liġi, mhux kull korriment hu notifikabbli lill-OHSA. Statistika dwar il-korrimenti kollha tinħareġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika skont informazzjoni miġbura mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – skont l-aħħar statistika ippubblikata mill-NSO, fl-ewwel sitt xhur tas-sena ġew irrappurtati 1420 korriment. Fl-2016, sal-lum seħħew 7 inċidenti fatali.

Rotta tat-trasport pubbliku mill-Marsa Park and Ride għall-MCAST

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra r-rotta tat-trasport pubbliku li titlaq mill-Marsa Park and Ride għall-MCAST mingħajr ma tieqaf fuq il-bus stops , biex tagħti servizz iktar veloċi lill-istudenti minn Ħal Qormi u s-Siġġiewi, fost oħrajn, li jinġabru l-Marsa Park and Ride?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment filwaqt li ser jiġi evalwat għal tibdil possibli hekk kif mitlub.
Leg 12 PQ #28469 Sitting 449 2016-11-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Talba fuq Raba' — Każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28134 u jara li jsir kuntatt mal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatment, li għamel talba dwar raba’ u minkejja li għadda ż-żmien, għadu bla risposta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa, u qed tinġabar l-informazzjoni kollha dwar dan is-sit. L-applikant ser jiġi nfurmat bl-eżitu tat-talba tiegħu kemm il-darba jkun hemm deċiżjoni li dan is-sit jista’ jiġi trasferit.
Leg 12 PQ #28470 Sitting 449 2016-11-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Fgura — Tri Romano Carapecchia - Ġnien tal-Gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28102 u jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward ġnien tal-Gvern abbandunat ġewwa l-Fgura fi Triq Romano Carapecchia li jixtieq li jibda jieħu ħsiebu hu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba tal-persuna li d-dettalji ntbagħtu separatament qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa u l-applikant ser jiġi nfurmat bl-eżitu tat-talba tiegħu appena jkun hemm deċiżjoni.
Leg 12 PQ #28471 Sitting 449 2016-11-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Prodotti manifatturati Għawdex — esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-esportazzjoni ta' prodotti manifatturati Għawdex kull sena, mill-1 ta' Jannar sal-aħħar ta' Ottubru, għas-snin 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 12 PQ #28472 Sitting 449 2016-11-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Vitalis Healthcare Group – due diligence

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28063, fejn ikkonferma li saret due diligence fuq l-ultimate beneficial owners ta’ Vitalis Global Healthcare Limited, jista’ l-Ministru jgħid: 1. kemm hu n-numru ta’ individwi li għandhom 2% tal-ishma jew aktar; u 2. jiżvela l-identità ta' kull ultimate beneficial owner u jekk il-Ministru ma jridx jagħmel dan, huwa mitlub jgħid il-perċentwali tal-ishma li għandu kull ultimate beneficial owner?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sur Mark Edward Pawley waħdu huwa l-ultimate beneficial owner ta’ Vitals Global Healthcare Limited.

Work benefit – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hi single mother u taħdem bħala carer full-time u l-aħħar li ħadet il-work benefit kien minn Novembru 2014 sa Jannar 2015 u ma ħaditux aktar għax bi żball mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) tniżżlet li taħdem bħala part-time meta fil-fatt hi taħdem bħala full-time? Billi issa ilha li ġibdet l-attenzjoni tal-ETC għal aktar minn erba’ ġimgħat u tathom id-dokumenti mitluba u kull darba jgħidulha li l-każ tagħha qed jinħadem, jista’ jara li tieħu dan il-work benefit dovut lilha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa wara li ġiet ikkjarfikata u ġew aġġornati r-records li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ikollu bżonn jirreferi għalihom minn Dipartiment oħra tal-Gvern.

Laqgħat mal-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba, hu jew is-Segretarju Parlamentari ltaqgħu mal-President tal-Kumitat tar-Reġjuni f’din l-leġislatura? Jekk iltaqgħu, meta saru dawn il-laqgħat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-laqgħat? Jista’ jgħid ukoll jekk saru xi laqgħat, kenux infurmati bihom il-ħames membri Maltin li jiffurmaw parti mid-delegazzjoni Maltija tal-Kumitat tar-Reġjuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra

Settur tal-Kunsilli Lokali- konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-Konsulenti tiegħu u tas-Segretarju Parlamentari rigward is-settur tal-Kunsilli Lokali? X’inhu x-xogħol ta’ kull konsulent, kemm jitħallas u x’perkaċċi għandu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-konsulenti? Jistgħu jagħmlu xogħol privat, dawn il-konsulenti sakemm qegħdin f’din il-kariga?

Response (BONNICI, OWEN)

Jien m’ghandix konsulenti dwar is-settur tal-Kunsilli Lokali. Ninsab informat li l-Onor. Segretarju Parlamentari ma jutilizzax is-servizzi ta’ konsulenti rigward is-settur tal-Kunsilli Lokali. Niehu l-opportunita’ li nirringrazzja lid-Direttorat ghall-Gvern Lokali u lid-Direttur Generali Natalino Attard tal-hidma taghhom favur il-Kunsilli Lokali f’pajjizna.

Ċitazzjonijiet mogħtija mill-Gwardjani Lokali – tqassim ta’ flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-formula li biha qed jitqassmu l-flus li jinġabru miċ-ċitazzjonijiet mogħtija mill-Gwardjani Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra

LESA – kuntratti — Gwardjani Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema kuntratti qed taħdem il-Local Enforcement System Agency (LESA) biex tkun tista’ tqabbad il-Gwardjani Lokali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-kuntratti? Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat kull kuntratt, minn min, meta jiskadi u kemm jiswa’ kull kuntratt?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra

Allokazzjoni fil-Budget għall-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-allokazzjoni fil-baġit għall-Kunsilli Lokali għas-sena d-dieħla żdieditx minħabba li mhux ser isiru elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali s-sena d-dieħla jew hux ser tkun żieda ta’ kull sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Nikkonferma li parti miz-zieda fl- allokazzjoni fil–bagit ghall- kunsilli lokali hi rizultat li kif kien gie mwieghed, il- flus iffrankati ghall- fatt li ma jsirux elezzjonijiet jghaddu favur il- kunsilli lokali.

Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL)? Kemm suppost hu l-complement tal-ħaddiema? Hemm ħaddiema jaħdmu mal-AKL li huma mislufa mid-Dipartiment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) għandha tlett impjegati: Segretarju Eżekuttiv u żewġ impjegati fi gradi klerikali. L-Artiklu 28 tar-Regolamenti dwar l-Assoċjazzjoni ta’ Awtoritajiet ta’ Gvern Lokali (Leġislazzjoni Sussidjarja 363.06) li jistipula dan għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta. L-AKL hi mwaqqfa b’dawn ir-regolamenti, li joħorġu mill-Att dwar il-Kunsilli Lokali, tista’ timpjega Segretarju Eżekuttiv u sa massimu ta’ żewġ ħaddiema oħra kif tħoss li jkun neċessarju wara konsultazzjoni mar-Reġistratur, li għall-finijiet tal-istess regolamenti huwa d-Direttur għall-Gvern Lokali. Is-Segretarju Eżekuttiv jitħallas mill-AKL filwaqt li ż-żewġ ħaddiema l-oħrajn jitħallsu mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.

MCAST — Ġlieda - passi

Question

B’referenza għall-evidenza li ħarġet f’dan il-filmat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista' l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu jew se jittieħdu mill-MCAST sabiex jistabilixxi dak li wassal għal dan l-aġir inaċċettabbli f’istituzzjoni edukattiva ewlenija f’pajjiżna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-awtoritajiet tal-MCAST ħadu azzjoni mill-ewwel sabiex jidentifikaw l-istudenti u jittieħdu passi dixxiplinarji mill-ewwel. L-istudenti ġew sospiżi immedjatament mill-MCAST sakemm jitilgħu quddiem Bord tad-Dixxiplina li għandu jsir fil-ġranet li ġejjin biex jistabbilixxi dak li wassal għal dan l-aġir inaċċettabli. Huwa ta’ dispjaċir kbir għall-MCAST li aġir bħal dan jista' jtappan l-isem tal-eluf ta’ studenti tal-MCAST li jistudjaw b’mod responsabbli u rispettuż. L-MCAST hija kommessa li l-istudenti kollha tal-MCAST jistudjaw f’ambjent sikur u ta’ rispett reċiproku.