Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #28736 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjonijiet pendenti fi stadju ta' vetting

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni hemm pendenti fi stadju ta' vetting quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li għandha quddiema tmien mija u tlieta u ħamsin (853) applikazzjoni sabiex jiġu ‘ivvetjati’ għal-ewwel darba (inital vetting).

Djar fil-Komunità għall-Persuni b’Diżabilità

Question

B'referenza għad-Diskors tal-Bagit għas-sena 2017, fejn intqal li nfetħu djar fil-komunità għall-persuni b'diżabilità fis-Siġġiewi, Victoria u ż-Żurrieq, u anke li se jinfetħu għaxra oħra, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-djar diġà miftuħa tas-Siġġiewi, iż-Żurrieq u Victoria, separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa: - fid-Dar tas-Siġġiewi għandna erba’ klijenti; - ġewwa d-Dar Residenzjani taż-Żurrieq, millum 21 ta’ Novembru ser jidħlu żewġ residenti; - rigward id-Dar Residenzjali ġewwa r-Rabat Għawdex, għaddejjin bi tranżizzjoni ta’ żewġ klijenti. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi in vista tal-istandards il-ġodda, il-proċess ta' tranżizzjoni għad-djar fil-komunita' jinvolvi xogħol fejn qed ikun assigurat li r-residenti prospettivi ikunu sejrin f’ambjent li huwa kompatibbli mal-bżonnijiet u n-neċessitajiet tagħhom. Barra minn hekk qegħdin naraw li jkun imfassal programm individwali kif ukoll programmi oħra komuni għar-residenti kollha. Qegħdin nagħmlu fiċ-ċert ukoll li d-distakk minn mal-familja u mill-ambjent li jkunu mdorrijin jgħixu fih isir b’mod gradwali. Il-proċess ta’ tranżizzjoni qed isir minn tim multi dixxiplinarju.

Università – għoti ta’ katavri għar-riċerka

Question

B'referenza għall-ġest nobbli li għamel is-saċerdot minn Sannat Għawdex li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, meta wara l-mewt tiegħu li ġrat f'Lulju 2016, ħalla ġismu lill-Università ta' Malta biex jintuża għar-riċerka, jista' l-Minisiru jgħid jekk fil-gżejjer Maltin qattx kien hemm persuni oħra li wara mewthom għamlu l-istess għotja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, matul is-snin, kien hemm diversi persuni oħra li wara mewthom ħallew ġisimhom lid-Dipartiment ta’ l-Anatomija fl-Università ta' Malta sabiex jintuża għar-riċerka u l-istudju ta’ l-Anatomija. Dawn id-donaturi kienu kollha residenti fil-gżejjer Maltin u kien hemm numru minnhom li kienu ta’ nazzjonalità Maltija, kif ukoll barranin.

Transport Malta – enforcement fuq il-baħar — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati jaħdmu f‘enforcement fuq il-baħar fi ħdan Transport Malta, maqsuma skont kull grad differenti inklużi dawk maniġerjali u non-overtime grades minn Marzu 2013 sal-ġurnata ta' meta saret din il-mistoqsija parlamentari, kull sena separatament? Jista’ jgħid ukoll għal kull sena separatament; a. kemm kienet in-nefqa ta' salarju bażiku għall-impjegati kollha li jaqgħu taħt din is-sezzjoni fis-snin imsemmija separatament; b. kemm kienet in-nefqa ta' allowances (inkluż shift allowance u night shift allowance ) għal-impjegati kollha li jaqgħu taħt din is-sezzjoni fis-snin imsemmija separatament; c. kemm kienet in-nefqa ta' overtime għall-impjegati kollha li jaqgħu taħt dawn is-sezzjonijiet fis-snin imsemmija separatament? Jista’ jagħti din l-informazzjoni fuq l-impjegati fis-sezzjoni ta' infurzar fuq il-baħar b’mod separat? Addizzjonalment, u b’mod separat, jista’ jagħti dettalji dwar jekk kienx hemm impjegati minn sezzjonijiet jew direttorati oħra li għamlu dan it-tip ta' xogħol jew fuq bażi ta' overtime jew fuq xi bażi oħra?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min wieħed iżid li Transport Malta tiġġenera dħul mill-operat tal-enforcement, kemm dak marittimu, kif ukoll dak fuq l-art u relatat ma’ road closures. Dan id-dħul huwa ndikat hawn taħt: Sena Maritime Enforcement Land Enforcement 2013 - €296,657 2014 € 2,960 €214,946 2015 €13,777 €862,404 2016 €17,243 €192,176

Transport Malta – enforcement fuq l-art — ħaddiema

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28586, jista' l-Ministru jirrispondi b’referenza għall-impjegati li jaħdmu fuq enforcement fuq l-art fi ħdan Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 28746.

Transport Malta – sigurtà ġenerali — impjegati

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28588, jista' l-Ministru jirrispondi b’referenza għall-impjegati li jaħdmu fuq sigurtà ġenerali fi ħdan Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 28746.

Torri tal-Għargħur — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28585 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq it-Torri tal-Għargħur, li ilu għal bosta ġimgħat mingħajr dawl u kaġun ta' dan jista' jseħħ xi inċident?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjioni ghadha qed tingabar u ser tinghata f'seduta ohra.

Magħtab — irwejjaħ

Question

Billi l-problema tal-irwejjaħ tal-Magħtab, fl-inħawi tal-madwar u wkoll iktar 'il bogħod għadha tippersisti bil-kbir, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jieħu xi miżuri partikolari biex dawn l-irwejjaħ jiġu kkontrollati sew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nikkonferma li qed jittiehdu miżuri b'żieda mal-miżuri li diġa’ ttieħdu mill-WasteServ, kif diġa’ ntqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, huma żieda fid-daily cover u użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser. Bħalissa l-Awtorità dwar l-Ambjent (ERA) qegħda f’kuntatt mal-varji operaturi li tirregola fl-inħawi tal-Għallis biex tillimita l-impatti negattivi li dawn l-operati jistgħu jkollhom fuq l-inħawi nnifishom. L-ERA ukoll tispezzjona operati li allegatament jistgħu jkollhom impatt fuq l-ambjent, meta dawn jiġu mgħarufa lilha.

siġar taż-żebbuġ fil-proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed jirriżulta li bosta siġar taż-żebbuġ fil-proprjetà tal-gvern qed imutu minħabba l-għatx tas-sena li għaddiet jew minħabba xi raġuni oħra? Jekk iva, x'passi qed jittieħdu dwar dan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu fir-responsabilita tas-sid f’dan il-każ il-Ministeru responsabbli minn talli art li jara li s-siġar ma jmutux bil-għatx. Minn stħarriġ li jwettaq id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti biex jissorvelja l-preżenza ta’ organiżmi ta’ ħsara fit-teritorju Malti, ma riżultax li siġar taż-żebbbuġ li jinsabu fi proprjetà tal-gvern qed imutu kawża ta’ organiżmi ta’ ħsara.

Transport Malta — Coast Road - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta lestietx ix-xogħol li kellha twettaq dwar il-pelican lights fil-Coast Road? Kemm kien hemm ħaddiema ta' Transport Malta li ħadu sehem f'dan ix-xogħol, u meta ħadu sehem fih? Jista' jgħid x'xogħol wettqu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma diġa’ ġie spjegat f’diversi okkażjonijiet u f’bosta tweġibiet fuq l-istess suġġett, il-kuntrattur falla ripetutament milli jonora il-kuntratt. Transport Malta issa qiegħda tikkoordina x-xogħol ma’ kuntratturi oħra. Perit wieħed kien qiegħed jassenja u jsegwi x-xogħol tul l-perjodu kollu (kuntrattur oriġinali u kuntratturi kurrenti).

Rotta 202 — vjaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li r-rotta 202 tagħmel l-aħħar vjaġġ tagħha siegħa itwal jiġifieri titlaq mix-xatt fl-10.15 matul il-weekend?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni fil-futur qrib.
Leg 12 PQ #27080 Sitting 451 2016-11-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Istitut għal Studju Turistiċi – kurrikulu ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna x’effett ħalla fuq l-istudenti l-kurrikulu l-ġdid tal-Istitut għal Studji Turistiċi (ITS) u jekk dan ir-riżultat jistax jiġi kkwantifikat b’xi mod?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern qed jaħdem qatiegħ sabiex inżommu ma’ dak illi wegħdna sabiex l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ikompli jikber professjonalment. Dan qed nagħmluh billi ninvestu b’għaqal f’dan l-Istitut illi għal żmien twil taħt amministrazzjoni preċedenti kien wieqaf u kkonsidrat bħal kull skola sekondorja oħra. Il-management tal-Istitut fassal pjan għal reviżjoni sħiħa tal-programmi akkademiċi, primarjament reviżjoni fil-kontenut u fir-rigward tal-firxa u l-livelli tal-programmi akkademiċi li jiġu offruti. Minn kwestjonarju illi ingħata lill-istudenti li jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi fl-aħħar tas-sena skolastika f’Ġunju 2016, jidher ċar illi dawn huma kuntenti bil-progress kontinwu li qed isir, fejn iktar minn 85 fil-mija tal-istudenti huma tal-opinjoni li sar progress pożittiv. L-istudenti huma kuntenti bil-kontenut tal-kurrikulu li qed jiġi mgħallem u l-materjal mgħoti għall-programmi ta’ studju - inklu\ il-kwalità ta’ dan il-materjal. Ir-rispons dwar l-istil ta’ tagħlim, iċ-ċans li l-istudenti jiġu mgħotija biex jipparteċipaw fil-lezzjonijiet mill-għalliema, kif ukoll ir-riżorsi użati minn l-għalliema huwa wkoll sodisfaċenti. L-Istitut qiegħed jorganizza wkoll Focus Groups ma’ numru ta’ studenti biex ikun jista’ jkompli jsegwi l-progress li l-kurrikulu l-ġdid qiegħed iħalli. Filwaqt illi dawn ir-riżultati tal-kwestjonarju huma ta’ sodisfazzjon kbir, il- management kontinwament jesplora possibilitajiet għal iktar titjib fit-tagħlim vokazzjonali għall-istudenti taI-Istitut biex dejjem intejbu il-ħaddiema li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu. F’konformita’ ma’ din il-viżjoni, nħass ukoll il-bżonn illi l-Istitut, mhux biss jiżviluppa courses ta’ livell għola i#da jara li l-kurrikulu eżistenti jiġi mwessgħa biex setturi illi sal-lum l-ITS ma kinitx tikkejterja għalihom, dawn ser jiġu nklużi. Fosthom agrituriżmu, cruiselining, super yachting, diving u oqsma oħrajn illi qed niġu avviċinati biex noffru mill-industrija. Wara illi s’issa ifukajna fuq l-istudenti full-time u part-time tradizzjonali u saħħaħna l-kurrikulu biex issa qiegħed jilqa’ għall-bżonnijiet tal-industrija aktar min qatt qabel, ser nibdew inħarsu wkoll lejn miuri biex dawk illi diga qegħdin fl-industria u jridu jkabbru l’għarfien tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ prattiċi u inizjattivi nnovattivi illi jikkumplimentaw dak illi qed jagħmlu diġa’ fid-dinja tax-xogħol.
Leg 12 PQ #27081 Sitting 451 2016-11-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Istitut għal Studju Turistiċi – external quality audit

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’qed isir sabiex jirrettifika r-riżultat tal-External Quality Audit illi sar min-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE), fl-2015, dwar l-Istitut għal Studji Turistiċi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sussegwement mir-riżultat tal-External Quality Audit illi sar fl-2015, il-management tal-Istitut għall-Istudji Turistici (ITS) fassal pjan t’azzjoni sabiex jindirizza n-nuqqasijiet elenkati f’dan ir-rapport. Dan il-pjan t’azzjoni ġie diskuss u ppreżentat lill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Għola (NCFHE). F’Lulju tal-2016, ġiet organizzata laqgħa bejn l-NCFHE u l-management tal-ITS fejn ġie spjegat kif dan il-pjan qed jiġi mplimentat. L-NCFHE fasslet rapport dettaljat fejn ġie kkonfermat illi l-ITS miexi fid-direzzjoni t-tajba u skont il-pjanijiet maqbula. Dan ir-rapport huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-NCFHE [http://ncfhe.gov.mt/en/services/Documents/External%20Quality%20Assurance%20Audits/ITS%20Audit%20Followup%20Report%2011_10_2016.pdf] Wieħed mill-għanijiet tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu huwa illi jiffoka, fost oħrajn, fuq il-kwalità tal-prodott turistiku, speċjalment l-aspett tar-riżorsi umani, li huma s-sinsla ta’ din l-industrija. Sabiex nibqgħu kompetittivi f’din l-industrija qed nindirizzaw b’impenn l-iżvilupp fil-qasam tal-impjiegi fit-turiżmu. Apparti li jiġu kkreati aktar opportunitajiet ta’ xogħol fit-turiżmu, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijet tal-ħaddiema, qegħdin inħarsu lejn aspetti bħall-iżvilupp ta’ karrieri, kwalifikazzjonijiet, u l-iżvilupp professjonali fuq il-post tax-xogħol. Dan il-Gvern jirrikonoxxi bis-sħiħ illi l-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu huma parti integrali mis-suċċess li qed nagħmlu minn dan is-settur u fejn il-kwalità tal-kuntatt personali mal-viżitatur tista’ tagħmel id-differenza bejn esperjenza pożittiva u waħda negattiva. Is-suċċessi u r-riżultati illi qed niksbu, jitfgħu aktar responsabbiltà fuq il-Gvern li qed jilleġiżla, fuq il-Ministeru li qed ifassal u jħaddem il-politika, fuq l-impreditur li qed jinvesti u l-ħaddiem li qed jagħti s-servizz, sabiex dan l-ottimiżmu fis-settur turistiku mhux talli jinżamm imma wkoll jikber. L-għarfien waħdu ma jgħinniex nippreparaw ruħna għax-xogħol iebes li huwa meħtieġ sabiex inkomplu niżviluppaw l-industrija tat-turiżmu tagħna fuq sisien aktar sodi. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL7989 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 452, nhar it-Tnejn 21 ta' Novembru 2016)
Leg 12 PQ #27082 Sitting 451 2016-11-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Istitut għal Studju Turistiċi — nuqqasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’qed isir sabiex jiġu ndirizzati l-ħafna nuqqasijiet illi l-Istitut għal Stujdi Turistiċi kellu fl-2002 u fl-2004 illi ġew elenkati fir-rapporti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ta’ dak iż-żmien? X’sar f’dan ir-rigward qabel l-2012 u x’sar wara l-2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sfortunatament, qabel l-2012 ma tantx sar progress sabiex l-istruttura ddiġenerata li sibna fl- Istitut għall-Istudji Turistiċi titjieb. Minn rapport maħruġ mill- Internal Audit and Investigations Department (IAID) , il- management tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi kien imwissi li mhux talli l-affarijiet ma marrux għall-aħjar, talli ġew elenkati numru ta’ nuqqasijiet ta’ checks and balances illi riedu jiġu ndirizzati. Fosthom, nuqqasijiet fir-rigward tal-bejgħ u x-xiri mir-restoranti tal-Istitut, ta’ kif jigi operat l- istores , nuqqas ta’ segregazzjoni tad-dmirijiet u fil-process ta’ x-xiri. Dawn in-nuqqasijiet kollha kienu saħansitra elenkati fir-rapporti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) tal-2002 u l-2004 iżda xorta waħda ma sar xejn. Wara perjodu ta' evalwazzjoni tas-sitwazzjoni li sibna tal-Istitut ghall-Istudji Turistici, ikkaratterizzata minn nuqqas ta' investiment u dgħjufija fl-istrutturi ta' ġestjoni, sar studju dwar l-operat tal-ITS. Ġie ppubblikat pjan strateġiku illi jiġi kontinwament immeljorat. Ħafna nuqqasijiet li kienu identifikati fir-rapporti tal-2002 u l-2004 ġew ratifikati jew qegħdin fil-proċess li jiġu ratifikati. Dan qiegħed isir b’diskussjoni kontinwa bejn il-management tal-ITS, uffiċjali fi ħdan l-NAO u l-IAID, kif ukoll, fir-rigward ta’ xiri, mad-Dipartiment tal-Kuntratti (DOC). Fir-rigward ta’ diskrepanzi fil-bejgħ, dawn id-diskrepanzi ġew eliminati wara li ddaħħlu kontrolli ġodda u ċċekjar mid-dipartiment ta’ l- accounts . Is-sistema tax-xiri ġiet mibdula kompletament u minn sistema illi kellha defiċenzi kbar, illum qegħdin naħdmu b’sistema illi għandha audit trial , b’segregazzjoni ta’ dmirijiet. Dan qiegħed isir fir-rigward tax-xiri kollu, ikel u xorb u materjal ieħor. Waħda mill-iktar rakomandazzjonijiet persistenti fir-rapporti kienet dik li l- purchase orders jiġu maħruġa qabel ma jsir ix-xiri. Il- goods received notes qegħdin jiġu dokumentati. Dawn iż-żewġ passi mill-proċess huma segwiti minn proċessi oħrajn li ssibhom fi kwalinkwa stabbiliment ieħor u skont ir-regoli tax-xiri pubbliku. Fattur importanti ħafna fir-rapporti imsemmija hawn fuq, huwa l-fatt li l- purchase orders kienu qed jiġu ffirmati mill-istess purchasing officers li kienu qegħdin jirċievu l-materjal. Din is-sitwazzjoni ġiet ratifikata u llum il-ġurnata min jordna x-xiri, min jirċievu l-materjal mixtri u min jawtorizza l-pagamenti, huma persuni fi rwoli differenti. Fejn qabel ma kienux jintalbu kwotazzjonijiet mingħand min ibiegħ - fil-fatt ix-xiri kien isir permezz ta’ telefonata, illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-proċess huwa aktar miftuħ. Qed inġibu kwotazzjonijiet mingħand is- suppliers kollha li jixtiequ jbiegħu lill-ITS u beda proċess flimkien mad-DOC biex din l- issue sensittiva tiġi regolarizzata fl-ambitu tal-ligi. Kwistjoni oħra li ġiet indirizzata hija in-numru esagerat ta’ complementary meals li kienu jingħataw fir-ristoranti varji ta’ l-Istitut. Sar sforz mill- marketing department u n-numru ta’ dawn il- complementary meals tnaqqas drastikament biex b’hekk bħalissa il-maggoranza tal-klijenti huma klijenti li jħallsu għas-servizz. Problema oħra li kienet irrappurtata kienet in-nuqqas ta’ konsistenza fl-ingredjenti li jintu¿aw għar-riċetti. Din is-sitwazzjoni ġiet ratifikata billi, bħala parti mill-kurrikulu l-ġdid, ir-riċetti kollha għandhom lista standard ta’ ingredjenti li jridu jintu¿aw. Dawn il-listi jgħaddu għand il- procurement officer u fejn ikun hemm varjanzi tiġi migbudha l-attenzjoni tal- management . Ta’ min isemmi wkoll illi, wara snin twal mingħajr, l-Istitut issa għandu manwal ta’ proċeduri għal-xiri ta’ ikel u xorb Minbarra dan ix-xogħol kollu sabiex titjieb is-sitwazzjoni tal-Istitut, sar ukoll ftehim ma’ kumpanija li tipprovdi sistema ta’ IT illi tintuża wkoll fl-industrija, għal titjib fil-kontrolli f’dan is-settur kif ukoll bħala parti mit-tagħlim tal-istudenti.
Leg 12 PQ #27083 Sitting 451 2016-11-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – studenti li marru placements barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm marru studenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fi placements barra minn Malta din is-sena? Fejn marru? X’kien in-numru meta mqabbel mas-snin mis-sena 2011 ‘il quddiem?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ħarsa lejn l-statistika turi kif bejn l-2011 u l-2015 in-numru ta’ interships aktar milli rdoppja fejn fl-2011 taħt amministrazzjoni preċedenti kienu marru 59 student biss fis-sena filwaqt li fl-2015 bagħtna 143 student. Dan il-Gvern hu kommess ikompli jħeġġeg lill-istudenti sabiex jirrikorru għal dawn l-opportunitajiet ta’ tagħlim barra minn xtutna. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #27084 Sitting 451 2016-11-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar proġetti illi għaddejjin fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi u minn fejn dawn il-proġetti qed jiġu ffinanzjati? Jista' jagħti tagħrif dwar proġetti futuri għaċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi illi qed issir tħejjija għalihom u minn fejn hemm il-pjan illi jiġu ffinanzjati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern hu kommess li jagħti prijorità lit-turist kif ukoll liċ-ċittadin Malti biex wirt storiku, bħal ma’ huwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, jkun restawrat kif jixraqlu u jitgawda mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dar il-Mediterran għall-Konferenzi hija ġawrha mprezzabli għas-settur turistiku, b’mod speċjali fil-qasam tal-konferenzi. Biżżejjed insemmi li s-sena l-oħra ġew madwar 11,000 delegat barrani u li sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, in-numru ta’ delegati barranin li jkunu żaru ċ-Ċentru sabiex jattendu xi konferenzi jew avvenimenti laħħaq għal madwar 7,600 persuna. Tajjeb infakkar ukoll illi l-prestazzjoni finanzjarja tal-entita’ nbidlet minn waħda ta’ telf ta’ €95,000 fl-2013, għal waħda fejn irreġistrajna riżultat pożittiv ta’ profit ta’ madwar €270,000 għas-sena 2015. Dan jirrifletti iktar stabbilita’ u indipendenza mill-finanzjament tal-Gvern. Bħalissa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għaddej ristrutturar kontinwu bil-għan li jittejjeb is-servizz li jingħata lill-klijenti tagħna, sabiex dan iċ-Ċentru jilħaq il-mira ta’ Ċentru ta’ eċċellenza kif ukoll tiġi ppreservata l-binja storika. Fost dawn hemm restawr ta’ strutturi u bini storiċi, ftuħ ta’ spazji li qatt ma kienu aċċessibbli għall-pubbliku, titjib fis-servizzi għal-livelli tal-industrija kif ukoll titjib fl-aċċessibillita’ għal kulħadd. Proġetti 2016 jinkudu Sistema ta’ soundproofing bejn is-Sala La Valette u s-sala Repubblika; Installazzjoni ta’ arja kundizzjonata fis-sala Sacra Infermeria; Ristrutturar ta’ Uffiċċini ġodda għall-ħaddiema; u Installazzjoni ta’ sistema ta’ fire detection teknoloġika ġdida. Għas-sena 2017, il-Gvern ser jaħdem fuq proġett estensiv li ser joffri esperjenza unika għall-viżitaturi sabiex ikunu jisgħu igawdu l-istorja unika taċ-Ċentru tul il-milja taż-żmien. Dan il-proġett ewlieni ser jitwettaq bil-għan li jippreserva l-edifiċju, itejjeb is-servizz u jiġi ġġenerat dħul ġdid għaċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi. Dan il-proġett b’ Holographic Technology u Augmented Reality - Reliving the Sacra Infermeria, għandu jservi għat-tisħiħ tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali storiku. Tajjeb li ngħidu li sforz ix-xogħol ta’ dan il-Gvern, Malta sar tibbenifika minn fond ta’ 5 miljuni mill-EU sabiex inkomplu bil-progress li bdejna. Proġetti oħrajn fil-futur qrib jinkludu Ristrutturar tal-bejt flimkien ma’ installazzjoni ta’ lifts panoramiċi; Ristruttar ta’ sala magħrufa bħala tank room ; Ftuħ ta’ spazju storiku ieħor li jinstab taħt is-sala La Valette; Rinnovar ta’ sala Mikel’Ang Grima mgħammra b’teknologija moderna; Restawr tal-Kappella tas-Sagrament; Restawr tal-ħajt storiku ta’ bejn is-Sala Repubblika u s-Sacra Infermeria bil-mira ta’ preservazzjoni; Xiri ta’ switchgear sabiex jagħmel tajjeb għaż-żieda fid-domanda għall-elettriku li qed tiżdied sforz tad-domanda mill-klijenti taċ-Ċentru. Uħud minn dawn il-proġetti ser jiġu ko-finanzjati mill-UE kif ukoll minn fondi taċ-Ċentru u tal-Gvern Ċentrali.
Leg 12 PQ #27085 Sitting 451 2016-11-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi – sistema ta’ fire detection

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux minnu illi, wara li ċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi ħa n-nar lejn l-aħħar tat-tmeninijiet, ma ġewx installati l-ebda sistema ta’ fire detection minn dakinhar ‘l hawn? X’qed isir sabiex dan in-nuqqas jiġi indirizzat u jiġi evitat illi dan l-episodju jerġa’ jirrepeti ruħu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mit-tmeninijiet sal-lum ġew installati żewġ sistemi. Wara l-ħruq, ġiet installata sistema li tkopri biss is-Sala Repubblika u xi kmamar relatati mat-Teatru. Din is-sistema ġiet skaduta mal-milja ta’ żmien u għaldaqstant dan il-Gvern ħa konjizzjoni tat-tibdil illi jrid isir. Din is-sena ġiet installata sistema ġdida li tkopri ċ-Ċentru kollu u mhux biss is-Sala Repubblika.

Settur tal-Volontarjat – pjanijiet għal għajnuna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu l-pjanijiet sabiex is-settur tal-volontarjat ikun aktar megħjun sabiex ikun infurmat u jutilizza aħjar il-fondi, mhux biss taħt dan il-Ministeru, li huma indirizzati għall-istess settur, u x’għodda se tintuża sabiex dan il-għan jintlaħaq?

Response (DALLI, HELENA)

Għall-ewwel darba ġie imnhedi sit elettroniku minn fejn l-organizzazzjonijiet volontarji ser ikunu mgħarrfa dwar il-fondi disponibbli għalihom mid-diversi entitajiet pubbliċi. Dan is-sit, www.vofunding.org.mt, ser ikollu l-informazzjoni dwar l-oġġettivi tal-fondi partikolari, iż-żmien meta joħorġu l-applikazzjonijiet rispettivi, l-applikazzjonijiet online, jew link diretta skond kif ikun il-każ, kif ukoll ir-riżultati tal-fondi. Aktar tard din is-sena dan is-sit, li huwa b’sistema ‘responsive’ sabiex tkun aċċessibli anka mill-‘mobile phones’, ser tkun marbuta ma’ ‘mobile application’ sabiex dawk interessati jirċievu l-informazzjoni fl-aqsar ħin possibbli. Dan is-sit u l-istruttrura marbuta miegħu, li qed tkun imħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, tkompli tiggarantixxi aċċessibilita’, kontabilita’ u trasparenza ta’ fondi pubbliċi indirizzati għas-settur tal-volontarjat.

Regolamenti Ġenerali tal-Protezzjoni tad-Data — implimentazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tħejjijiet qed isiru għall-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali tal-Protezzjoni tad-Data?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li internazzjonalment il-Ministeru u l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data qegħdin jieħdu sehem f’laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea, ma’ entitatjiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data u kif ukoll qed isiru diversi laqgħat ma’ membri stati oħrajn. Il-Ministeru, bil-kollaborazzjoni tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, qiegħed jinvolvi ruħu f’laqgħat kontinwi ma’ Ministeri differenti biex janalizzaw u jaġġornaw liġijiet ta’ Malta u b’hekk ikunu konformi mal-liġi l-ġdida.

MCCAA – Standards Nazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk l-Istandards Nazzjonali li l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ippubblikat fl-aħħar tliet snin biex tkun żgurata sigurtà lill-pubbliku? Liema huma dawk l-Istandards nazzjonali li l-Awtorità qed tipprepara biex tippubblika fix-xhur li ġejjin? Min qed jipparteċipa fi-iżvilupp ta’ dawn l-Istandards?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.