Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28467 u jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm/jew għad hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA), għall-bini ta' rziezet tar-raħħala, sena b'sena, mill-2013 sal-lum? Liema huma dawn l-applikazzjonijiet, u f'kull każ fejn jinsab il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet preżentement?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28468 u jagħti tagħrif dwar kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (u qabel quddiem il-MEPA), għal residenzi ta' raħħala, sena b'sena mill-2013 sal-lum? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28488, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Projects Malta għandhiex il-ħsieb li tipproponi car parks għall-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, bħalma qed tagħmel għall-inħawi oħra madwar Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Projects Malta li bħalissa m’għandiex il-ħsieb ta’ proġett ta’ din ix-xorta f’San Pawl il-Baħar. Madanakollu l-Kumpanija tibqa’ miftuħa għal ideat li jistgħu jiġu mill-privat biex flimkien mal-Gvern jinvestu fi proġetti simili.
Jista’ l-Ministru jara jekk tistax issir zebra crossing faċċata tal-pompa tal-petrol peress li wara li sar xi xogħol fi Triq Sir Paul Boffa f’Raħal Ġdid hemm problemi biex residenti anzjani f’Triq Kordin u dik l-area, jaqsmu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mhux rakkomondabbli li ssir zebra crossing f’din it-triq għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi ser jittieħdu u f’dan x’inhija l-pożizzjoni preżenti rigward ir-rilokazzjoni ta’ rziezet tal-baqar wara s-sentenza li ġiet mogħtija reċentement mill-Qrati tagħna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellat li s-sitwazzjoni tar-rilokazzjoni tal-irziezet tal-baqar qed tiġi studjata mill-ġdid mar-raħħala konċernati u dan fid-dawl tac-ċirkostanzi li żviluppaw dan l-aħħar wara d-deċiżjonijiet li ġew mogħtija reċentement mill-Qrati ta’ Malta u li fuqhom ma’ kellu l-ebda kontroll is-Segretarjat Parlamentari. Infakkar li d-deċizjoni li r-rilokazzjoni għal San Niklaw tat-12-il razzett konċernat ittieħdet fl-2006, fiż-żmien l-amministrazzjoni preċedenti, meta saret l-applikazzjoni għal Outline Development Permit lill-MEPA.
Dan il-permess finalment ħareġ lejliet l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 u ġie mill-ewwel ikkontestat mill-Kunsill Lokali tas-Siggiewi fost oħrajn.
Ħal Tarxien – biswit Triq San Franġisk – rimi ta’ skart illegali u vetturi
Question
Jista’ s-Segretarju Parlamentari jinforma lill-Kamra għaliex sal-lum għadhom ma ttieħdu l-ebda passi rigward ir-rimi ta’ skart illegali u vetturi li jinsabu fi triq biswit Triq San Franġisk ġewwa Ħal Tarxien?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Minsteru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru tul din is-sena ġewwa Triq Palma, Ħal Tarxien u kemm ġew jiswew? Jirriżultax illi tali roundabout illi saret fil-bidu ta’ din inbnietx b’mod sproporzjonat u li l-kostruzzjoni tagħha qed effettivament jikkontribwixxi sabiex jiżdied l-ammont ta’ traffiku konsiderevolment? Jekk jikkonferma dan, Transport Malta għandha xi pjanijiet sabiex tirremedja għal din is-sitwazzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija kienu jikkonsistu f’upgrade tal-junction inkluż it-toroq tal-madwar. Minħabba li għadu għaddej xi xogħol, ma tistax tingħata informazzjoni dwar kemm swew ix-xogħlijiet f’dan l-istadju. Rigward ir-roundabout il-ġdida, din fil-fatt ġiet iddisinjata abbażi tas-sit u l-perimetri tas-sit in kwistjoni. Huwa fatt ippruvat li l-qies ta’ roundabout jaffettwa l-fluss tat-traffiku, kif ukoll li iżjed ma tkun kbira r-roundabout, iżjed tgħin għall-fluss aħjar tat-traffiku. Mis-surveys li għamlet Transport Malta jirriżulta li r-roundabout qiegħda taħdem kif suppost, li l-konġestjoni naqset u l-fluss tat-traffiku huwa aħjar u iżjed sikur.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27197, jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tagħha u ċjoè li jiġu indikati dettaljatament it-traffic offence tickets maħruġa?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat illi l-figura ta’ seba u sittin elf, mitejn u ħdax (67,211) li ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27197 kienet tinkludi t-traffic offence tickets u ċ-ċitazzjonijiet li nħarrġu matul is-sena 2015. Id-detttalji jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-operat tal-Ministeru
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27198, jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tagħha u ċjoè li jiġi indikat l-eżitu tat-talbiet li saru quddiem l-Ombudsman?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għad fadal żewġ każijiet pendenti. Il-każijiet l-oħra kienu kollha magħluqin.
Taqsima tal-Kura Intensiva — Użu ta’ mediċina skaduta
Question
B’referenza għall-istqarrija li ħareġ il-Gvern nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2016, jista’ l-Ministru jgħid, min awtorizza l-użu ta’ mediċina skaduta fuq pazjent fit-Taqsima tal-Kura Intensiva?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejja inkjesta nterna li sa tistabbilixxi dawn il-fatti.
B’referenza għall-istqarrija li ħareġ il-Gvern nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2016, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ġewx infurmati li l-mediċina skaduta kienet se tiġi amministrata fuq pazjent fl-ITU qabel ma ġiet amministrata u mhux wara, u li allura t-tnejn li huma approvaw li dan isir?
B’referenza għall-istqarrija li ħareġ il-Gvern nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2016, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-każ fejn ġiet amministrata l-mediċina skaduta seħħ nhar is-Sibt 5 ta’ Novembru 2016? Jekk dan huwa minnu għalfejn il-Ministru ħalla ġimgħa tgħaddi qabel ma ħa passi u fetaħ inkjesta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejja inkjesta sabiex tistabilixxi l-fatti kif ġraw, ninformaha li l-Ministeru kien informat b'dan il-każ fil-11 ta' Novembru 2016. Immedjatament ittieħdu passi tant li illum s-CPSU għandu stock adekwat ta’ Tamiflu bħala “standby stock”.
Sptar Mater Dei – każ ta’ amministrazzjoni ta’ mediċini skaduta
Question
B’referenza għall-istqarrija li ħareġ il-Gvern nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2016, jista’ l-Ministru jgħid, ladarba jista’ jkun li l-għola awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei kienu nfurmati bil-każ tal-amministrazzjoni ta’ mediċina skaduta, min qed imexxi l-investigazzjoni fuq dan il-każ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord intern qed jitmexxa mis-Sinj. Doreen Ellul.
Jista’ l-Ministru jelenka d-direct orders kollha li huwa awtorizza fl-2015 u fl-2016 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tingabar.
Nurses and Midwives Council – rapport ta’ investigazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27703 u jgħid meta se jippubblika r-rapport tal-investigazzjoni li saret wara l-allegat tbagħbis fil-voti tal-elezzjoni tal-Council for Nurses and Midwives?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta dwar din il-materja għadha mhix konkluża.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat mal-privat? Jista' jgħid ma’ min ġie ffirmat u kemm kienu dawk li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom għall-Expression of Interest li kienet inħarġet?
Response (REFALO, ANTON)
Jista’ l-Onorevoli Interpellant jispeċifika liema Memorandum of Understanding?
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-allokazzjoni finanzjarja għal kull kunsill lokali għas-sena 2017?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-allokazzjoni finanzjarja għal kull kunsill lokali għas-sena 2017. Din tinkludi l-allokazzjoni annwali skont artiklu 55 tal-Att, kif ukoll tlett fondi li joħorġu mill-vot ta’ inizjattivi speċjali li jagħtu importanza lill-Belt kapitali u lill-ibliet kif elenkati fl-Att, fond ta’ aggustament, kif ukoll fond iehor li tikkumpensa lil-lokalitajiet li għandhom influs ta’ turiżmu u kummerċ fil-lokalità tagħhom.