Legislature:
Category:
Reset
Active:

European Social Fund – Jobsplus — proġetti

Question

B’referenza għat-tweġiba għad-domanda parlamentari 27285, jista’ l-Ministru jinforma liema huma l-proġetti li ser jiġu implimentati tul din is-sena li ġejja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Jobsplus qegħda tistenna l-approvazzjoni għall-proġetti ‘Work Programme’ u ‘Vaste Programme’. Il-proġett ‘Investing in Skills’ ġie approvat u mistenni li jibda fl-2017.
Leg 12 PQ #28626 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Sea Malta – ħlas lill-ex-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’tħallsu komplessivament parti mill-ex-impjegati tas-Sea Malta u jista’ jinforma jekk kemm-il darba l-ħaddiema l-oħra li ma kenux parti mill-proċeduri legali fir-rikors li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament humiex ser jitħallsu huma wkoll?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-ex-impjegati tas-Sea Malta tħallsu komplessivament €2,685,742.14 Dan kien ftehim ta surroga ta drittijiet litiġjuzi mal-ħaddiema li skont is-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ggradwaw minn ta quddiem u qabel ċerti krediti tal-Gvern. Min ma pparteċipax fil-proċeduri ma kellux drittijiet bħal dawn li fihom il-Gvern seta jiġi surrogat. Madankollu, qiegħed jingħad mingħajr preġudizju illi s-sitwazzjoni ta min ma pparteċipax fil-proċeduri tal-konkors qiegħda wkoll tiġi kkunsidrata.

Sea Malta – ħlas lill-ex-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’tħallsu komplessivament parti mill-ex-impjegati tas-Sea Malta u jista’ jinforma jekk kemm-il darba l-ħaddiema l-oħra li ma kenux parti mill-proċeduri legali fir-rikors li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament humiex ser jitħallsu huma wkoll?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Persuni li jgħixu Għawdex u li huma impjegati fuq bażi part-time

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 27176, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-ħaddiema Għawdxin ilhom jaħdmu part-time ‘l fuq minn ħames snin u jista’ jindika kemm minnhom għandhom ukoll impjieg full time u kemm hemm min għandu żewġ impjiegi part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2016, in-numru ta` ħaddiema Għawdxin li ilhom jaħdmu ħames snin u aktar f’impjieg part-time bħala xogħol ewlieni kien ta’ 839 persuna. Minn dawn kien hemm 48 persuna li għandhom żewġ impjiegi part-time. Filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li ilhom jaħdmu ħames snin u aktar f’impjieg part-time kif ukoll full time kien ta’ 1,011-il persuna. Minn dawn kien hemm 81 persuna li għandhom żewġ impjiegi part-time.
Leg 12 PQ #28639 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Council for Nurses and Midwives — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mix-xogħol tal-Council for Nurses and Midwives sa kemm dan huwa sospiż minħabba l-inkjesta fuq l-allegat tbagħbis fil-voti tal-elezzjoni tal-istess kunsill?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27702.
Leg 12 PQ #28640 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli – Acting CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ma’ min ikkonsulta qabel ma ħatar lill-kirurgu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala Acting CEO tal-Isptar Monte Carmeli? Huwa minnu li dan il-kirurgu se jkun qed jaħdem fiż-żewġ sptarijiet fuq bażi part-time meta ż-żewġ karigi jitolbu attenzjoni kbira fuq bażi full-time?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija qed jaħdem bħala CEO tal-Isptar Monte Carmeli full-time. Nitlobha tispeċifika għal liema żewġ sptarijiet qed tirreferi.
Leg 12 PQ #28641 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Advisory Committee on Healthcare Benefits

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-kumitat “Advisory Committee on Healthcare Benefits” m’huwiex qed jiltaqa’ u x’hemm pendenti fuq l-aġenda ta’ dan il-kumitat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Advisory Committee on Healthcare Benefits qed jagħmel xogħol utli u li jikkumplimenta kumitati ta’ esperti sabiex jippjana għall-aħjar użu possibbli tar-riżorsi finanzjarji.
Leg 12 PQ #28642 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Persuni appuntati fuq bażi ta’ position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26555, 25723, 25569, 24002, 21476, 14906, 13015, 12329, 8136, 6529 u 5489 u jgħid min kienu l-persuni li appunta fuq bażi ta’ position of trust mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ jista’ jgħid: a. l-isem tal-persuna appuntata; b. il-pożizzjoni li ġiet appuntata fiha l-persuna; c. id-data li fiha ġiet appuntata l-persuna; d. min għażel lill-persuna; e. il-kwalifiki akkademiċi tal-persuna; f. x’inhuma s-salarju u l-benefiċċji kollha tal-persuna appuntata; g. min kien jokkupa l-pożizzjoni qabel, xi grad għandu llum u x’xogħol qed jagħmel illum; h. jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel, kenitx ġiet appuntata fuq il-bażi ta’ position of trust jew wara sejħa ta’ applikazzjonijiet; u i. jikkonferma jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel ġietx imġiegħla tbiddel ix-xogħol tagħha jew inkella talbitx hi stess għal dan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #28643 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

NPICU – żieda ta’ trabi li nżammu għall-kura

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 27706 u 27705 jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex fl-2016 kien hemm żieda ta’ trabi li nżammu għall-kura fin-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU) peress li t-tweġiba li ta l-Ministru kellha x’taqsam mal-medja u mhux man-numru ta’ kull sena (sena b’sena) bejn 2010 u l-2016?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika proviżorja tal-ewwel nofs tas-sena 2016 turi li n-numru ta’ trabi f’NPICU kiber bl-istess rata ta’ tkabbir tal-medja għal perjodu ndikat minnha.
Leg 12 PQ #28644 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Konsulent tad-Dijabete – pazjenti jistennew biex jarahom konsulent

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26556, 25560 u 25461 u jgħid kemm hemm pazjenti jistennew biex jarahom konsulent tad-dijabete peress li l-mistoqsija hija ċara u qed titlob numru ta’ pazjenti u mhux jekk il-lista hijiex fluwida jew le?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tlett kwarti tal-pazjenti li qed jistennew biex jarahom konsulent tad-dijabete għal-ewwel darba ser jinqdew fi żmien massimu ta’ 6 xhur.
Leg 12 PQ #28668 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn Għawdex – playing field u ġnien Tliet Għoljiet — dwal

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' passi qed jieħu l-Ministeru tiegħu biex jassigura li d-dwal li hemm maħruqa u ma jixgħelux fil-playing field u fil-ġnien Tliet Għoljiet f'Marsalforn Għawdex u li ilhom hekk għal diversi xhur, jerġgħu jinxtegħlu?

Response (REFALO, ANTON)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li sar investigazzjoni min-naħa tas-sezzjoni tal-enġinerija fi ħdan il-Ministeru irriżulta li hemm problema bil-batteriji tal-arbli tad-dawl u bil-cables fi ħdan il-ġnien. Bħalissa s-sezzjoni tal-enġinerija għaddejja b`eżerċizju biex l-arbli tad-dawl jiġu ikumnikati mad-dawl bl`użu ta’ transformers, u qed jitħejja tender għax-xiri ta’ cables li jifilħu aktar għal-istrapazz.
Leg 12 PQ #28669 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – Triq il-Kanun Żebbuġ Għawdex — tneħħija ta’ arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li l-Enemalta tneħħi arblu tad-dawl li wara li twessgħet parti minn Triq il-Kanun fiż-Żebbuġ, Għawdex spiċċa f'nofs ta' triq u qiegħed ikun ta' periklu għal dawk li jużaw din it-triq?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-arblu msemmi dalwaqt jitneħħa.
Leg 12 PQ #28670 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Skola Medika ta’ Barts – Għawdex – studenti li bdew l-istudji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il student beda l-istudji tiegħu fl-Iskola Medika ta' Barts f'Għawdex f' Settembru 2016? Jista' jgħid jekk hux il-kors mediku kollu huwa ppjanat li jsir f'Għawdex? Jekk le liema partijiet mill-kors se jsiru f'Għawdex u liema partijiet f'Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28281. Ninformaha ukoll illi l-kors mediku se jsir prinċiparjament ġewwa Għawdex. Dan ma jeskludix opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ Mater Dei u mal-Università ta’ Malta.
Leg 12 PQ #28671 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ħondoq ir-Rummien Għawdex – latrina pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-latrina pubblika li huwa inawgura ftit tal-ġimgħat ilu f'Ħondoq ir-Rummien f'Għawdex, sarux fiha x-xogħlijiet li hemm bżonn biex tkun aċċessibbli għal kulħadd? Jekk iva, meta saru dawn ix-xogħlijiet u minn min saru? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità li turi li din issa hija skont il-guidelines tal-istess kummissjoni u hija aċċessibbli għal kulħadd?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li kellhom isiru fil-latrina pubblika f’Ħondoq ir-Rummien biex tiġi aċċessbli għal kulħadd, saru f’Ottubru mis-sezzjoni tal-enġinerija fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Wara korrespondenza mall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, l-istess kummissjoni ikkonfermat li bil-bidliet li saru, il-latrina pubblika ġiet aċċessibli għal kulħadd skont il-guidelines tal-kummisjoni. Ġeneralment, ċertifikati mill-Kummissjoni Nazzjoniali Persuni b’Diżabilita’ jinħargu biss f’każ ta’ proġetti mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Leg 12 PQ #28672 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn – bini ġdid tal-breakwater

Question

Jista' l-Ministru jgħid mir-rapport li sar dwar il-bini mill-ġdid tal-breakwater ta' Marsalforn, liema soluzzjoni iddeċieda li jaddotta l-Gvern? Meta huwa mistenni jibda x-xogħol fuq dan il-breakwater u kemm hu mistenni li tkun l-ispiża? Inħarġet sejħa għall-offerti biex ikun jista' jsir dan ix-xogħol?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin jiġu studjati sew ir-rapporti biex appena tittieħed l-aħjar deċizjoni niddeċiedu l-way forward. Irrid infakkar lill-Onorevoli li dal-moll waqa’ minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni kontinwa li qatt ma saret. Kif kien jaqa’ ukoll il-moll tal-Menqa li kieku s–sena l-oħra ma sarx x-xogħol fuqu.
Leg 12 PQ #28673 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Ferries u Gozo Channel – ristrutturar tal-kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid wara li sar ristrutturar tal-kumpaniji Gozo Ferries u Gozo Channel, issa l-assi li kellhom dawn il-kumpaniji għand liema kumpanija jinsabu u l-ħaddiema li kienu impjegati mal-Gozo Channel, ma’ liema kumpanija issa huma impjegati? Kemm hemm ħaddiema impjegati ma’ din il-kumpanija u f’liema gradi huma impjegati dawn il-ħaddiema?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-proċess ta’ ristrutturar tal-Gozo Channel, saret għaqda b’akkwist (merger by acquisition) taħt il-liġi li tirregola l-kumpaniji, bejn il-Gozo Ferries Limited u l-Gozo Channel Company Limited. L-assi operattivi li kellha l-Gozo Channel Company Limited qegħdin fil-proċess li jiġu trasferiti fil-kumpanija operattiva ġdida, Gozo Channel (Operations) Limited, li assumiet l-operat, obbligi u kuntratti kollha li kellha l-Gozo Channel Company Limited. It-tlett vapuri huma propjeta’ tal-kumpanija Gozo Channel (Holding) Ltd. (preċedentement magħrufa bħala Gozo Ferries Limited) li tagħha hi sussidjarja l-Gozo Channel (Operations) Ltd. Il-Gozo Channel (Operations) Limited assumiet ukoll l-impjieg tal-ħaddiema kollha li kienu impjegati mal-Gozo Channel Company Limited bi qbil mar-rapprezentanti tal-ħaddiema. Ta’ min iżid li saru wkoll laqgħat mal-ħaddiema kollha sabiex jiġi spjegat lilhom il-proċess kollu u kif il-pozizzjoni tal-impjieg u id-drittijiet tagħhom ma kienux se jiġu affettwati b’ dawn il-kambjamenti fl-istrutturi tal-Grupp.
Leg 12 PQ #28690 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Joint office – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn qiegħed jistenna risposta mill-Joint Office?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt relattiv ma jistax isir qabel ma tiġi risolta l-kwistjoni fir-reġistrazzjonijiet, sottomessi r-Reġistru tal-Artijiet, bejn il-Gvern ta’ Malta u terzi. Minkejja d-diversi tentattivi min-naħa tad-Dipartiment, sabiex it-terzi persuni jersqu ‘l quddiem u jemendaw l-applikazzjoni tagħhom, dan sal-lum baqa’ ma seħħx. Din il-kwistjoni baqgħet pendenti minħabba illi l-Gvern ma jista bl-ebda mod jemenda r-reġistrazzjoni ta’ terzi mingħajr l-awtorizazzjoni tal-istess terzi. L-applikant ġie nfurmat diversi drabi li qabel ma tiġi sorvolata din il-kwistjoni, l-kuntratt relattiv ma jistax isir.

Kera ta’ telecare – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-anzjana ta’ 80 sena li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din minkejja li għandha l-kartuna roża xorta tħallas il-kera tat-telecare u s-sussidju tal-kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u ġie spjegat lilha x'għandha tagħmel.

Pensjoni tal-Wens

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ser jinbidlu l-kriterji tal-Pensjoni tal-Wens (Carer’s Pension) u l-Għajnuna Soċjali għall-Carers (Social Assistance for Carers) skont kif ġie mħabbar fil-Baġit 2017? Jista' jgħid min ser ikun eliġibbli biex japplika, kemm persuni ser ikunu qed jibbenefikaw minn din ir-reviżjoni u kemm ser ikun il-massimu li kull persuna tista' tkun qed tirċievi permezz ta' dawn l-iskemi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn Jannar 2017, persuni li jirċievu l-Pensjoni tal-Wens se jinqalbu awtomatikament għal benefiċċju l-ġdid Allowance Miżjuda għal Carer (ICRA). Din l-allowance se tkun ta’ €140 fil-ġimgħa. Minn dan l-istess xahar ser jibdew jintlaqgħu applikazzjonijiet ġodda minn persuni singoli kif ukoll persuni miżżewġa li ma jaħdmux, li huma taħt l-età tal-pensjoni u li jgħixu fl-istess dar u qed jagħtu kura lill-pazjent li, skont skali stabbiliti ibbażati fuq il-Barthel Index, ikun ikkunsidrat li għandu grad ta’ dipendenza għolja. Dan il-benefiċċju ġdid mhux se jkun skont test tal-mezzi għalkemm Artikolu 90 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) jibqa’ jgħodd. Dan ifisser li persuna ma tistax tikkwalifika għal żewġ benefiċċji fl-istess waqt imma tingħata l-benefiċċju, pensjoni, allowance, jew assistenza li jkollha dritt għaliha bl-ogħla rata. Dawk li sal-bidu ta’ Jannar 2017 kienu qegħdin jirċievu Għajnuna Soċjali għal Carer, se jiġu maqluba awtomatikament għall-Allowance għal Carer (CRA). Mill-bidu ta’ Jannar 2017, se jibdew jintlaqgħu applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju ġdid li se jibqa’ jkun skont test tal-mezzi, kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) u li se jkun sa massimu ta’ €90 fil-ġimgħa. Il-persuni singoli li jistgħu japplikaw iridu jkunu jgħixu mal-pazjent, ma jkunux f’impjieg u jkunu qed jieħdu ħsieb il-pazjent li jkun ikkunsidrat li għandu grad ta’ dipendenza medja skont l-iskali fuq imsemmija.

Official Malta Budget – promozzjoni 2 Ġid li jasal għand kulħadd

Question

Skont promozzjoni li qed tidher in konnessjoni mal-Official Malta Budget 2017 (Promo 2 - Ġid li jasal għand kulħadd), qed jiġi rreklamat li tifla ta' koppja anzjana li ddeċidiet li tibqa' d-dar biex tieħu ħsieb il-ġenituri tagħha, ser tkun qed tieħu benefiċċju ta' €7,280 bħala carer tagħhom, jista' l-Ministru jgħid kif ġie kkalkolat dan il-benefiċċju u x'inhuma l-kriterji sabiex tfal ta' koppji anzjani li jibqgħu jgħixu d-dar, jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju ta' €7,280?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, skont il-miżuri tal-budget, it-tifla ta’ koppja anzjana li qed tiġi referuta fir-reklam li qed issir referenza għalih, tkun tikkwalifika għall-Allowance Miżjuda għall-Carer (ICRA) ġaladarba xi ħadd mill-ġenituri tagħha jkollu grad ta’ dipendenza għolja skont skali li se jiġu stabbiliti fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali bbażati fuq il-Barthel Index. Din l-allowance se tkun ta’ €140 fil-ġimgħa u mhux se tkun skont test tal-mezzi. Dawk li llum diġa qed jieħdu l-Pensjoni tal-Wens, li issa se ssir Allowance Miżjuda għal Carer, awtomatikament se jaraw il-benefiċċju tagħhom jiżdied b’€34.70 fil-ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li ġej ‘il quddiem mingħair il-bżonn li l-pazjent ikun eżaminat. F’każ li l-ġenitur ma jkollux grad ta’ dipendenza għolja imma medja, wieħed ikun jista’ jikwalifika jekk jgħaddi mit-test tal-mezzi għall-Allowance għal Carer (CRA) b’pagament fil-ġimgħa sa €90 li se jitħallas minn Jannar 2017. Dawk li llum diġa qed jieħdu l-Għajnuna Soċjali għal Carer, li issa se ssir Allowance għal Carer, awtomatikament se jaraw il-benefiċċju tagħhom jiżdied b’€13.47 fil-ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li ġej ‘il quddiem mingħajr il-bżonn li l-pazjent ikun eżaminat.