Legislature:
Category:
Reset
Active:

Official Malta Budget – promo 1 ġid li jasal għand kulħadd

Question

Skont promozzjoni li qed tidher in konnessjoni mal-Official Malta Budget 2017 (Promo 1- Ġid li jasal għand kulħadd) qed jiġi rreklamat li bil-miżuri tal-Baġit 2017, issa ser ikun hemm 2,800 familja li ser ikunu qed igawdu minn sussidju tal-kera. Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil ser ikun hemm fil-kriterji sabiex aktar familji ser ikunu qed jibbenefikaw minn dan is-sussidju? Jista' jgħid x'inhu l-ammont massimu ta' assi li jista' jkollhom applikanti biex ikunu jistgħu jibbenefikaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-kundizzjonijiet tal-iskema li qed issir referenza għaliha ser jibqgħu simili għal kundizzjonijiet tal-iskema preżenti, madankollu sabiex wieħed jikkwalifika għal dan is-sussidju jrid jippreżenta kuntratt tal-kera. Min qiegħed diġà jibbenfika mis-sistema preżenti u ma jkollux kuntratt ta’ kirja allura dan jibqa’ bis-sussidju attwali. Barra minn hekk taħt l-iskema l-ġdida, l-ammont massimu ta’ assi li l-applikanti jista’ jkollhom biex jikkwalifikaw se jitla’ minn €10,000 għal €23,300. Barra minn hekk, fejn qabel sabiex jikkwalifika għas-sussidju d-dħul tal-applikant ma setgħax ikun aktar minn €18,514.80 fis-sena, taħt din l-iskema kif imħabbar fil-Baġit għas-sena 2017 id-dħul li jiddetermina l-eleġibilita’ ta’ persuna biex tikwalifika minn sussidju tal-kera issa ġie esti¿ sa massimu ta’ €23,000 fis-sena. Huwa għalhekk li se ji¿diedu dawk li jibbenefikaw mis-sussidju fuq il-kera.

Awtorità tad-Djar — skemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha skemi miftuħin bħalissa l-Awtorità tad-Djar? Jista' jgħid ukoll kemm għandha skemi li huma magħluqin bħalissa u jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu aktar skemi ġodda? Jekk huwa l-każ, jista' jagħti aktar dettalji tal-iskemi li ser ikunu qed jinfetħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bħalissa, l-Awtorita’ tad-Djar għandha s-segwenti skemi miftuħa:- · Skema ta’ Irranġar u Titjib (ADP) · Skema ta’ Sussidju tal-Kera (RSS) · Skema ta’ Strutturi Perikoluzi (SSP) · Skema għall-Persuni b’Diżabilita’ (DIS) · Skema fuq Għotja biex tgħin fil-Bini u/jew Tkomplija ta’ Xogħlijiet jew Irranġar tal-Ewwel Residenza (GFR) · Skema ta’ Installar ta’ Lifts ġewwa blokok tal-Gvern (LFT) · Skema ta’ Xiri ta’ residenzi mikrija mill-Gvern (SSD) - Skema tal-kunsill lokali - għal xogħol fil-komun Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent, l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tħejji sabiex tippubblika skema ġdida fejn ser jingħata sussidju sa massimu ta’ €166.66 fix-xahar fuq il-kera, mħallas għal residenzi privati. Sabiex wieħed jikkwalifika għal dan is-sussidju irid jippreżenta kuntratt tal-kera. Din l-iskema hija mmirata lejn sidien il-kera fejn dawn jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ taxxa ta’ 5% minflok dik ta’ 15% fuq id-dħul mill-kera jekk dawn ikollhom kuntratt jew joffru kuntratt ta’ aktar minn 7 snin lill-inkwilini tagħhom li jissottometti applikazzjoni għas-sussidju tal-kera.

Social Policy Information Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in-numru tat-telephone159 tas-Social Policy Information Centre huwiex bi ħlas jew mingħajr ħlas? Jekk huwa bil-ħlas, jista' jgħid għaliex dan huwa bi ħlas u hekk għandux l-intenzjoni li jibda' jsir mingħajr ħlas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sa mill-bidu tiegħu fl-2003 in-numru tat-telefown 159 tas-Social Policy Information Centre kien bil-ħlas. Pero huwa ppjanat li s-servizz preżentament offrut min-numru tal-telefown 159, jibda jsir mingħajr ħlas fil-futur qarib hekk kif hemm il-ħsieb li dan is-servizz jibda jkun offrut ukoll permezz tal-pjattaforma tal-freephone tas-Servizz.Gov 153.

Tas-Sliema – Day Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani jattendu kull sena fid-Day Centre ta' Tas-Sliema mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti rendikont tan-numru ta' anzjani li kienu jattendu f'dan id-Day Centre sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul din is-sena nfetħu żewġ Ċentri ta’ Matul il-Jum oħra, ġewwa l-lokalita’ tal-Gżira kif ukoll ġewwa s-Swieqi. F’dawn iċ-Ċentri qegħdin jattendu total ta’ 97 membru; 50 membru ġewwa ċ-Ċentru tas-Swieqi u 47 membru li qed jattendu ċ-Ċentru tal-Gżira. Bis-saħħa tal-ftuħ ta’ dawn iż-żewġ Ċentri, assorbejna dawk il-klijenti li kienu jattendu iċ-Ċentru ta’ Ta’ Sliema.

Is-Siġġiewi – Sqaq tan-Nadur — aċċessibilità

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28186, jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fuq Sqaq tan-Nadur fis-Siġġiewi li pjanta tiegħu qed tingħata separatament sabiex jitwessa' u jkun aktar aċċessibbli għan-nies li għandhom l-għelieqi f'dan l-isqaq?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-proċess biex isir t-twessiegħ mitlub jinvolvi esproprjazzjoni ta’ art mill-privat u l-ħlas ta’ kumpens. Dan mhux kompitu tal-Kunsill Lokali.

Autoclave tal-Marsa — ħsara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-autoclave tal-Marsa kien bi ħsara? Meta kien bil-ħsara x’ammont ta’ ġranet għamel wieqaf? Minn meta ġie inawgurat l-autoclave tal-Marsa, kemm kienet l-ispiża għall-ħsarat li rriżultawlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Autoclave tal-Marsa ġie inawgurat f’12 ta’ Jannar 2016. Kien hemm inċident darba li wassal għal waqfien temporanju ta’ waħda mil-linji li għandu l-impjant. Din il-ħsara ma swiet xejn lill-Wasteserv hekk kif l-impjant kien għadu qiegħed jiġi kkummissjonat u ir-responsabilità ta’ din l-ispiża kella tiġi kopruta mingħand il-kuntrattur, hekk kif stipulat fil-kuntratt li dan għandu mal-Wasteserv. It-tieni linja baqgħet topera mingħajr waqfien, li jfisser li qatt ma kien hemm ħsarat li waqqfu l-impjant kollu.

WasteServ — promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni saret fi ħdan il-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn? X’kienu l-promozzjonijiet u meta saret is-sejħa nterna għal kull waħda? Jista jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa interna f’kull każ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

WasteServ — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu ħaddiema mal-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn? Jista’ jgħid f’liema gradi ddaħħlu dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll kemm temmew l-impjieg tagħhom ħaddiema minn mal-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn ? F’liema gradi kienu dawk li temmew l-impjieg?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-1 ta' April 2013 sal-15 ta' Novembru 2016 mal-WasteServ daħlu 44 impjegat f’diversi gradi fosthom Accounts Clerks, Architects, Fitters, Plant Engineers u Project Leaders. Fl-istess perjodu telqu 46 impjegat f’diversi gradi fosthom Heads of Shift, Health Attendants, Senior Tradesmen u Supervisor.

WasteServ — Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus miċ-Chairman tal-WasteServ għal titjib u rinnovazzjoni fl-uffiċċju tiegħu f’Sant’Antnin minn April 2013 ‘l hawn? Iċ-Chairman għandu uffiċċju ukoll f’impjanti oħra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li nefqa għat-titjib u rinnovazzjoni fl-uffiċċju taċ-Chairman tal-WasteServ f’Sant’Antnin minn 1 ta’ April 2013 sa 17 ta’ Novembru 2016 kien ta’ €10,146 VAT eskluż. Iċ-chairman m’ghandux uffiċċju separat għalih fl-impjant l-oħra tal-Wasteserv.

WasteServ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li bħalissa qed iservu ma' diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-WasteServ li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew xi kumpanija sussidjarja tagħha? Jista' jagħti break down - mingħajr ismijiet - tad-diversi postijiet fejn dawn qed iservu u x'inhu x-xogħol partikolari li qed jagħmlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Skola – skala ogħla ta’ impjegat

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward dritt għal skala ogħla ta' impjegat fi skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li wara verifika li saret, id-Direttorat għal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE) ġie infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant qiegħed approvat bħala ‘domestic’ fi Skala 20, Step 8.
Leg 12 PQ #28722 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Garaxxijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara l-każ ta’ żewġ garaxxijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dawn iż-żewġ ġaraxxijiet li d-dettalji tagħhom intbagħtu separatament huma allokati lil Dipartiment tal-Gvern u l-ħlas fuqhom qed isir regolarment. Għaldaqstant, la darba d-Dipartiment li qed jokkupa dawn il-garaxxijiet għad għandu bżonnhom, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma tistax tikkunsidra l-ebda talba oħra għal dawn il-garaxxijiet.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – talbiet għal transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma t-talbiet għal transfers li ntalbu minn impjegati fil-Ministeru tiegħu, kemm minnhom ġew milqugħa u kemm oħrajn għadhom qed jistennew li jiġu ndirizzati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Ottubru 2016 il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kellu total ta' 49 impjegat li talab trasferiment. Minn dawn 38 ġew milqugħa, sebgħa (7) għadhom pendenti u erbgħa (4) ġew rifjutati. Rigward l-edukaturi, infurmat li mis-sejħa t’applikazzjoni sabiex edukaturi jiċċaqalqu minn skola għal oħra kien hemm 559 li: · ikkanċellaw u/jew ma daħlux mil-leave (33), · applikaw biss ‘only in case of redundancy’ f’każ li fl-iskola ma jkunx għad hemm bżonn is-servizz tagħhom (469) · Għawdxin (36) · marru f’xi servizz jew ħadu kariga ogħla (21) u 819 oħra li: · 562 iċċaqalqu skont it-talba tagħhom · 68 ġew trasferiti mill-iskola tagħhom għax ġew ‘extra’, u ma kienx għad hemm bżonn is-servizz tagħhom · 189 talba ma setgħux jiġu akkomodati minħabba nuqqas ta’ vakanzi jew imtlew b’għalliema b’anzjanità ogħla.
Leg 12 PQ #28734 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sussidju fuq id-dawl — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament rigward sussidju fuq id-dawl?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Residenza San Vinċenz de Paul – swali Rużar Briffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnhom jew le x-xniegħat persistenti li x'uħud mis-swali Rużar Briffa fir-Residenza San Vinċenz de Paule se jkunu qed jgħaddu kollha, jew parti minnhom għand il-privat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, m’hemmx pjan biex is-swali preżenti fil-kumpless San Vinċenz de Paule jingħataw lill-privat.

Residenti fis-Sala St. Joseph 5 u 6 – prattiċi tax-xogħol – saħħa u sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu esegwiti l-prattiċi tax-xogħol fejn tidħol saħħa u sigurtà kif ukoll rispett u dinjità lejn dawk l-anzjani li jinsabu residenti fis-Sala St.Joseph 5 minħabba xogħol ta' kostruzzjoni li qed isir fis-Sala St. Joseph 6 peress li jirriżulta li materjal ta' kostruzzjoni qed jintefa’ mis-sular ta' fuq għall-isfel proprju taħt it-twieqi tar-residenti anzjani li qed jikkawża inkonvenjent minħabba l-ħmieġ u t-trabijiet kontinwi li l-anzjani qed jesperjenzaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, qed jittieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex l-aċċess għas-sit fejn qiegħed isir ix-xogħol ikun limitat biss għall-ħaddiema awtorizzati biex b'hekk tiġi rispettata d-dinjita’ tar-residenti. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-aċċess għall-btieħi mis-sala huwa magħluq u l-ispazji madwar l-iskips jitnaddfu kuljum. Il-ħaddiema għandhom 'chute' għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ċertu xogħol qiegħed isir f'ħinijiet li ma jkunux ta' skumdita’ għar-residenti. Żdiedu s-servizzi ta’ tindif ukoll biex nassiguraw il-livell ta’ iġjene neċessarja.

Proġett Meals on Wheels — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti garanzija li numru ta' ħaddiema li tul dawn l-aħħar snin ħadmu fuq il-Meals on Wheels, proġett li kien varat f'pajjiżna madwar 26 sena ilu, mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom bit-tibdil li qed isir fl-imsemmi proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, abbażi tar-regoli ġenerali tal-Kuntratti, l-impjegati preżenti jiġu assorbiti mill-kuntrattur il-ġdid, kif fil-fatt qiegħed isir.

Proġett Meals on Wheels – anzjani li twaqqfilhom is-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-anzjani jew individwi li bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-15 ta' Novembru 2016 talbu li jitwaqfilhom is-servizz mogħti lilhom mill-Meals on Wheels?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li waqqfu s-servizz tal-Meals on Wheels bejn l-1 ta’ Jannar, 2016 u l-15 ta’ Novembru, 2016 huwa ta’ ħamsa u ħamsin (55). Ir-raġunijiet għal dan huma diversi, fosthom minħabba dħul f'xi dar tal-anzjani, ingaġġ ta' carer id-dar u/jew minħabba l-mewt tal-benefiċċjarji.
Leg 12 PQ #28745 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lista ta' artijiet li ngħataw lura lis-sidien oriġinali

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-artijiet li ngħataw lura lis-sidien oriġinali minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija, liema artijiet kienu ġew esproprijati mill-Gvern u li iżda baqgħu ma ntużawx?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-artijiet li ngħataw lura lis-sidien oriġinali minn Marzu 2013 sal-lum bid-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

dħul f'dar tal-anzjani — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fuq każ tal-ġenituri tiegħu fuq dħul f'dar tal-anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuni li qed issir referenza għalihom b’mod separat, qed jingħataw l-attenzjoni meħtieġa.