Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali għall-kura ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali f’din il-leġiżlatura bejn April 2013 - Ottubru 2016?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt:
Year
Total (General)MHS Expenditures
2013(April to Dec)
18,773,128.00
2014
28,797,308.00
2015
30,884,542.00
2016-as at October
28,798,964
Ċentru ta’ Matul il-Jum – spiża ta’ kuljum għal kull persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża ta’ kuljum għal kull persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li tattendi fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li attendew fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum minn Jannar sal-aħħar ta' Ottubru tal-2016 hija ta €605,034.
Ċentru ta’ Matul il-Jum — persuna b’diżabilità intellettwali – spiża ta’ kuljum
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm hija l-ispiża ta’ kuljum għal kull persuna b’diżabilità intellettwali li tattendi fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija ta' natura kummerċjali u sensittiva u għaldaqstant ma tistax titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu Ċentri ta’ Matul il-Jum f’din il-leġiżlatura u jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu aktar ċentri s-sena d-dieħla?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament għandna 5 Ċentri ta’ Matul il-Jum f'Malta u ieħor f'Għawdex għall-użu ta' persuni bi bżonn ta' kura psikjatrika.
Jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont ta’ dħul gross li għamlet l-Awtorità għall-Protezzjoni ta’ Embrijuni (EPA) minn mindu bdiet topera sal-lum u kemm minn dan l-ammont kien minn ħlas li għamlu koppji li għamlu l-interventi tal-IVF/ICSI u Egg Freezing?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dhul tal-Awtorita’ mindu bdiet topera f’Mejju tal-2013 sal-lum kien ta’ €105,850. Ma dan wiehed irid izid l-ammont li l-gvern ta direttament lill-Awtorita’ (EPA) li huwa €320,000.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi koppji ma jhallsux ghal servizzi tal-IVF moghtija mill-isptar Mater Dei.
Sptar Mater Dei – interventi tal-IVF/ICSI u Egg freezing
Question
Jista' l-Ministru jgħid b’referenza għall-koppji li jagħmlu l-interventi tal-IVF /ICSI u Egg Freezing fl-Isptar Mater Dei, min iħallas l-ammont dovut lill-Awtorità għall-Protezzjoni ta’ Embrijuni, il-pazjenti jew il-gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz għall-proċeduri tal-IVF/ICSI kif ukoll għall-iffrizar tal-gameti (kemm oocytes kif ukoll sperm) li jingħata fl-Isptar Mater Dei huwa bla ħlas għall-koppji. Artiklu 27 tal-Protocol tal-Awtorità jgħid hekk: "The EPA does not charge individual patients for fertility treatments. Service Providers of Centres both public and private, pay a fee to the EPA towards the costs of being regulated and inspected”.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwa tax l-approvazzjoni tiegħu biex il-miżata dovuta mill-koppji lill-Awtorità għall-Protezzjoni ta’ Embrijuni biex jingħataw permess jagħmlu l-interventi tal-IVF /ICSI għoliet minn €90 għal €130 għal kull darba li jsir l-intervent?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma' hemm ebda mizata dovuta mill-koppji lill-Awtorita’ ghall-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett tar-restawr taċ-Ċittadella, li sar bl-għajnuna ta’ Fondi Ewropej, huwiex imniżżel bħala revenue generating project fil-Programm miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea? Jista’ jikkonferma li jekk dan mhux imniżżel hekk, u b'hekk l-aġġustamenti relevanti tal-iffinanzjar ma sarx, ma jistax jiddaħħal ebda ħlas għaċ-Ċittadella qabel mill-inqas ħames snin minn meta tlesta? Jista' jikkonferma li jekk jiddaħħal xi forma ta’ ħlas f'dawn il-ħames snin, dan ikun ifisser li Malta jkollha tħallas lura persentaġġ mill-Fondi Ewropej li ntużaw għal dan il-proġett, liema ħlas lura jkun jammonta eżatt għall-85% tal-ammont ta' flus miġbura?
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti/permessi (fosthom dak tal-aċċessibilità) mill-Awtoritajiet konċernati relatati mal-proġett li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qiegħed jagħmel bħalissa fi Triq San Publiju l-Mellieħa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill Ministru konċernat.
Il-Kottonera – pjanti u permessi għall-Indoor Pool
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u tal-permessi għall-indoor pool li se jsir fil-Kottonera?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta u veduti grafiċi tal-pixxina l-ġdida fil-Kottonera. Infurmat li l-proċess tal-permessi għadu għaddej u qiegħed fi stadju avvanzat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi u/jew x'għajnuniet oħra lill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) fis-snin 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016 u kemm hemm budgeted li jingħataw lill-KOM fl-2017?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-assistenza mogħtija lill-Kumitat Olimpiku Malti fis-snin 2012 sa 2016 kienet kif ġej:
2012 – €394,681
2013 – €417,235
2014 – €393,735
2015 – €428,735
2016 – €467,235
Bħalissa SportMalta jinsab f’negozjati mal-Kumitat Olimpiku Malti biex jintlaħaq ftehim dwar x’assistenza se tkun qed tingħata lill-Kumitat Olimpiku Malti fis-snin li ġejjin. Dawn in-negozjati waslu fi stadju avvanzat u mistennija jingħalqu fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dati meta l-Pixxina Nazzjonali se tingħalaq?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Pixxina Nazzjonali ħa tkun uffiċjalment magħluqa mill-5 ta’ Diċembru 2016 sal-31 ta’ Jannar 2017 dejjem jekk ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet waqt ix-xogħlijiet. Sar arranġament mal-klabb tan-Neptunes għall-użu tal-pixxina tagħhom biex jiġu akkomodati bl-inqas inkonvenjent possibbli l-klabbs tal-għawm.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għaqdiet jew il-clubs sportivi li soffrew ħsarat wara l-maltempata li saret fl-aħħar t'Ottubru 2016 ingħatawx għajnuna materjali u/jew finanzjarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellent li xi klabbs, b'mod partikulari dawk tal-waterpolo, li sofrew ħsarat fil-perjodu msemmi, u għamlu kuntatt mal-uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-isport ġew mitluba jagħmlu rapport tal-ħsarat sabiex jiġi diskuss x'għajnuna tista' tingħata.
Jista' l-Ministru jara li terġa' ssir reviżjoni tas-sinjali tat-traffiku fejn l-FXB ġewwa Ħal Qormi, sabiex terġa' tinbidel għal STOP minn Give Way minħabba li qiegħdin jsiru ħafna aċċidenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din it-talba ser tiġi kkunsidrata mis-sezzjoni għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fi ħdan Transport Malta.
Ħal Qormi — Triq l-Imdina - operaturi tal-bejgħ ta' karozzi second hand
Question
Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jinqata' l-abbuż sfrenat li qiegħed isir minn ċertu operaturi tal-bejgħ ta' karozzi second hand li jinsabu fi Triq l-Imdina Ħal Qormi fejn dawn ta' kuljum qegħdin joħorġu l-karozzi tagħhom f'din it-triq u jokkupaw il-ftit parkeġġi li hemm għad-dispożizzjoni tar-residenti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi l-pulizija tad-distrett konxja mill-abbuż ta` ċerti operaturi tal-bejgħ ta` karozzi second hand fi Triq l-Imdina Ħal Qormi meta dawn joħorġu l-karozzi tagħhom u jokkupaw diversi parkeġġi illegalment fl-istess triq. Infatti, spezzjonijiet isiru regolarment mill-Pulizija tad-distrett kif ukoll mill-pulizija tas-Sezzjoni tat-Traffiku biex dan l-abbuż jinqata` u din is-sena nħarġu diversi ċitazzjonijiet kontra dawk il-persuni li kissru il-liġi bl-aġir tagħhom.
Ħal Qormi — Triq l-Imdina - operaturi tal-bejgħ ta' karozzi second hand
Question
Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jinqata' l-abbuż sfrenat li qiegħed isir minn ċertu operaturi tal-bejgħ ta' karozzi second hand li jinsabu fi Triq l-Imdina Ħal Qormi fejn dawn ta' kuljum qegħdin joħorġu l-karozzi tagħhom f'din it-triq u jokkupaw il-ftit parkeġġi li hemm għad-dispożizzjoni tar-residenti?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandu informazzjoni ta' abbuz huwa ġentilment mitlub li jgħaddi kull informazzjoni li jista' jkollu lil Pulizija li huma responsabli mill-enforzar tal-liġi.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fil-blokka li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament minħabba ħsarat li hemm fil-blokka?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minkejja li l-Awtorita’ tad-Djar ma jirriżultalhiex li kien hemm rapporti pendenti ta’ ħsarat kif imsemmi b’mod separat, xorta waħda ittieħdet azzjoni u saret spezzjoni minn uffiċċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar, fejn qed jittieħdu passi sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa.
Edukazzjoni għal tfal adottati — każ ta' individwu
Question
Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament rigward opportunitajiet ta' edukazzjoni għal tfal adottati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet ikkuntattjata u l-każ ġie diskuss.
Jista' l-Ministru jara li tiżdied il-frekwenza ta' tal-linja li titlaq minn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi direzzjoni Ħal Qormi bejn is-6am u s-7.30am minħabba li qiegħda tkun dejjem full-up f'dak il-ħin partikolari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li uffiċċjali minn Transport Malta ser ikunu qed iwettqu surveys fuq ir-rotot 61 u 62 li jservu il-lokalitajiet tas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ. Dan ser isir sabiex tiġi analizzata d-domanda fuq dawn iż-żewġ rotot bl-iskop li jiġu addottati miżuri sabiex l-andament tagħhom jiġi mtejjeb jekk tiġi identifikata l-ħtieġa.