Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #28401 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ftuħ ta’ Kawża

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27941, jista’ l-Prim Ministru jindika l-isem tal-kawża u f’liema Qorti nfetħet il-kawża (assumendo li nfetħet kawża) kontra Skanska?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interperllant illi l-Gvern aggixxa skont artiklu 7.1 tal-ftehim bejn l-FMS u Skanska JV iffirmat fid-19 ta’ Frar 2009 li jistabbilixi l-proċedura li għanda titiehed f’kaz ta’ disputa bejn il-partijiet.

Border Inspectors — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn border inspectors preżentament biex jagħmlu spezzjonijiet fuq laħam impurtat? Kemm-il spezzjoni saret xahar b'xahar f'dawn l-aħħar sentejn minn meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm tliet uffiċjali li jagħmlu spezzjonijiet fuq konsenji tal-laħam li jaslu il-Border Inspection Post (BIP). Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor Interpelant jirreferi ghat-twegiba li nghata ghal-mistoqsija 28417.

Importazzjoni ta’ Laħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm laħam impurtat xahar b'xahar f' Malta fl-aħħar sentejn u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X' tip ta' laħam ġie impurtat (ċanga, majjal, fniek, tiġieġ, eċċ.) u minn liema pajjiż? Dan il-laħam impurtat kien ippakkjat jew inkella karkassi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, Tabella A u Tabella B bl-informazzjoni mitluba.

Laħam impurtat li ma kienx konformi mar-regolamenti ta’ importazzjoni ta’ laħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm laħam impurtat li ma kienx konformi mar-regolamenti ta' importazzjoni ta' laħam, fosthom it-temperatura, il-labelling, eċċ.? Laħam impurtat li ma kienx konformi ma’ dawn ir-regolamenti, ġie ikkonfiskat mid-Dipartiment responsabbli? Kif iddispona minnu dan il-laħam il-Gvern?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Il-laħam kollu importat f’dawn l-aħħar sentejn (2015 u 2016), li ġie suġġett għall-ispezzjonijiet veterinarji fil-Border Inspection Post (BIP) kienu kollha konformi mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni kurrenti. L-ebda konsenja ta’ laħam ma’ ġiet mormija jew ntbagħtet lura mil-pajjiż li ġiet minnu.

Karkassi ta’ annimali impurtati — bejgħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li qed jiġu mibjugħa karkassi ta' annimali impurtat mhux minn ġo landing facilities li ma jkunux skont standards Ewropej, fosthom minn ġo parking areas u minn ġo għelieqi? X'passi se jieħu l-Gvern biex dan l-abbuż jieqaf immedjatament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-importazzjoni ta’ karkassi kif ukoll prodotti tal-laħam inkluz cuts, jistgħu jidħlu biss mill-Border Inspection Post li jinstab fil-freeport fejn wara li jiġu spezzjonati, jingħataw il-clearance mid-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja u mid-Dwana. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar snin f’Malta ma ġewx impurtati karkassi ta’ annimali, imma gew impurtati biss prodotti tal-laħam inkluż cuts. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi abbużi, huwa mitlub jgħaddi t-tali informazzjoni lid-Dipartimenti kkonċernati sabiex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.

Laħam impurtat – informazzjoni fuq il-label

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'informazzjoni qed ikollha fuqha l-label tal-laħam impurtat? Qed isiru spezzjonijiet minn uffiċjali tad-dipartiment biex jiġi aċċertat li fuq il-label qed tingħata l-informazzjoni kollha neċessarja hekk kif jitolbu standards Ewropej?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-Uffiċjal Veterinarju jagħmel kontroll kemm tal-identita’ kif ukoll dak fiżiku, jivverifika l-oriġini tal-laħam billi jara li n-numru tal-approvazzjoni tal-istabiliment ikun inkluż fil-lista approvata għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropeja, u li tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni. L-uffiċjal veterinarju jara ukoll ir-rekwiziti tal-labelling jkunu mar- Regolament Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll mar-rekwiżiti tad-data tal-iskadenza u l-kundizzjonijiet tal-ħażna.

Laħam impurtat – Iċċekkjar ta’ temperatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f' dawn l-aħħar sentejn, u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, x'persentaġġ mil-laħam impurtat qed tiġi ċċekkjata t-temperatura? X'qed isir mil-laħam li jinstab li t-temperatura li fiha jkun maħżun tkun taqbeż is-7 gradi ċentigradi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-temperaturi tal-laħam kollu importat f’dawn l-aħħar sentejn (2015 u 2016) ġie spezzjonat u nstab konformi mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni kurrenti.
Leg 12 PQ #28498 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – drenaġġ li nieżel fil-baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma minn fejn u x'kien li kkawża dak li allegatament deher li kien drenaġġ li ħareġ fil-baħar fl-akkwati f'San Pawl il-Baħar nhar il-Ħadd 6 ta' Novembru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fil-ġurnata msemmija żviluppat ħsara fil-pumping station tal-Pwales. Il-Korporazzjoni ħadet il-provvedimenti kollha meħtieġa biex tnaqqas l-inkonvenjent u tirranġa l-ħsarat.

Bejgħ tal-passaport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, wara li ġimgħa ilu fil-Parlament qal li l-pajjiż daħħal €310 miljun mill-bejgħ tal-passaporti, f’liema kont tal-Gvern qed jidhru dawn il-flejjes, jekk jidhrux fl-Estimi Finanzjarji ppreżentati fid-Diskors tal-Baġit għas-sena 2017 (liema diskors ġie moqri tliet ġimgħat ilu) u fil-każ fejn fl-Estimi Finanzjarji qed jidhru tali €310 miljun, u kemm hu l-ammont ta’ imgħax legali li l-pajjiż daħħal minn fuq din is-somma? F’liema kont qed jinżamm l-imgħax legali akkumulat u b’liema rata qed jiġi akkumulat tali imgħax?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi dak li qed jirreferi għalih bhala ‘bejgħ tal-passaporti’ mhuwiex bejgħ ta’ passaporti imma huwa Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. It-€310 miljuni illi l-pajjiż daħħal minn dan il-Programm huma maqsumin kif ġej: €133,605,450.00 li kkontirbew għal-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, €57,298,050.00 li marru fil-Fond Konsolidat, €12,822,000 fil-kont tal-Aġenzija u €10,311,000 li marru għand il-Konċessjonarju. Il-bilanċ jibqa’ dak ta’ €95,963,500 li jinsabu f’kont kurrenti tal-Aġenzija.

Tqassim ta’ ikel — tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għall-ikel għall-ammont ta' €300,000 kif imħabbar mill-Gvern? Jista' jgħid min ħa dan it-tender u meta se jkun qed jitqassam dan l-ikel?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ħareġ l-imsemmi tender għall-ikel tal-iskema li qiegħda issir referenza għaliha: Referenza Data meta ġie ppublikat t-Tender Isem tal-Kuntrattur Ammont Data tal-Kuntratt Rimarki CT2210/16 – T18/2016 30 Settembru 2016 NA €780,000 VATeskluż (prezz approssimattiv) NA Is-sejħa għall-offerti infetħet fl-10 Novembru 2016. Skont Artiklu 13 tal-i Special Conditions tat- Tender Document, iż-żmien indikattiv li matuluser jitqassam l-ikel ser ikunu Diċembru 2016, Ġunju 2017 u Diċembru 2017.

Tqassim ta’ Ikel – lista ta’ prodotti kollha

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-prodotti kollha li se jkunu qed jitqassmu mill-iskema ta' €300,000 imħabbra minn dan il-Gvern sabiex jipprovdi ikel lil min ma jikkwalifikax fl-iskema tal-għotjiet tal-ikel tal-Unjoni Ewropea?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lista tinsab pubblika flimkien mad-dokument tat-tender Ref: CT 2210/2016.

Ammont ta’ ikel — skema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont f'ikel li se jingħata kull persuna mill-41,000 persuna li se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema ġdida ta' €300,000 li dan il-Gvern ħabbar riċentement?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi madwar 27,000 familja ser jibbenefikaw minn dan it-tqassim u li l-valur tal-pakkett ivarja skont in-numru ta’ persuni fil-familja.

Santa Venera – twaħħil ta’ bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jitwaħħlu bus shelters ġodda fil-lokalità ta' Santa Venera u dan meta hemm ħafna bżonn ta' aktar bus shelters f'din il-lokalità? Jista' jgħid x'alternattivi oħra nstabu sabiex tkun tista' titwaħħal bus shelter ġdida fi Triq il-Kappillan Mifsud minħabba limitazzjoni ta' spazju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-aħħar inħarġet ‘Request for Proposals’ għall-installazzjoni ta’ numru ta’ bus shelters ġodda. Din ir-‘Request for Proposals’ titlob għal bus shelters ta’ qisien differenti. Dan sabiex minbarra li jitwaħħlu bus shelters ta’ qisien standard, sakemm ikun possibli, jitwaħħlu wkoll bus shelters iżgħar sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ postijiet li għandhom spazju ristrett.

Identity Malta – persuni housebound – tiġdid ta’ Karta tal-Identità

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li hemm aktar minn mitt persuna li huma housebound u li talbu lill-Identity Malta sabiex tagħmlilhom viżita ġewwa djarhom biex tagħmlilhom Karta tal-Identità ġdida? Jista' jgħid għaliex din l-istennija sabiex jingħata dan is-servizz, meta t-talbiet saru aktar minn tliet xhur ilu u meta sa ftit żmien ilu biss, l-individwu kien jingħata dan is-servizz fi ftit ġranet biss jew f'perjodu ta' mhux aktar minn ġimgħa? Jista' jikkonferma wkoll jekk dan id-dewmien huwiex dovut għall-fatt li fejn qabel kien hemm numru ta' persuni li kienu jagħtu dan is-servizz, minħabba tibdiliet li saru, dan is-servizz ma għadux qed jitqies prijoritarju u tnaqqsu l-impjegati li kienu jagħmlu dan ix-xogħol? Jista' jgħid x'se jkun qed isir sabiex dan id-dewmien esaġerat jitnaqqas għal-livelli aċċettabbli li kien qabel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Identity Malta (Taqsima tal-Karti tal-Identita’) matul is-sentejn li għaddew għamlet xogħol impekkabbli fejn jirrigwardja t-tiġdid tal-karti tal-identita’. Fil-fatt matul l-eżerċizzju li sar fuq skala nazzjonali biex jiġġeddu l-karti tal-identità madwar il-pajjiż kollu, uffiċjali mid-dipartiment responsabbli marru ukoll jagħtu servizz lil ċittadini bi problemi ta’ mobilta’ ġewwa darhom stess. Matul is-sentejn li għaddew saru 7,537 viżta lil nies bħal dawn li kienu ilhom snin twal jistennew li tinbidlilhom il-karta tal-identità skaduta li kellhom. Jien infurmat li matul is-sena kurrenti dan is-servizz baqa jingħata b’mod regolari u fil-fatt diġa saru 1350 viżta lil nies li talbu biex issirilhom karta tal-identità ġdida fil-kumdita’ ta’ darhom. Il-lista ta’ stennija hija fil-livelli normali bħal qabel u bħalissa hemm 139 persuni li għadhom jistennew dan is-servizz . Ninfurmaha ukoll li aktar min-nofs ta’ dawn il-persuni għadhom kemm applikaw matul Ottubru u Novembru 2016. Tajjeb hawnhekk wieħed jirrimarka li dan id-dipartiment joffri l-faċilita’ li jittratta bi prijorita’ każijiet t’individwi, li għal raġunijiet validi, jkollhom bżonn li tinħarġilhom karta tal-identita’ ġdida b’mod urġenti.

Direttur Ġenerali – interim measure

Question

B’referenza għad-deċiżjoni maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fl-4 t’Ottubru 2016 rigward sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) kellux talba minn persuni, kumpaniji jew organizzazzjonijiet sabiex tinħareġ interim measure? Tista’ tgħid b’kollox kemm-il talba kien hemm? Tista’ tgħid jekk min għamel it-talba ġiex infurmat mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jekk it-talba tagħhom ġietx milqugħa jew le? Jekk dawn ma kenux infurmati tista’ tispjega għalfejn dan ma sarx u għalfejn it-talba tagħhom ma ġietx milqugħa?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) rċieva talba waħda sabiex joħroġ interim measure. Għal kumplament tal-mistoqsija, nirreferi lil Onorevoli interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari 28521.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26741, tista’ l-Ministru tispjega għaliex l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur m’għamilx analiżi sabiex jara x’inhuma l-alternattivi għall-ġenituri biex ma jħallsux tariffi għola? Tista’ l-Ministru tikkwota dik il-parti tal-Att li tistabilixxi l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur jew l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur li l-Uffiċċju ma għandux il-kompetenza biex ma jagħmilx din l-analiżi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma kienx hemm bżonn ta’ analiżi ulterjuri wara li ġie stabbilit li ma kienx hemm ksur tal-liġi tal-konsumatur.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26739, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-analiżi li għamel l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur li turi li l-ilment imsemmi imur oltre l-kompetenzi ta’ dan l-Uffiċċju?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor Interpellant li kif spjegajt fit-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Nru. 26739 din il-kwistjoni tirrigwardja l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u mhux l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur ma jipprovdix li ssir din l-analiżi. Barra minhekk huwa fatt magħruf li f’suq liberalizzat ma jistgħux jiġu kkontrollati t-tariffi. Il-liġi tistabillixxi l-funzjojnijiet regolatorji ta’ dan l-Uffiċċju speċifikament relattivi għall-investigazzjonijiet amministrattivi liema funzjonijiet ma jinkludux il-kontroll ta’ tariffi.

Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kummissjoni Ewropea ġietx infurmata bis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)? Jekk iva, meta ġiet infurmata l-Kummissjoni Ewropea? Jekk ma ġietx infurmata il-għaliex dan ma sarx?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni informa lil-Kummissjoni Ewropea bis-sentenza fid-9 ta’ Mejju 2016.

Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali

Question

B’referenza għall-pagna 9 tar-rapport annwali tas-sena 2015 tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur b’mod partikolari għas-sezzjoni ntitolata Main Operations, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjonijiet, anke f’format mhux kunfidenzjali, tal-wieħed u erbgħin każ li ġew riżolti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar xandir ta’ sports

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kkonkludiex l-investigazzjonijiet tiegħu rigward ix-xandir ta’ sports, partikolarment tal-football, wara li din il-kwestjoni tqajmet fis-sajf tal-2010? Jekk iva, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja, anke f’format mhux kunfidenzjali, tad-deċiżjoni? Jekk din l-investigazzjoni għada mhux konkluża meta huwa mistenni li tiġi konkluża?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sajf tal-2011 mill-analiżi li kien għamel l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dak iż-żmien ma nstabitx evidenza li kien hemm ‘concurrence of wills’ u ‘coordinated conduct’ bejn iż-żewġ operaturi li kienu qed jiġu investigati. Skont l-analiżi li kien għamel l-Uffiċċju dak iż-żmien ma nstabx li kien hemm ksur tal-liġi. Għalkemm qatt ma inħarġet deciżjoni finali, ftit wara, iċ-ċirkostanzi inbidlu tali li l-kwistjoni ma baqatx ta’ prijorita' ai termini tal-artikolu 15 tal-Kap 510 tal-liġijiet ta' Malta. Dan għaliex l-Uffiċċju jikkunstata li ċ-ċirkustanzi li infetħet l-investigazzjoni inbiddlu. Fiċ-ċircostanzi tali kwistjoni ma baqatx relevanti.